8.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 202/20


Operat ta' servizzi tal-ajru skedati

Stedina għall-offerti maħruġa mir-Renju Unit skont l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 fir-rigward tal-operazzjoni tas-servizzi tal-ajru skedati bejn Glasgow-Campbeltown, Glasgow-Tiree u Glasgow-Barra (L-Iskozja)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 202/09)

1.   Daħla

Skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar l-aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji, ir-Renju Unit impona obbligi ta' servizz pubbliku fir-rigward ta' servizzi tal-ajru skedati bejn Glasgow-Campbeltown, Glasgow-Tiree u Glasgow-Barra (1). L-istandards mitluba minn dawn l-obbligi tas-servizz pubbliku ġew ippubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej C 387 tal-21 ta' Diċembru 1996, p. 6-7, kif modifikati fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet/tal-Unjoni Ewropej/a C 355 tat-8 ta' Diċembru 1999, p. 3-4, C 310 tat-13 ta' Diċembru 2002, p. 7-8 u C 278 tad-19 ta' Novembru 2003, p. 5-6, C 321 tas-16 ta' Diċembru 2005, p. 5-6, C 184 tat-8 ta' Awwissu 2006, p. 4 u C 201 tas-7 ta' Awwissu 2008, p. 2.

Jekk sal-1 ta' Marzu 2009 l-ebda operatur tat-trasport bl-ajru ma jkun beda jew ikun se jibda jopera servizzi skedati ta' trasport bl-ajru bejn Glasgow-Campbeltown, Glasgow-Tiree u Glasgow-Barra skont l-obbligi tas-servizz pubbliku imposti u mingħajr ma jitlob kumpens finanzjarju, ir-Renju Unit iddeċieda, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 4(1)(d) tar- Regolament imsemmi hawn fuq, li jkompli jillimita l-aċċess għal dawn ir-rotot għal operatur tat-trasport bl-ajru wieħed biss u jagħti d-dritt li dawn is-servizzi joperaw mill-1 ta' April 2009 permezz tas-sejħa għall-offerti.

2.   L-għan tal-istedina għas-sejħa għall-offerti

It-tħaddim mill-1 ta' April 2009 tas-servizzi tal-ajru skedati bejn Glasgow-Campbeltown, Glasgow-Tiree u Glasgow-Barra skont l-obbligi tas-servizz pubbliku imposti fuq dawn ir-rotot u ppubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej C 387 tal-21 ta' Diċembru 1996, p. 6-7, kif modifikati fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet/tal-Unjoni Ewropej/a C 355 tat-8 ta' Diċembru 1999, p. 3-4, C 310 tat-13 ta' Diċembru 2002, p. 7-8, C 278 tad-19 ta' Novembru 2003, p. 5-6, C 321 tas-16 ta' Diċembru 2005, p. 5-6, C 184 tat-8 ta' Awwissu 2006, p. 4 u C 201 tas-7 ta' Awwissu 2008, p. 2.

3.   Parteċipazzjoni

Il-parteċipazzjoni hija miftuħa għall-operaturi kollha tat-trasport bl-ajru li għandhom liċenzja valida maħruġa minn Stat Membru skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta' Lulju1992, dwar liċenzjar ta' air carriers. Is-servizzi se jitħaddmu skont ir-reġim regolatorju tal-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili (CAA).

4.   Proċedura tal-offerti

Din is-sejħa għall-offerti hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 (1) (d), (e), (f), (g), (h) u (i) tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92.

5.   Dossier tal-offerti /Kwalifiki eċċ

Id-dokumentazzjoni kollha tas-sejħa għall-offerti, inkluża l-formula tal-offerti, l-ispeċifikazzjonijiet, il-kundizzjonijiet tal-kuntratt/tal-iskeda għall-kundizzjonijiet tal-kuntratt, kif ukoll it-test tal-obbligi oriġinali tas-servizz pubbliku ppubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej C 387 tal-21 ta' Diċembru 1996, p. 6-7, kif inhu modifikat fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet/tal-Unjoni Ewropej/a C 355 tat-8 ta' Diċembru 1999, p. 3-4, C 310 tat-13 ta' Diċembru 2002, p. 7-8, C 278 tad-19 ta' Novembru 2003, p. 5-6, C 321 tas-16 ta' Diċembru 2005, p. 5-6, C 184 tat-8 ta' Awwissu 2006, p. 4 u C 201 tas-7 ta' Awwissu 2008, p. 2, tista' tinkiseb bla ħlas mill-Awtorità li tagħti l-kuntratt kif ġej:

The Scottish Government, Transport Directorate, Aviation Policy, Victoria Quay, Edinburgh, EH6 6QQ, United Kingdom

Tel. (44-131) 244 08 54 jew (44-131) 244 08 67

Feks (44-131) 244 04 63

Kuntatt: Grace McGuire jew Ken Crawford, The Scottish Government, Aviation Policy

Posta elettronika: grace.mcguire@scotland.gsi.gov.uk — ken.crawford@scotland.gsi.gov.uk

Il-linji tal-ajru jeħtiġilhom jinkludu evidenza tal-qagħda finanzjarja tagħhom fid-dokumenti tal-offerti tagħhom (jekk inhuma disponibbli, għandhhom jiġu inklużi r-rapport annwali kif ukoll il-kontijiet verifikati bl-awditur tal-aħħar 3 snin li jridu jinkludu l-fatturat u l-profitt qabel it-taxxa tal-aħħar 3 snin), l-esperjenza miksuba u l-kapaċità teknika biex jipprovdu s-servizzi deskritti. L-Awtorità li tagħti l-kuntratt tirriżerva d-dritt li titlob iktar informazzjoni dwar ir-riżorsi finanzjarji u tekniċi u l-kapaċitajiet ta' kwalunkwe applikant.

