26.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 21/15


Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti ta' l-ewro fiċ-ċirkolazzjoni

(2008/C 21/09)

Image

Il-muniti ta' l-ewro għaċ-ċirkolazzjoni għandhom l-istatus ta' valuta legali fiż-żona kollha ta' l-ewro. Il-Kummissjoni tippubblika d-disinji l-ġodda kollha tal-muniti ta' l-ewro (1) bil-għan li tinforma sew lil kull min f'xogħlu jgħaddu l-muniti minn taħt idejh kif ukoll lill-pubbliku ġenerali. Skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2003 (2), l-Istati Membri u l-pajjiżi li kkonkludew Ftehim Monetarju mal-Komunità li jipprovdi għall-ħruġ ta' muniti ewro għaċ-ċirkolazzjoni jistgħu joħorġu kwantitajiet determinati ta' muniti ewro kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni, bil-kundizzjoni li ma jinħariġx aktar minn disinn ġdid wieħed ta' munita għal kull pajjiż kull sena, u li tintuża biss id-denominazzjoni taż-2 ewro. Dawn il-muniti għandhom il-karatteristiċi tekniċi tal-muniti ta' l-ewro normali għaċ-ċirkolazzjoni, imma għandhom disinn kommemorattiv irrappreżentat fuq il-wiċċ nazzjonali tagħhom.

L-Istat li joħroġ il-munita: Il-Grand Dukat tal-Lussemburgu

Suġġett tal-kommemorazzjoni: Il-Gran Duka Henri u r-residenza uffiċjali “Château de Berg”

Deskrizzjoni fattwali tad-disinn: In-naħa ta' ġewwa tal-munita turi, fuq in-naħa tax-xellug fuq quddiem, il-wiċċ ta' l-Altezza Rjali Tiegħu l-Gran Duka li qed iħares lejn il-lemin u, fuq in-naħa tal-lemin fl-isfond, l-istampa tax-“Château de Berg”. Id-data 2008, li fuq kull naħa għandha l-marka taz-zekka u l-marka ta' fejn sar ix-xogħol ta' l-inċiżjoni, hija minquxa fin-naħa ta' fuq. L-isem tal-pajjiż li qed joħroġ il-munita “LËTZEBUERG” jidher fil-qiegħ tad-disinn.

Fuq iċ-ċirku ta' barra tal-munita jidhru t-tnax-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1,3 miljun munita

Data approssimativa tal-ħruġ: fl-aħħar ta' Jannar 2008

Simboli inċiżi mad-dawra ta' barra: 2 ★★, ripetuti għal sitt darbiet, darba weqfin u darba bil-maqlub.


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għal referenza għall-uċuħ nazzjonali kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali tat-8 ta' Diċembru 2003 dwar il-bidliet fid-disinn ta' l-uċuħ nazzjonali tal-muniti ewro. Ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Settembru 2003 dwar il-prattika komuni għal tibdil fid-disinn ta' l-uċuħ nazzjonali tal-muniti ewro fiċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 264 tal-15.10.2003, p. 38).