27.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 73/41


MEDIA 2007 — ŻVILUPP, DISTRIBUZZJONI, PROMOZZJONI U TAĦRIĠ

Sejħa għall-proposti — EACEA/03/09

Sostenn għad-distribuzzjoni transnazzjonali tal-films Ewropej — L-ISKEMA “AWTOMATIKA” 2009

(2009/C 73/05)

1.   Għanijiet u deskrizzjoni

Dan l-avviż għall-sejħa għal proposti huwa bbażat fuq id-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' appoġġ lis-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007).

Wieħed mill-għanijiet tal-programm huwa li jinkoraġġixxi u jkun ta' sostenn għad-distribuzzjoni transnazzjonali usa' ta' films Ewropej riċenti billi jipprovdilhom fondi għad-distribuzzjoni, skont kif ikunu marru fis-suq, għal iżjed investiment f'films ġodda Ewropej li mhumiex nazzjonali.

L-iskema timmira wkoll sabiex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' ħoloq ta' komunikazzjoni bejn il-produzzjoni u s-setturi ta' distribuzzjoni u b'hekk itejbu s-sehem fis-suq tal-films Ewropej u l-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej.

2.   Applikanti eliġibbli

Dan l-avviż huwa mmirat lejn il-kumpaniji Ewropej speċjalizzati fid-distribuzzjoni teatrali tax-xogħlijiet Ewropej li l-attivitajiet tagħhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet imsemmija tal-programm MEDIA kif deskritt fid-Deċiżjoni tal-Kunsill.

L-applikanti għandhom ikollhom is-sede tagħhom f'wieħed minn dawn il-pajjiżi:

is-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea,

il-pajjżi tal-EFTA,

l-Iżvizzera,

il-Kroazja.

3.   Attivitajiet eliġibbli

L-iskema ta' sostenna “awtomatika” hija maqsuma f'żewġ fażijiet:

Ġenerazzjoni ta' fond potenzjali, li jkun proporzjonali għan-numru ta' biljetti mħallsa għad-dħul li jinbiegħu fi Stati li jkunu qed jieħdu sehem fil-programm għal films Ewropej mhux nazzjonali, sa massimu fiss għal kull film u aġġustat għal kull pajjiż.

Investiment mill-ġdid tal-fond potenzjali: iġġenerat minn kull kumpanija, il-fond irid jiġi investit mill-ġdid fi 3 moduli (3 tipi ta' azzjoni) sal-1 ta' Ottubru 2010:

1.

il-koproduzzjoni ta' films Ewropej mhux nazzjonali;

2.

il-kisba tad-drittijiet għad-distribuzzjoni, pereżempju permezz ta' garanziji minimi, ta' films Ewropej mhux nazzjonali; u/jew fi:

3.

spejjeż ta' editing (stampar, doppjaġġ, sottotitoli), spejjeż ta' promozzjoni u spejjeż ta' reklamar għal films Ewropej mhux nazzjonali.

Tip ta' azzjoni numru 1 u 2:

 

It-tul massimu tal-attivitajiet huwa ta' 30 xahar.

 

L-azzjonijiet iridu jibdew fl-1 ta' Awwissu 2009 u jintemmu fl-1 ta' Frar 2012.

Tip ta' azzjoni numru 3:

 

It-tul massimu tal-attivitajiet huwa ta' 42 xahar.

 

L-azzjonijiet iridu jibdew fl-1 ta' Frar 2009 u jintemmu fl-1 ta' Awwissu 2012.

4.   Kriterji tal-għoti

Fond potenzjali ser jiġi attribwit lil kumpaniji ta' distribuzzjoni Ewropej eliġibbli abbażi tad-dħul miksub mill-films Ewropej distribwiti mhux nazzjonali mill-applikant fis-sena ta' referenza (2008). Fi ħdan il-limitu ta' riżorsi baġitarji disponibbli, il-fond potenzjali ser jiġi kkalkulat abbażi ta' ammont fiss għal kull daħla eliġibbli.

Is-sostenn ser jieħu l-forma ta' fond potenzjali (il-“Fond”) li jkun disponibbli għad-distributuri għal iżjed investiment f'films riċenti Ewropej mhux nazzjonali.

Il-fond jista' jiġi ri-investit:

1.

fil-produzzjoni ta' films ġodda Ewropej li mhumiex nazzjonali (jiġifieri films li jkunu għadhom ma tlestewx sad-data tal-applikazzjoni għal investiment mill-ġdid);

2.

fis-sodisfazzjoni tal-garanziji minimi għad-distribuzzjoni għal films riċenti Ewropej mhux nazzjonali;

3.

fis-sodisfazzjon tal-ispejjeż għad-distribuzzjoni, jiġifieri P&R (promozzjoni u reklamar) għal films riċenti Ewropej mhux nazzjonali.

5.   Baġit

Il-baġit totali disponibbli huwa ta' EUR 17 000 000.

Ma hemm ebda ammont massimu.

Il-kontribuzzjoni finali mogħtija tkun f'forma ta' sussidju. Is-sostenn finali mill-Kummissjoni ma jistax jaqbeż l-40 %, il-50 % jew is-60 % tal-ispejjeż totali eliġibbli.

L-Aġenzija żżomm id-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

6.   Skadenza għall-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet

Il-proposti għall-“ġenerazzjoni” ta' fond potenzjali jridu jintbagħtu (bid-data tat-timbru) mhux aktar tard mit-29 ta' Mejju 2009 u f'dan l-indirizz:

Education, Audiovisual and Culture Executive Agency (EACEA)

Constantin Daskalakis — BOUR 3/66

Avenue du Bourget, 1

1140 Brussels

BELGIUM

L-applikazzjonijiet ippreżentati fuq il-formola ta' applikazzjoni uffiċjali, iffirmati mill-persuna awtorizzata biex tidħol f'impenji li legalment jorbtu f'isem l-organizzazzjoni li qed tapplika biss ikunu aċċettati. Fuq l-enveloppi importanti li tissemma':

MEDIA 2007 — DISTRIBUZZJONI EACEA/03/09 — ĊINEMA AWTOMATIKU

L-applikazzjonijiet li jintbagħtu bil-fax jew bl-email jiġu rifjutati.

7.   Dettalji kollha

It-test sħiħ tal-linji gwida flimkien mal-formoli tal-applikazzjoni, jistgħu jinstabu fl-indirizz Internet li ġej:

http://ec.europa.eu/information_society/media/distrib/schemes/auto/index_en.htm

L-applikazzjonijiet għandhom ikunu konformi mat-termini kollha tal-linji gwida, sottomessi fuq il-formoli pprovduti u jinkludu l-informazzjoni kollha u l-annessi speċifikati fit-test sħiħ tas-sejħa.