8.12.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 297/28 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Giessen (Il-Ġermanja) l-4 ta' Ottubru 2007 — Hakan Er vs Wetteraukreis
(Kawża C-453/07)
(2007/C 297/45)
Lingwa tal-proċedura: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgericht Giessen
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Hakan Er
Konvenuta: Wetteraukreis
Domanda preliminari
Ċittadin Tork li, bħala membru tal-familja ġie awtorizzat jingħaqad ma' missieru li jgħix fil-Ġermanja u li, bħala ċittadin Tork, jifforma parti mis-suq legali tax-xogħol tal-Ġermanja, li wara li għex ma' missieru b'mod legali għal ħames snin kiseb id-dritt mogħti mit-tieni inċiż ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KEE/Turkija Nru 1/80 dwar l-iżvilupp ta' l-Assoċjazzjoni, jitlef il-benefiċċju ta' din id-dispożizzjoni minħabba li għal aktar minn seba' snin wara li spiċċa l-iskola ma eżerċita ebda attività professjonali, b'eċċezzjoni ta' allegat xogħol għal ġurnata, u li, barra minn hekk, ma kompliex jipparteċipa fl-iskemi kollha ta' l-Istat sabiex jiġi mgħejun isib xogħol, u li ma jagħmel ebda sforz serju biex isib xogħol, iżda minflok jgħix minn fuq il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, għajnuna mingħand ommu li tgħix fil-Ġermanja u riżorsi li l-oriġini tagħhom mhijiex magħrufa?