28.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 119/5


AVVIŻ TA' SITT POŻIZZJONIJIET BATTALA TA' MEMBRI TAL-BORDIJIET TAL-APPELL

VEXT/09/586/AD 11/BoA

(2009/C 119 A/02)

1.   L-UFFIĊĊJU GĦALL-ARMONIZZAZZJONI FIS-SUQ INTERN (UASI).

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni), “l-Uffiċċju”, ġie stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (1).

L-Uffiċċju huwa aġenzija tal-Unjoni Ewropea, li għandu personalità ġuridika u li huwa indipendenti fir-rigward ta' kwistjonijiet tekniċi, amministrattivi u finanzjarji, huwa responsabbli sabiex jamministra s-sistemi tat-trade mark Komunitarja u d-disinn Komunitarju. It-trade marks u d-disinji komunitarji rreġistrati mill-Uffiċċju jipproduċu l-effetti tagħhom fl-Unjoni Ewropea kollha.

Minn meta l-Uffiċċju beda jiffunzjona fl-1996, 'il fuq minn 500 000 applikazzjoni għal trade mark Komunitarja waslu għal reġistrazzjoni. L-Uffiċċju jaħdem id f'id mal-uffiċċji nazzjonali tat-trade marks. Fl-2008 saru 87 000 applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u 77 000 applikazzjoni għal disinn Komunitarju. Il-baġit tal-Uffiċċju għall-2009 huwa madwar EUR 200 000 000 u n-numru ta' impjiegi jlaħħaq madwar 700.

L-UASI tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs u taċċetta applikazzjonijiet mingħajr distinzjoni fuq bażi ta sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew ta' kull xorta oħra, appartenenza ma' minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabilità, età jew orjentament sesswali.

Il-lingwi tal-Uffiċċju huma l-Ispanjol, il-Ġermaniż, l-Ingliż, il-Franċiż u t-Taljan.

L-Uffiċċju għandu s-sede tiegħu f'Alicante, Spanja.

2.   IL-BORDIJIET TAL-APPELL

Il-Bordijiet tal-Appell huma responsabbli sabiex jiddeċiedu l-appelli kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-persunal tal-Uffiċċju għal dak li jirrigwarda l-eżaminazzjoni tat-trade marks jew disinji, l-oppożizzjonijiet, il-kanċellamenti jew l-invalidità tagħhom.

Id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell huma meħuda minn Bordijiet komposti minn president u żewġ membri. Tnejn minn tlieta jridu jkunu kwalifikati legalment. F'ċerti każijiet speċifiċi, id-deċiżjonijiet huma meħuda minn Bord b'aktar membri jew minn membru wieħed, li jrid ikun kwalifikat legalment. Skont ir-rekwiżiti tas-servizz, membri jistgħu jiġu assenjati għal wieħed jew diversi Bordijiet tal-Appell.

Il-Bordijiet tal-Appell jikkonsistu attwalment minn President wieħed, tliet chairpersons u ħdax-il membru assistiti minn persunal legali u amministrattiv u appoġġjati mir-Reġistru u mis-Servizz Xjentifiku. Madwar 70 persuna taħdem fil-Bordijiet tal-Appell u s-servizzi li jappoġġjawhom.

In-numru totali ta' appelli ppreżentati sal-aħħar ta' Diċembru 2008 kien madwar 13, 300, b'madwar 11 700 ta' dawk il-każijiet li ngħalqu sa dik id-data. B'mod ġenerali, madwar 65 % tal-każijiet kollha stabbilew l-Ingliż bħala l-lingwa tal-proċeduri, segwit mill-Ġermaniż (20 %), il-Franċiż (7 %), l-Ispanjol (6 %) u t-Taljan (2 %).

3.   POŻIZZJONI LI GĦANDHA TIMTELA

L-Uffiċċju qiegħed ifittex kandidati għat-tfassil ta' lista ta' riserva sabiex jimtlew minimu ta' sitt pożizzjonijiet bħala membri tal-Bordijiet tal-Appell.

4.   ĦATRA

Membri tal-Bordijiet tal-Appell huma maħtura, għall-perjodu ta' ħames snin, mill-Bord Amministrattiv tal-Uffiċċju. Il-mandat jista' jiġi mġedded għal perjodi addizzjonali ta' ħames snin jew sal-età tal-pensjoni f'każ li tali età tiġi milħuqa matul mandat ġdid.

Id-data tal-bidu tal-kariga hija mistennija li tkun bejn l-2010 u l-2011.