Id-dritt li jiġu mħaddma s-servizzi Glasgow-Campbeltown, Glasgow-Tiree u Glasgow-Barra qed jiġi offrut fuq il-bażi li t-3 servizzi jingħaqdu f'kuntratt wieħed. L-offerti jiġu evalwati skont liema offerta għandha l-ikbar vantaġġ ekonomiku sabiex tiżgura t-tħaddim tat-tliet servizzi tul il-perjodu tal-offerta speċifika. Barra li l-applikanti jridu jkunu kapaċi juru li l-inġenju tal-ajru speċifiku jista' jopera b'mod sigur ġo u barra l-ajruporti relevanti, dawk li jagħmlu l-offerta jrid ikollhom ukoll, meta tiġi ppreżentata l-offerta, l-approvazzjoni xierqa mill-awtorità regolatorja relevanti għat-tħaddim tal-aspetti kollha tat-tliet rotot. L-offerti għandhom jiġu pprezzati bil-Lira Sterlina u d-dokumenti kollha li jakkumpanjawhom għandhom ikunu bl-Ingliż. Il-kuntratt għandu jiġi kkunsidrat bħala kuntratt konkluż skont il-Liġi Skoċċiża u suġġett għall-ġurisdizzjoni esklussiva tal-Qrati Skoċċiżi.

6.   Kumpens Finanzjarju

L-offerti ppreżentati għandhom jindikaw l-ammont mitlub bħala għotja għat-tħaddim tas-servizzi mid-data skedata tal-bidu sal-31 ta' Marzu 2012 (b'analiżi kull sena). Sabiex jitneħħa kull dubju, l-offerti ppreżentati li jinvolvu l-provvediment tas-servizzi bejn Glasgow-Campbeltown, Glasgow-Tiree u Glasgow-Barra għandhom jipprovdu l-ammont meħtieġ bħala għotja għat-tħaddim tat-tliet servizzi. L-għotja għandha tiġi kkalkulata skont l-ispeċifikazzjonijiet. Il-limitu massimu li finalment jingħata ma jistax jiġi revedut ħlief jekk ikun hemm bidla mhux mistennija fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim.

Il-kuntratt jingħata mill-Ministri Skoċċiżi. Il-ħlasijiet kollha li jsiru skont il-kuntratt għandhom isiru bl-Isterlina.

7.   Perjodu ta' validità, emendi u terminazzjoni tal-kuntratt

Il-Kuntratt li jibda fl-1 ta' April 2009 se jintemm fil-31 ta' Marzu 2012. Regolament ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għat-tħaddim tas-servizzi tat-trasport bl-ajru fil-Komunità huwa mistenni li jirrevoka u jsawwar mill-ġdid ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92, (KEE) Nru 2408/92 u (KEE) Nru 2409/92. Il-perjodu ta' dan il-kuntratt se jiġi estiż sal-31 ta' Marzu 2013 sakemm jippermetti dak ir-Regolament, jekk jiġi adottat u jidħol fis-seħħ qabel l-1 ta' April 2009. Kwalunkwe emenda u terminazzjoni tal-kuntratt iridu jsiru skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt. Se jitħallew li jsiru varjazzjonijiet fis-servizzi biss bis-saħħa ta' ftehim mal-Awtorità li tagħti l-kuntratt.

8.   Penali fl-eventwalità ta' nuqqas ta' konformità mal-kuntratt min-naħa tal-operatur tat-trasport bl-ajru

Fil-każ li għal kwalunkwe raġuni t-trasportatur tal-ajru ma jirnexxilux iħaddem xi titjira, suġġett għal dak li hemm msemmi wara, il-Ministri Skoċċiżi jistgħu jnaqqsu l-għotja fuq bażi pro rata għal kull darba li t-titjira ma toperax sakemm dawn ma jnaqqsux l-għotja f'każ li t-titjira ma toperax bħala konsegwenza ta' xi waħda minn dawn li ġejjin, u l-okkorrenza xierqa ma tqajjmitx bħala konsegwenza tal-aġir jew nuqqas minn naħa tat-trasportatur tal-ajru:

it-temp/kundizzjonijiet tal-baħar,

għeluq tal-ajruporti,

raġunijiet ta' sigurtà,

strajkijiet,

raġunijiet ta' sikurezza.

Tinħtieġ ukoll spjegazzjoni mit-trasportatur tal-ajru għal nuqqas ta' tħaddim bħal dan, skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt.

9.   Id-data tal-għeluq għall-preżentazzjoni tal-offerti

Xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż.

10.   Proċedura ta' applikazzjoni

L-offerti għandhom jintbagħtu fl-indirizz mogħti f'5 hawn fuq. Il-persuni li jitħallew jiftħu l-offerti huma persunal magħżul mill-Fergħa tal-Politika tal-Avjazzjoni u mid-Direttorat tal-Akkwist Pubbliku Skoċċiż, it-tnejn li huma fi ħdan il-Gvern Skoċċiż.

11.   Validità tal-istedina għall-offerti

Skont l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92, il-validità ta' din is-sejħa għall-offerti hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-ebda trasportatur tal-Ajru Komunitarju ma jippreżentax, qabel l-1 ta' Marzu 2009, programm għat-tħaddim tar-rotot in kwistjoni li jibda mill-1 ta' April 2009 jew qabel dik id-data, skont l-obbligi tas-servizz pubbliku imposti, kif emendati, mingħajr ma jingħata ebda sussidju.


(1)  L-Ajruport ta' Glasgow ifisser l-Ajruport Internazzjonali ta' Glasgow.