22.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 184/32


SEJĦA GĦAL PROPOSTI — EACEA 21/08

Għall-implimentazzjoni ta' It-Tieqa ta' Kooperazzjoni Esterna Erasmus Mundus Reġjun ta' l-Asja fis-sena akkademika 2008/2009

Il-programm ta' Azzjoni tal-Komunità għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni għolja u għall-iskambju ta' studenti, riċerkaturi u persunal akkademiku mill-Istati Membri ta' l-UE u Pajjiżi Terzi

(2008/C 184/08)

1.   Għanijiet u Deskrizzjoni

It-Tieqa ta' Kooperazzjoni Esterna Erasmus Mundus għandha fl-għan tagħha l-arrikkiment reċiproku u l-fehim aħjar bejn l-Unjoni Ewropea u l-Pajjiżi Terzi. Huwa maħsub biex irawwem kooperazzjoni istituzzjonali fil-qasam ta' l-edukazzjoni għolja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Pajjiżi Terzi permezz ta' skema ta' mobilità indirizzata lejn l-iskambju ta' studenti u skambji akkademiċi għal skop ta' studju, tagħlim, taħriġ u riċerka.

L-attivitajiet u l-ispejjeż li ġejjin se jkunu koperti mill-programm.

It-tfassil ta' sħubiji istituzzjonali ta' istituzzjonijiet Ewropej ta' l-edukazzjoni għolja u ta' Pajjiżi Terzi biex ikopru ż-żewġ tipi ta' attivitajiet:

l-organizzazzjoni tal-mobilità individwali ta' l-istudenti, ir-riċerkaturi u l-persunal akkademiku ta' l-edukazzjoni għolja,

l-implimentazzjoni tal-mobilità individwali. It-tipi ta' mobilità u edukazzjoni li se jkunu ffinanzjati taħt din is-sejħa huma:

studenti: opportunitajiet ta' mobilità għall-undergraduate, master, dottorat u post-dottorat,

persunal akkademiku: skambju għal skopijiet ta' tagħlim, taħriġ prattiku u riċerka.

2.   Applikanti eliġibbli u benefiċċjarji

L-applikanti jridu jkunu minn Universitajiet Ewropej jew Istituzzjonijiet Ewropej ta' l-Edukazzjoni Għolja li jirrappreżentaw sħubija ta' mhux aktar minn 20 istituzzjoni imsieħba.

Il-kompożizzjoni tas-sħubija trid tkun magħmula minn Istituzzjonijiet Ewropej ta' l-Edukazzjoni Għolja, li jkollhom fil-pussess tagħhom Erasmus Charter qabel id-data tal-pubblikazzjoni ta' din is-Sejħa u Istituzzjonijiet ta' l-Edukazzjoni Għolja minn Pajjiżi Terzi rikonoxxuti u akkreditati mill-awtoritajiet nazzjonali.

3.   Pajjiż eliġibbli

Il-pajjiżi eliġibbli għall-attivitajiet koperti mis-sejħa huma:

is-27 Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea,

il-pajjiżi Kandidati Ewropej il-Kroazja u t-Turkija u l-pajjiżi taż-ŻEE (l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja),

il-pajjiżi Asjatiċi segwenti: l-Afganistan, il-Butan, in-Nepal, il-Pakistan, il-Bangladexx, il-Kambodja, is-Sri Lanka, l-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, il-Filippini, it-Tajlandja, iċ-Ċina, il-Korea ta' Fuq, il-Myanmar/Burma u l-Maldive.

4.   Baġit disponibbli

L-ammont indikattiv globali magħmul disponibbli għar-reġjun ta' l-Asja taħt din is-sejħa għall-proposti huwa ta' EUR 11 085 700.

Tieqa ġeografika

Numru ta' sħubiji maħsuba li jkunu finanzjati

L-għotja massima stmata għal kull sħubija

Reġjun ta' l-Asja

2

EUR 5 542 850

5.   Dati ta' għeluq

L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2008.

6.   Aktar Informazzjoni

It-test kollu tas-sejħa għall-proposti u l-formoli ta' l-applikazzjoni huma disponibbli mill-websajt:

http://eacea.ec.europa.eu/extcoop/call/index.htm

L-applikazzjonijiet iridu jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fit-test sħiħ u għandhom jiġu ppreżentati permezz tal-formola provvduta.