8.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 297/31


Appell imressaq fit-22 ta' Ottubru 2007 minn Coats Holdings Ltd, J&P Coats Ltd kontra s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla) fit-12 ta' Settembru 2007 fil-Kawża T-36/05: Coats Holdings Ltd u J&P Coats Ltd vs Il-Kummissjoni tal-Komunitjaiet Ewropej

(Kawża C-468/07 P)

(2007/C 297/50)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Coats Holdings Ltd, J&P Coats Ltd (rappreżentanti: W. Sibree u C. Jeffs, Solicitors)

Partijiet l-oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitjaiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

tnaqqas il-multa imposta fuq Coats b'tali mod li (i) tirrikonoxxi l-prinċipju ta' trattament ugwali; u (ii) tikkunsidra l-partijiet sostanzjali tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li ġew annullati mill-Qorti tal-Prim'Istanza, li kienu naqsu s-serjetà tal-ksur u enfasizzaw iċ-ċirkustanzi attenwanti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jsostnu li billi annullat l-konstatazzjonijiet fattwali kollha tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ksur ta' l-Artikolu 81 KE ħlief għal konstatazzjoni limitata waħda — u b'mod partikolari billi annullat l-konstatazzjoni fundamentali tal-Kummissjoni li tgħid li Coats kienet membru attiv indaqs f'akkordju bejn tliet partijiet — il-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tapplika l-prinċipju ta' trattament ugwali meta naqqset l-ammont bażiku tal-multa ta' Coats b'20 %.

Sussidjarjament, i-rikorrenti jsostnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tikkunsidra l-elementi kollha tad-deċiżjoni li annullat meta naqqset il-multa abbażi ta' ċirkustanzi attenwanti.