15.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 111/12


SEJĦA GĦAL PROPOSTI – EAC/21/2009

Azzjoni preparatorja fil-qasam tal-Isport

(Sejħa miftuħa)

2009/C 111/08

1.   Għanijiet u deskrizzjoni

Is-sejħa għal proposti sservi biex timplimenta l-Azzjoni Preparatorja fil-qasam tal-isport b'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K(2009) 1685 tas-16 ta' Marzu 2009 li tadotta “l-programm ta' ħidma annwali 2009 dwar l-għotjiet u l-kuntratti għall-azzjoni preparatorja fil-qasam tal-isport u għall-avvenimenti annwali speċjali”.

L-għan ewlieni tal-azzjoni preparatorja fil-qasam tal-isport għall-2009 huwa li jitħejjew azzjonijiet futuri tal-UE f'dan il-qasam, abbażi tal-prijoritajiet stabbiliti fil-White Paper dwar l-Isport.

Din is-sejħa għall-proposti se tappoġġja proġetti transnazzjonali mressqa minn entitajiet pubbliċi jew għaqdiet tas-soċjetà ċivili sabiex jidentifikaw u jittestjaw netwerks adatti u prassi tajba fil-qasam tal-isport, fl-oqsma li ġejjin:

(a)

Il-promozzjoni ta' attività fiżika li ttejjeb is-saħħa;

(b)

Il-promozzjoni ta' edukazzjoni u taħriġ fl-isport;

(c)

Il-promozzjoni tal-valuri fundamentali Ewropej billi jitħeġġeġ l-isport għall-persuni b'diżabilità;

(d)

Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport;

Kwalunkwe nefqa mġarrba qabel il-bidu tal-attivitajiet mhijiex se titqies.

Id-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli mill-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta' din l-azzjoni huwa l-Unità Sportiva tad-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura.

2.   Applikanti eliġibbli

Għal din is-Sejħa għal Proposti, huma eliġibbli żewġ kategoriji ta' applikanti:

Entitajiet pubbliċi;

Għaqdiet tas-soċjetà ċivili.

Barra minn dan, biex ikunu eliġibbli l-applikanti jridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

Ikollhom l-uffiċċju ċentrali f'wieħed miIl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju unit);

Ikollhom status ġuridiku.

Il-persuni naturali ma jistgħux jibagħtu applikazzjoni għal din is-sejħa għal proposti.

3.   Baġit u t-tul tal-proġett

Il-baġit disponibbli għal din is-sejħa ta’ proposti hu ta’ EUR 4 000 000.

Il-kofinanzjament tal-UE se jkun ipprovdut għal massimu ta' 80 % tal-ispejjeż totali. Il-kofinanzjament estern jista' jkun magħmul parzjalment minn kontributi mhux fi flus.

Madankollu, rigward in-numru u l-kwalità tal-proġetti mressqa, il-Kummissjoni tirriserva d-dritt li ma tagħtix il-finanzjament kollu disponibbli.

Il-proġetti jridu jibdew bejn l-1 ta’ Diċembru 2009 u tal-31 ta’ Marzu 2010 u jintemmu mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2011.

Il-perjodu ta' eliġibilità tal-ispejjeż se jibda fid-data speċifikata fil-kuntratt, jiġifieri d-data li fiha jinbeda l-proġett. Id-data tal-bidu tal-eliġibilità ma tista' tibda fl-ebda każ qabel id-data tat-tressiq tal-applikazzjoni għall-għotja.

In-nefqa mġarrba qabel id-data tal-attivitajiet mhijiex se titqies.

4.   Data finali għall-applikazzjonijiet

Id-data finali biex l-applikazzjonijiet jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea hija l-31 ta' Awwissu 2009 fuq il-marka postali.

5.   Informazzjoni addizzjonali

It-test sħiħ (speċifikazzjonijiet) għal din is-sejħa għal proposti u l-formoli ta' applikazzjoni huma disponibbli fuq il-websajt li ġejja:

http://ec.europa.eu/sport/index_en.htm

L-applikazzjonijiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha fit-test sħiħ ta' din is-sejħa għal proposti u jintbagħtu bl-użu tal-formola pprovduta għal dan l-għan.