12.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 38/8


SEJĦA GĦAL PROPOSTI — EACEA/31/07

“Żgħażagħ fid-dinja”: kooperazzjoni ma' pajjiżi li mhux dawk li jinsabu fil-viċinat ta' l-Unjoni Ewropea

Programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni”

(2008/C 38/06)

1.   Objettivi u deskrizzjoni

Din is-sejħa għandha l-objettiv sabiex tappoġġa proġetti li jippromwovu l-kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ bejn pajjiżi tal-Programm u pajjiżi msieħba li ma jkunux dawk li jinsabu fil-viċinat ta' l-Unjoni Ewropea u timmira sabiex:

jiġi promoss l-iskambju ta' esperjenzi u ta' prattiki tajbin fil-qasam taż-żgħażagħ u ta' l-edukazzjoni mhux formali,

isir kontribut għall-iżvilupp fil-politika taż-żgħażagħ, tax-xogħol fis-settur taż-żgħażagħ u tal-volontarjat, kif ukoll tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' l-organizzazzjonijiet/strutturi taż-żgħażagħ u tal-kompentenzi ta' qafas,

żvilupp ta' sħubiji u kuntatti soda li jibqgħu fiż-żmien fost l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

Il-proġetti għandhom jittrattaw waħda minn dawn it-temi li ġejjin:

(1)

Tisħiħ tas-soċjetà ċivili, taċ-ċittadinanza u tad-demokrazija

(2)

Ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija

(3)

Djalogu bejn gruppi etniċi u reliġjużi

(4)

Riżoluzzjoni wara l-kunflitti u rikostruzzjoni

(5)

Rwol attiv tal-mara fis-soċjetà

(6)

Drittijiet tal-minoranzi.

Id-destinatarji ta' din il-kooperazzjoni huma l-persuni li jaħdmu fis-settur taż-żgħażagħ, l-animaturi u persuni oħrajn responsabbli minn dawn l-attivitajiet, kif ukoll atturi oħrajn involuti fl-organizzazzjonijiet u strutturi taż-żgħażagħ u kkonċernati fit-twettiq tal-proġetti li jippromwovu l-kooperazzjoni f'dan il-qasam.

Din is-sejħa tirrigwarda l-azzjoni 3.2 tal-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni”.

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura hija responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din is-sejħa għal proposti.

2.   Kandidati eliġibbli

Il-proposti għandhom jiġu ppreżentati minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet li ma jaħdmux għal profitt, organizzazzjonijiet mhux governamentali jew entitajiet lokali u reġjonali. Huma eliġibbli biss l-applikazzjonijiet ta' l-applikanti legalment stabbiliti f'wieħed mill-Pajjiżi tal-Programm.

Il-Pajjiżi tal-Programm huma dawn:

l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (1): l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Ungerija u l-Iżvezja;

l-Istati ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li jagħmlu parti mill-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE): l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja);

il-pajjiżi kandidati li jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni, b'mod konformi mal-prinċipji ġenerali, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri ġenerali stabbiliti fil-ftehimiet ta' qafas konklużi ma' dawn il-pajjiżi għall-finijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi Komunitarji: it-Turkija.

Il-proġetti għandhom jinvolvu organizzazzjonijiet imsieħba minn ta' mill-inqas erba' pajjiżi differenti (inkluż l-applikant), li jkollhom ta' mill-inqas żewġ Pajjiżi tal-Programm u mill-inqas Stat Membru wieħed ta' l-Unjoni Ewropea u żewġ Pajjiżi Msieħba.

3.   Baġit u tul ta' żmien tal-proġetti

Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-proġetti fil-qafas ta' din is-sejħa għal proposti huwa stmat li jkun ta' madwar EUR 2 500 000.

L-għajnuna finanzjarja ta' l-Aġenzija ma tistax taqbeż it-80 % tat-total ta' l-ispejjeż eliġibbli. L-ammont tas-sussidju mogħti għal kull proġett ma jistax jaqbeż is-somma ta' EUR 100 000.

Il-proġetti għandhom imperattivament jibdew bejn l-1 ta' Novembru 2008 u l-31 ta' Diċembru 2008. Il-proġetti għandhom ikunu għal perjodu minimu ta' 6 xhur u massimu ta' 12-il xahar.

4.   Data ta' għeluq ta' l-applikazzjoni

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) sa mhux iktar tard mill-15 ta' April 2008, it-timbru postali jitqies bħala prova.

5.   Informazzjoni supplimentari

It-test komplut ta' din is-sejħa għal proposti kif ukoll il-formoli ta' applikazzjonijiet jinsabu fuq is-sit ta' l-internet:

http://eacea.ec.europa.eu/youth/calls2008/action32/index_en.htm

L-applikazzjonijet għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti fformulati fit-test sħiħ ta' din is-sejħa għal proposti u għandhom jiġu ppreżentati bil-formola apposta għal dan il-għan.


(1)  Il-persuni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej u, jekk ikun il-każ, l-istituzzjonijiet pubbliċi jew privati li stabbilixxew ruħhom hemm, huma eliġibbli fil-qafas tal-Programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni”, skond ir-regoli tal-programm u dawk li japplikaw fl-Istat Membru li miegħu huma marbutin. Il-lista ta' dawn il-pajjiżi u territorji extra-Ewropej tinsab fl-Anness 1A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji barranin mal-Komunità Ewropea (“Overseas Association Decision”), ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1).