26.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 217/17


Sejħa għal turija ta' interess għal aġenti kuntrattwali b'kuntratt temporanju (EMEA, Londra)

(2008/C 217/09)

L-Aġenzija hija responsabbli għall-koordinazzjoni tal-valutazzjoni u tas-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem u veterinarju fl-Unjoni Ewropea (ara r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 726/2004, ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1). L-EMEA ġiet mwaqqfa f'Jannar 1995. Għandha ħafna kuntatti mill-qrib mal-Kummissjoni Europea, mas-27 Stat Membru ta' l-UE, mal-pajjiżi taż-ŻEE-EFTA u ma' bosta gruppi fil-gvern u fis-settur privat. L-Aġenzija għandha ambjent ta' xogħol multikulturali u stimulanti.

Aktar informazzjoni dwar l-EMEA u dwar l-attivitajiet tagħha tista' tinkiseb minn fuq l-Internet; l-indirizz elettroniku tagħna huwa http://www.emea.europa.eu

L-EMEA tixtieq tistabbilixxi roster ta' kandidati interessati sabiex jaħdmu fuq bażi temporanja b'kuntratt ta' aġenti kuntrattwali. Il-profili tax-xogħlijiet huma ppubblikati f'dokument separat li huwa disponibbli mill-websajt ta' l-EMEA.

Il-kandidati li jintagħżlu se jiġu inklużi f'lista ta' riserva u jistgħu jiġu offruti xogħol temporanju li jista' jvarja minn tliet xhur sa ħames snin taħt il-kuntratt ta' aġent kuntrattwali skond il-kundizzjonijiet ta' impjiegi ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 56, 4.3.1968  (1)) u d-dispożizzjonijiet implimentattivi ġenerali ta' l-EMEA dwar il-proċeduri li jirregolaw ir-reklutaġġ u l-użu ta' personal kuntrattwalit fi ħdan l-EMEA (2).

Xogħol temporanju jista' jinkludi s-sostituzzjoni ta' aġenti temporanji ta' l-EMEA (per eżempju għal raġunijiet ta' leave tal-maternità, leave tal-paternità, leave tal-familja, leave tal-ġenituri, leave bla ħlas jew leave minħabba mard għal żmien twil) jew xogħol fuq proġetti speċifiċi għal perjodu ta' żmien qasir jekk ikun hemm fondi disponibbli. Bl-ebda mod ma jista' kuntratt ta' aġent kuntrattwali iwassal għal kuntratt ta' aġent temporanju mingħajr ma l-kandidat ikun għadda b'suċċess minn proċedura addizzjonali ta' selezzjoni. Il-kuntratt ta' aġenti kuntrattwali ma jistax jiġġedded aktar minn darba.

Il-post ta' l-impjieg sejjer ikun Canary Wharf, Londra.

Il-kandidati għandhom ikunu ċittadini ta' Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej jew ta' l-Iżlanda, tan-Norveġja jew ta' Liechtenstein, bil-kundizzjoni li jkollhom kull dritt ta' ċittadin.

Il-kandidati għandhom ikunu ssodisfaw l-obbligi kollha imposti fuqhom mil-liġijiet fir-rigward tas-servizz militari u għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-karattru għad-dmirijiet involuti.

Il-kundizzjonijiet kollha u d-deskrizzjoni tax-xogħol għandhom jitniżżlu mill-websajt ta' l-EMEA: http://www.emea.europa.eu/htms/general/admin/recruit/recruitnew.htm L-applikazzjonijiet għandhom isiru b'mod elettroniku permezz tal-formola li hemm fuq il-websajt ta' l-EMEA. L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu mhux aktar tard minn nofsillejl ta' l-24 ta' Settembru 2008. Jekk jogħġbok innota li minħabba n-numru kbir ta' applikazzjonijiet li tirċievi l-EMEA, meta toqrob id-data ta' l-għeluq għas-sottomissjoni ta' l-applikazzjonijiet, is-sistema jista' jkollha xi problemi biex tipproċessa l-ammonti kbar ta' data. Għaldaqstant, l-applikanti huma mħeġġa sabiex jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom qabel sewwa d-data ta' għeluq.

Jekk tixtieq tirċievi notifikazzjoni tal-pubblikazzjonijiet tal-postijiet battala b'mod elettroniku, jekk jogħġbok irreġistra onlajn fuq http://www.emea.europa.eu/ taħt “Online Mailing Service — Servizz Postali Onlajn”


(1)  http://ec.europa.eu/civil_service/docs/toc100_en.pdf

(2)  http://www.emea.europa.eu/pdfs/general/admin/recruit/42125407en.pdf