5.   KONDIZZJONIJIET TAL-IMPJIEG

Lill-kandidat li jintgħażel ser jiġu offrut kuntratt ta' ħames snin bħala membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Impjegati Oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej, fil-grupp ta' funzjoni ta' l-amministraturi (AD), grad 11. Is-salarju bażiku fix-xahar fl-1 ta' Lulju 2008 li jikkorispondi mal-ewwel pass ta' dan il-grad kien ta' EUR 8 790,51. Hemm elementi oħra tas-salarju li jirriflettu l-istat ta' miżżewweġ/a u tfal dipendenti Barra minn hekk, jingħataw ukoll diversi konċessjonijiet għat-traslok u għall-ivvjaġġar, kif ukoll għall-assigurazzjoni għas-saħħa u għal xi aċċidenti u skema tal-pensjoni. Is-salarju huwa soġġett għat-taxxa tal-Komunità u tnaqqis ieħor imsemmi fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Impjegati Oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej. Huwa madanakollu eżenti minn kull tassazzjoni nazzjonali. It-tfal dipendenti jistgħu jattendu l-Iskola Ewropea f'Alicante, bla ħlas.

Kull membru tal-Bordijiet tal-Appell li jinħatar b'riżultat ta' din il-proċedura ta' selezzjoni u li l-mandat tiegħu ġie mġedded għal terminu ġdid bi qbil mal-Artikolu 136(2) tar-Regolament Nru 207/2009, jista' jiġi klassifikat mill-ġdid mill-Bord Amministrattiv fuq proposta tal-President tal-Bordijiet tal-Appell fil-grupp ta' funzjoni AD, grad 12, dovut għall-esperjenza preċedenti tiegħu bħala membru tal-Bordijiet tal-Appell.

Kull membru tal-Bordijiet tal-Appell li jinħatar permezz ta' din il-proċedura ta' selezzjoni:

li kien maħtur formalment bħala membr tal-Bordijiet tal-Appell mill-Kunsill skont il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 136(1) tar-Regolament Nru 207/2009, qabel l-emenda provduta mir-Regolament (KE) Nru 422/2004 tad-19 ta' Frar 2004 (2); u

li l-kuntratt inizjali tiegħu ġie stabbilit taħt il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għal Aġenti Oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej preċedenti (“CEOS”); u

li l-mandat tiegħu huwa mġedded b'riżultat ta' din il-proċedura ta' selezzjoni; u

li l-grad tiegħu fi żmien it-tiġdid huwa għola mill-grad AD12,

jista' jiġi klassifikat mill-ġdid mill-Bord Amministrattiv tal-Uffiċċju fuq proposta tal-President tal-Bordijiet tal-Appell għal grad (sal-grad AD13) u pass b'tali mod illi, bi qbil mad-dispożizzjonijiet imniżżla fiċ-CEOS fis-seħħ, is-salarju bażiku (3) tiegħu/tagħha jkun fl-eqreb livell possibbli (kemm jekk ftit iktar kif ukoll jekk ftit inqas) għas-salarju bażiku li rċieva/rċeviet fi tmiem il-mandat preċedenti tiegħu/tagħha.

L-impjieg jintemm fid-data stabbilita fil-kuntratt jew inkella fuq talba tal-membru tal-persunal temporanju inkwistjoni, wara li jgħaddu tliet xhur ta' avviż, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg imsemmija hawn fuq.

6.   IL-KWALIFIKI U L-ESPERJENZA MEĦTIEĠA

Il-kandidati għandhom ikunu kapaċi li jaħdmu f'ambjent multilingwi (korp tal-Unjoni Ewropea). Numru kbir ta' każijiet iridu jiġu deċiżi f'żminijiet qosra u b'responsabbiltà maqsuma, skont l-objettivi definiti mill-President tal-Bordijiet tal-Appell.

Il-kwalifiki minimi u l-esperjenza meħtieġa huma s-segwenti:

Livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji mitmuma u ċċertifikati permezz ta' diploma fil-każ li l-perjodu normali għall-edukazzjoni universitarja huwa ta' erba' snin jew aktar, jew livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji mitmuma u ċċertifikati permezz ta' diploma u esperjenza professjonali rilevanti ta' sena minn tal-inqas fil-każ li l-perjodu normali ta' edukazzjoni universitarja jkun ta' tliet snin mill-inqas;

Minimu ta' 15-il sena ta' esperjenza professjonali, li jikkorrispondu għall-kategorija tal-pożizzjoni u li tkun ġiet akkwiżita, wara d-data tal-lawrja hawn fuq imsemmija, sad-data ta' għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet, fejn mill-anqas ħamsa minn dawn kienu fil-qasam tal-propjeta intellettwali u, b'mod partikolari, fil-qasam tat-trade marks u/jew disinji;

Għarfien tajjeb ħafna ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien sodisfaċenti ta' lingwa oħra tal-Komunità. Waħda minn dawn il-lingwi trid tkun waħda mill-ħames lingwi tal-UASI, jiġifieri l-Ispanjol, il-Ġermaniż, l-Ingliż, il-Franċiż u t-Taljan.

