23.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 171/37


Sejħa għal proposti – Kummissjoni Ewropea – DĠ REGIO

Proġett Pilota “Koordinazzjoni Pan-Ewropea ta' metodi ta' integrazzjoni tar-Roma” – Inklużjoni tar-Roma

2009/C 171/08

1.   Għan u deskrizzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea biħsiebha timplimenta l-Proġett Pilota tal-Parlament Ewropew permezz ta' sejħa għal proposti, inkluż tliet temi separati indipendenti li jikkorrispondu għall-oqsma ta' intervenzjoni li ġejjin.

(1)

Kura u edukazzjoni ta' tfal ta' età bikrija (ECEC).

(2)

Xogħol awtonomu u mikro-kreditu.

(3)

Tagħrif u ħolqien ta' għarfien

L-applikanti jistgħu jippreżentaw proposti marbuta mal-għanijiet ta' wieħed biss minn tliet oqsma individwali ta' intervenzjonijiet.

Il-proġett pilota għandu jappoġġja approċċi innovattivi u integrati biex jittratta l-problemi multidimensjonali li qed jiffaċċjaw l-komunitajiet Roma. Il-proġett pilota se jesplora l-mezzi ta' kif jintegra lir-Roma permezz ta' attivitajiet edukattivi, soċjali u ekonomiċi, il-kooperazzjoni transkonfinali u l-iskambju tal-aqwa prassi, filwaqt li jibni fuq l-esperjenzi eżistenti.

Il-proġett pilota se jiġi primarjament implimentat fi Stati Membri u pajjiżi kandidati bi proporzjon għoli ta' komunitajiet Roma żvantaġġati.

2.   Applikanti eliġibbli

L-applikanti jridu jkunu stabbiliti f'wieħed mis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

Il-proposti jridu jintbagħtu minn għaqdiet mhux bi skop ta' qligħ. Dawn l-għaqdiet jistgħu jkunu:

għaqdiet mhux governattivi (NGOs) u netwerks,

jew

entitajiet pubbliċi.

L-istess japplika għal għaqdiet imsieħba.

3.   Kriterji ta' esklużjoni u ta' għażla

L-applikanti jiġu esklużi jekk ikunu f'waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 93 u 94 tar-Regolament Finanzjarju.

Kriterji ta' għażla

L-applikant irid ikollu l-kapaċità finanzjarja u operattiva li jwettaq sal-aħħar l-attività li għaliha ntalbu l-fondi. Għalhekk, l-applikant irid ikollu aċċess għal fondi sodi u xierqa biex isostni l-attivitajiet għall-perjodu tal-proġett u biex jgħin fl-iffinanzjar tiegħu kif meħtieġ u jrid ikollu r-riżorsi operattivi (tekniċi, ta' ġestjoni) meħtieġa biex iwettaq sat-tmiem u b'suċċess l-attività. Il-kapaċità teknika se tiġi vvalutata b'mod partikolari fir-rigward tal-għarfien espert, l-għerf, l-effiċjenza, l-esperjenza u l-affidabilità tal-persunal propost.

4.   Kriterji ta' għoti għal kull tema

 

Kura u edukazzjoni ta' tfal ta' età bikrija (ECEC).

Metodoloġija u effikaċja ta' nfiq (30 %)

Valutazzjoni tas-sitwazzjoni preżenti, inkluż l-għarfien ta' esperjenzi attwali (20 %)

Struttura ta' ġestjoni u allokazzjoni tal-persunal (30 %)

Strateġija ta' sostennibilità (20 %)

 

Xogħol awtonomu u mikro-kreditu.

Metodoloġija, għanijiet u effikaċja ta' nfiq (35 %)

Struttura ta' ġestjoni u allokazzjoni tal-persunal (35 %)

Strateġija ta' sostenibilità (30 %).

 

Tagħrif u ħolqien ta' għarfien

Metodoloġija, għanijiet u effikaċja ta' nfiq (45 %)

Struttura ta' ġestjoni u allokazzjoni tal-persunal (35 %)

Strateġija ta' sostennibilità (20 %)

5.   Baġit u tul tal-proġett

5.1.   Kura u edukazzjoni ta' tfal ta' età bikrija (ECEC)

Il-baġit se jiġi allokat lil applikant wieħed. Il-kontribuzzjoni tal-UE (sa EUR 2 000 000) ma tistax tirrappreżenta aktar minn 95 % tal-ispejjeż eliġibbli. It-tul tal-proġett ma jistax ikun inqas minn 12-il xahar u ma jistax jaqbeż l-24 xahar.

5.2.   Xogħol awtonomu u mikrokreditu

Il-baġit se jiġi allokat lil applikant wieħed. Il-kontribuzzjoni tal-UE (sa EUR 1 500 000) ma tistax tirrappreżenta aktar minn 90 % tal-ispejjeż eliġibbli. It-tul tal-proġett ma jistax ikun inqas minn 12-il xahar u ma jistax jaqbeż l-24 xahar.

5.3.   Tagħrif u ħolqien ta' għarfien

Il-baġit se jiġi allokat lil applikant wieħed. Il-kontribuzzjoni tal-UE (sa EUR 1 000 000) ma tistax tirrappreżenta aktar minn 90 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-proġett. It-tul tal-proġett ma jistax ikun inqas minn 12-il xahar u ma jistax jaqbeż l-24 xahar.

6.   Skadenza

L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-25 ta’ Settembru 2009.

7.   Aktar tagħrif

It-test sħiħ tal-gwida għall-applikanti tas-sejħa għal proposti u l-formola ta' applikazzjoni jinsabu fil-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/regional_policy/index_en.htm

L-applikazzjonijiet iridu jkunu konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-Gwida hawn fuq imsemmija u jridu jintbagħtu fuq il-formola pprovduta.