|
22.12.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 315/17 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-8 Novembru 2007 (talba għal deċiżjoni preliminari ta' l-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Linz, l-Awstrija) — Firma Ing. Auer — Die Bausoftware GmbH vs Finanzamt Freistadt Rohrbach Urfahr
(Kawża C-251/06) (1)
(Taxxi indiretti - Ġbir tal- kapital - Trasferiment taċ-ċentru effettiv ta' amministrazzjoni ta' kumpannija - Abolizzjoni tad-dazju kapitali impost fuq kumpannija)
(2007/C 315/28)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Linz
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent(i): Firma Ing. Auer — Die Bausoftware GmbH
Konvenut(a)(i): Finanzamt Freistadt Rohrbach Urfahr
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Unabhängiger Finanzsenat — Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 4 (1) (a) u (g), ta' l-Artikolu 4 (3) (b) u ta' l-Artikolu 7 (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta' Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 269, p. 12) kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE ta' l-10 ta' Ġunju 1985 (ĠU L 156, p. 23) — Dazju kapitali miġbur fuq kumpannija li ttrasferiet iċ-ċentru effettiv ta' amministrazzjoni tagħha minn Stat Membru li abolixxa d-dazju kapitali għal Stat Membru ieħor li jiġbor id-dazju kapitali
Dispożittiv
L-Artikolu 4(1)(g) u (3)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE tas-17 ta' Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 249, p. 25), kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE ta' l-10 ta' Ġunju 1985 u mill-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja u għall-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat li l-waqfien ta' Stat Membru milli jimponi d-dazju kapitali ma jipprekludix li kumpannija li tagħmel parti minn waħda mill-kategoriji msemmiji fl-Artikolu 3(1)(a) ta' din id-Direttiva tiġi kklassifikata bħala kumpannija kapitali għall-impożizzjoni tad-dazju kapitali skond l-Artikolu 4(1)(g) ta' din id-Direttiva matul it-trasferiment taċ-ċentru effettiv ta' amministrazzjoni tagħha minn dan l-Istat Membru lejn Stat Membru ieħor fejn dan id-dazju huwa dejjem impost. Mandankollu, din l-interpretazzjoni ma tistax twassal sabiex jiġi ffavorit aġir ikkaratterizzat mit-twettiq ta' skemi artifiċjali bl-uniku għan li jinkiseb vantaġġ fiskali. Huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jaħbux elementi oġġettivi li jikkostitwixxu tali prattika abbużiva.