Dawn li ġejjin jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ:

Lawrja universitarja fil-liġi;

Esperjenza professjonali ta' ħidma f'lingwa li mhijiex il-lingwa materna tal-kandidat;

Għarfien tajjeb tal-Ingliż jew tal-Ġermaniż

Il-kandidat li jintgħażel irid jissodisfa wkoll il-kondizzjonijiet ġenerali għall-impjieg ta' impjegat tal-Unjoni Ewropea, fosthom:

ikun ċittadin ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

qatt ma jrid ikun instab ħati ta' xi reati kriminali;

ikun fiżikament b'saħħtu biex iwettaq tali kompiti;

jiġifieri jkun kapaċi jlesti mandat ta' ħames snin qabel jilħaq l-età ta' rtirar, i.e.: l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tilħaq l-età ta' 65.

7.   SOTTOMISSJONI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

L-applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu bl-email jew bil-messaġġiera, permezz tal-formola ta' applikazzjoni disponibbli fuq is-sit tal-Uffiċċju:

http://oami.europa.eu/ows/rw/pages/OHIM/career/career.en.do

Dawk li jintbagħtu bl-email iridu jintbagħtu hawnhekk: ABBCIF@oami.europa.eu

Dawk li jintbagħtu bil-messaġġier iridu jintbagħtu hawnhekk:

Chairperson of the Administrative Board

Office for Harmonization in the Internal Market

(Trade Marks and Designs)

Avenida de Europa, 4

E — 03008 Alicante

SPANJA

L-applikazzjonijiet iridu jaslu qabel nofsillejl tad-19/6//2009.

It-taqsimiet kollha tal-formola għandhom jimtlew. Formola ta' applikazzjoni li ma tkunx kompluta (pereżempju waħda li jkun fiha n-nota “ara il-CV mehmuż”) ma tiġix ikkunsidrata.

Il-kandidati li jiġu mistiedna għall-intervista (ara l-proċedura ta' selezzjoni iktar 'l isfel), ser jintalbu jippreparaw qabel l-intervista id-dokumenti mehmużin rilevanti relatati mal-kondizzjonijiet bażiċi mitluba, flimkien ma' kwalifiki u esperjenzi oħra:

1)

kopja ta' dokument ta' identità (bħal passaport jew karta tal-identità)

2)

kopji ta' diplomi;

3)

kopji taċ-ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali msemmija f' punt 6

Dokumenti oħra, b'mod partikolari l-curricula vitae, mhumiex se jiġu kkunsidrati. Ta' min wieħed jinnota, b'mod partikolari, li kull kwalifika jew esperjenza professjonali li ma tiġix sostnuta b'dokumenti mehmuża mal-applikazzjoni, bħal kopji tad-diplomi jew ċertifikati ta' impjieg, mhijiex se tiġi kkunsidrata u dan jirriżulta fir-rifjut tal-applikazzjoni.

8.   PROĊEDURA TA' SELEZZJONI

Is-selezzjoni ser issir taħt il-kontroll tal-Bord Amministrattiv tal-Uffiċċju. Kumitat ta' preselezzjoni maħtur mill-Bord Amministrattiv ser jagħrbel l-applikazzjonijiet sabiex jassessja l-ammissibbiltà, u jiddeċiedi liema kandidati għandhom jiġu mistiedna għal intervista jew għal eżamijiet oħra. Wara t-tlestija tal-proċedura ta' selezzjoni, il-kandidati li jintgħażlu jitniżżlu fuq lista ta' mhux aktar minn 12-il ruħ. Waqt li ma tkun qed tingħata ebda garanzija, l-inklużjoni ta' isem fil-lista jkun ifisser li l-kandidat jista' jiġi offrut kuntratt temporanju ta' impjieg, skont il-ħtiġijiet tal-Bordijiet tal-Appell. Il-lista ta' riżerva ser tkun valida sal-31/12/2011.

9.   PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI

Bħala l-korp responsabbli mill-organizzazzjoni tas-selezzjoni, l-UASI jiggarantixxi li d-data personali tal-applikanti tiġi pproċessata kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data  (4). Dan japplika b'mod partikolari għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta' tali data.

10.   APPELL

Jekk kandidat jikkonsidra li ntlaqat b'mod negattiv minn deciżjoni partikolari, dan jista' jagħmel ilment skont Arikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, f'dan l-indirizz:

Office for Harmonization in the Internal Market

Human Resources Department

Avenida de Europa, 4

E-03008 Alicante

Spanja

11.   AKTAR INFORMAZZJONI

Aktar informazzjoni tista' tinkiseb minn:

Is-Sur Peter Lawrence

Viċipresident u direttur tad-dipartiment tar-Riżorsi Umani

Office for Harmonization in the Internal Market

(Trade Marks and Designs)

Office 1A-3/20-21

Avenida de Europa, 4

E — 03008 Alicante

SPANJA

Tel: (+34) 965 139 147

Fax: (+34) 965 139 952

e-mail: peter.lawrence@oami.europa.eu

N.B.: Jekk ikun hemm xi diskrepanzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi, l-Ingliż għandu jitqies bħala l-verżjoni l-korretta.


(1)  ĠU UE L 78, 24.03.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 70/1, 9.3.2004, p. 1.

(3)  Ikkalkulat wara l-applikazzjoni finali tal-fattur ta' multiplikazzjoni.

(4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.