8.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 297/28


Appell imressaq fid-9 ta' Ottubru 2007 mill-Ente per le Ville vesuviane kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Lulju 2007 fil-Kawża T-189/02, Ente per le Ville vesuviane vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-455/07 P)

(2007/C 297/46)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ente per le Ville vesuviane (rappreżentant: E. Soprano, avukat)

Parti oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla parzjalment, skond il-motivi esposti aktar 'il quddiem, is-sentenza kkontestata, u konsegwentement, tiddikjara n-nullità tad-deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali tal-Kummissjoni Ewropea Nru D(2002)810111, prot. 102504, tat-13 ta' Marzu 2002; u, safejn ikun meħtieġ u raġjonevoli, tan-nota maħruġa mid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali tal-Kummissjoni Ewropea Nru Gt/SF/MF D (01) 810542, prot. 109720, tat-12 ta' Ottubru 2001;

sussidjarjament, tannulla parzjalment, skond il-motivi esposti aktar 'il quddiem, is-sentenza kkontestata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex din tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu fid-dawl ta' l-indikazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi għal dan il-għan;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati kemm l-ispejjeż tal-kawża preżenti u kif ukoll dawk tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza fir-rigward tal-Kawża T-189/02.

Motivi u argumenti prinċipali

1)   Żball fid-dritt, nuqqas ta' investigazzjoni preliminari u nuqqas ta' motivazzjoni f'dak li jirrigwarda l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 4254/88 (1), kif emendat

L-intervent li twettaq mill-appellanti u li kien iffinanzjat mill-FESR kien ta' natura uniformi, kif ikkonfermat kemm mit-test tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 1986, li permezz tagħha kienet ġiet awtorizzata l-għajnuna li hija s-suġġett tal-kawża u kif ukoll mill-kliem użat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4254/88 (iktar 'il quddiem l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2083/93 (2), kif emendat).

Minn dan isegwi, għaldaqstant, li l-intervent in kwistjoni ma setgħax, kif b'mod żbaljat ikkunsidrat il-Qorti tal-Prim'Istanza, jinqasam f'diversi porzjonijiet funzjonali; u li għalhekk is-sopensjoni għal raġunijiet ġudizzjarji anki ta' parti waħda biss ta' l-imsemmi intervent, peress li effettwat iż-żmien ta' twettiq ta' dan ta' l-aħħar, kienet timponi li l-benefiċċju introdott mill-imsemmi Artikolu 12 jiġi pprorogat għall-proġett kollu ffinanzjat permezz tad-deċiżjoni tat-18 ta' Diċembru 1986.

2)   Żball fid-dritt, nuqqas ta' investigazzjoni preliminari u nuqqas ta' motivazzjoni f'dak li jirrigwarda l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 1986

Bil-kontra ta' dak li ġie ddikjarat fis-sentenza kkontestata, fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, l-Ente per le Ville Vesuviane kien ipprova, permezz ta' dokumenti, li x-xogħolijiet li kienu għaddeja fuq il-Villa Ruggiero (waħda mit-tliet Villel li kienu s-suġġett ta' l-intervent iffinanzjat permezz tad-deċiżjoni tat-18 ta' Diċembru 1986) kienu ġew sospiżi għal raġunijiet ġudizzjarji b'effett mill-1989 sa' l-1996 u għalhekk ma kinux intemmew, kif kien ġie ddikjarat mill-Awtoritajiet Statali Taljani fl-1992.

F'dan il-kuntest, għalhekk, kif diġà ġie espost quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parteċipazzjoni ta' l-Ente fil-proċedura preliminari għall-adozzjoni tal-miżura kkontestata fl-ewwel istanza kienet, mingħajr l-ebda dubju, tkun determinanti peress li l-Kummissjoni, fid-dawl tad-dokumenti ta' prova msemmija hawn fuq — li l-appellant mingħajr ebda dubju kien jipprovdi, jekk ikun meħtieġ — u fid-dawl tan-natura uniformi ta' l-intervent imwettaq minn dan ta' l-aħħar, kienet mingħajr ebda dubju tirrikonoxxi li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 4254/88 kif emendat kienet applikabbli għall-intervent de quo, mingħajr l-ebda possibbiltà li l-finanzjament awtorizzat fl-1986 jiġi mitmum antiċipatament.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4254/88 tad-19 ta' Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, ĠU L 374, p. 15.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2083/93 ta' l-20 ta' Lulju 1993 li jemenda r-Regolament Nru 4254/88, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.