22.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 315/30


Rikors imressaq fis-7 ta' Novembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika ta' Ċipru

(Kawża C-490/07)

(2007/C 315/50)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Pataria, A. Alcover San Pedro)

Konvenuta: Ir-Repubblika ta' Ċipru

Talbiet tal-parti rikorrenti

billi ma ħolqotx sistema biex tħeġġeġ l-irkupru, ir-riċiklagg, ir-reklamazzjoni u d-distruzzjoni tas-sostanzi kontrollati,

billi għandha fis-seħħ sistema ta' amministrazzjoni tas-sostanzi kontrollati bbażata fuq il-ħażna tat-tagħmir qadim li jinkludi sostanzi kontrollati wżati sakemm jiġu mibnija stabbilimenti xierqa jew sakemm jiġu mibgħuta barra l-pajjiż sabiex jiġu eliminati,

billi ma semmietx il-kwantità tas-sostanzi kontrollati rkuprati, riċiklati, reklamati jew distrutti,

billi għandha programmi ta' taħriġ li huma volontarji, mingħajr ma adottat qafas leġiżlattiv li jiddefinixxi l-kwalifikazzjonijiet professjonali minimi tal-persunal li huwa responsabbli għar-riċiklaġġ tas-sostanzi wżati misjuba f'tagħmir ta' refriġerazzjoni, ta' arja kundizzjonata u pompi tas-sħana, f' tagħmir li fih solventi, u f'sistemi ta' protezzjoni kontra n-nar u ċilindri għat-tifi tan-nar,

billi ma ħaditx il-miżuri ta' prevenzjoni kollha possibbli sabiex tagħmir mibni ġol-ħajt li jinkludi likwidu refriġeranti ta' iktar minn 3 kilogrammi jiġi eżaminat darba fis-sena sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx tnixxijiet u billi naqset milli tiddefinixxi l-ħtiġiet minimi ta' kwalifikazzjoni għall-persunal involut,

ir-Repubblika ta' Ċipru naqset mill obbligi imposti fuqha bis-saħħa ta' l-Artikolu 16(1) u l-ewwel u t-tieni sentenza ta' l-Artikolu 16(5), kif ukoll ta' l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar sostanzi li jnaqqsu s-saff ta' l-ożonu;

tordna li r-Repubblika ta' Ċipru għandha tbati l-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

1.

Fis-6 ta' April 2005, l-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru ppreżentaw quddiem il-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament Nru 2037/2000 dwar sostanzi li jnaqqsu s-saff ta' l-ożonu.

2.

Wara li l-Kummissjoni eżaminat ir-rapport in kwistjoni, hija kkonstatat li r-Repubblika ta' Ċipru ma kinitx ħolqot sistema intiża li tħeġġeġ l-irkupru, ir-riċiklagg, ir-reklamazzjoni u d-distruzzjoni tas-sostanzi kontrollati, inklużi l-istallazzjonijiet adattati, u lanqas ma kienet daħħlet liġi li tiddefinixxi r-responsabbilità għall-ġbir u l-eliminazzjoni jew l-irtir tas-sostanzi kontrollati.

3.

Bl-istess mod, il-Kummissjoni kkonstatat li ma kienx jeżisti qafas leġiżlattiv komplet li jiddefinixxi l-kwalifikazzjonijiet professjonali minimi tal-persunal li huwa responsabbli għar-riċiklaġġ tas-sostanzi kontrollati u li l-progammi eżistenti tat-taħriġ kienu volontarji.

4.

Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-obbligu ta' kontroll darba fis-sena tat-tagħmir li jinkludi likwidu refriġeranti ta' iktar minn 3 kilogrammi u l-obbligu li jiġu ddefiniti l-kwalifikazzjonijiet professjonali minimi tal-persunal involut, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-adozzjoni tal-liġi nazzjonali in kwistjoni hija sospiża.

5.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika ta' Ċipru naqset mill obbligi imposti fuqha bis-saħħa ta' l-Artikolu 16(1) u l-ewwel u t-tieni sentenza ta' l-Artikolu 16(5), kif ukoll ta' l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 2037/2000 dwar sostanzi li jnaqqsu s-saff ta' l-ożonu.