5.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 291/12


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI — EACEA/34/07

Għall-implimentazzjoni tat-Tieqa ta' Kooperazzjoni Esterna ta' l-Erasmus Mundus għas-sena akkademika 2008/2009

Programm ta' Azzjoni tal-Komunità għall-promozzjoni tal-kooperazjoni bejn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla u għall-iskambju ta' l-istudenti, riċerkaturi u personal akkademiku mill-Istati Membri ta' l-UE u Pajjiżi Terzi

(2007/C 291/06)

Jekk jogħġbok innota li l-implimentazzjoni tas-sejħa għall-proposti hija soġġetta għall-:

i)

adozzjoni ta' l-approprijazzjonijiet tal-baġit tal-Komunità għall-2008 relevanti għal din l-azzjoni u

ii)

approvazzjoni formali tad-dokumenti ta' programmar għall-azzjonijiet relevanti u għad-deċiżjonijiet relevanti ta' l-iffinanzjar.

1.   Għanijiet u Deskrizzjoni

It-Tieqa ta' Kooperazzjoni Esterna ta' l-Erasmus Mundus timmira lejn it-tisħiħ reċiproku u l-ftehim aħjar bejn l-Unjoni Ewropea u Pajjiżi Terzi. Hija mfassla sabiex tħaddan il-kooperazzjoni istituzzjonali fil-qasam ta' l-edukazzjoni ogħla bejn l-Unjoni Ewropea u Pajjiżi-Terzi permezz ta' skema ta' mobilità li tindirizza l-iskambji ta' l-istudenti u tal-personal akkademiku għall-istudju, tagħlim, taħriġ u riċerka.

L-attivitajiet u l-ispejjeż li ġejjin sejrin jiġu koperti mill-programm:

It-twaqqif ta' sħubiji bbażati fuq l-istituzzjonijiet ta' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla Ewropej u ta' Pajjiżi Terzi sabiex ikopru ż-żewġ tipi ta' attivitajiet:

l-organizzazzjoni tal-mobilità individwali ta' l-istudenti ta' edukazzjoni ogħla, riċerkaturi u personal akkademiku,

l-implimentazzjoni tal-mobilità individwali. It-tipi ta' mobilità u edukazzjoni li sejrin jiġu ffinanzjati f'din is-sejħa huma:

Studenti: opportunitajiet ta' mobilità għal dawk li għadhom ma ggradwawx, għal dawk f'livell ta' masters, dottorat u post-dottorat.

Personal akkademiku: l-iskambju għat-tagħlim, taħriġ prattiku u riċerka.

2.   Applikanti u benefiċjarji eliġibbli

L-applikanti għandhom ikunu Universitajiet jew Istituzzjonijiet Ewropej t'Edukazzjoni Ogħla li jirrappreżentaw sħubija ta' mhux aktar minn 20 istituzzjonijiet imsieħba.

Is-sħubija għandha tkun magħmula minn Istituzzjonijiet Ewropej t'Edukazzjoni Ogħla, li qabel id-data tal-pubblikazzjoni tas-Sejħa preżenti jkollhom Karta ta' l-Erasmus, u Istituzzjonijiet ta' Edukazzjoni Ogħla ta' Pajjiżi Terzi li huma rikonoxxuti u akkreditati mill-awtoritajiet nazzjonali.

3.   Pajjiż Eliġibbli

L-attivitajiet għandhom isiru f'wieħed mill-pajjiżi eliġibbli koperti minn din is-Sejħa. Hemm tliet gruppi ta' pajjiżi/reġjunijiet eliġibbli:

Is-27 Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea,

il-pajjiżi kandidati Ewropej (il-Kroazja u t-Turkija) u l-pajjiżi taż-ŻEE (l-Iżlanda, Liechtenstein u n-Norveġja),

il-pajjiżi Terzi u r-reġjunijiet ġeografiċi li ġejjin:

Il-Brazil, iċ-Ċile, il-Messiku, ir-Russja, l-Indja, iż-żona tal-viċinanza tan-Nofsinhar u tal-Lvant, ir-reġjun tal-Lvant Nofsani, ir-Repubbliki ta' l-Asja Ċentrali, il-Grupp ta' Stati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, ir-reġjun tal-Balkani tal-punent u r-reġjun ta' l-Asja.

4.   Il-baġit disponibbli

L-ammont indikattiv ġenerali li huwa disponibbli taħt din is-sejħa għall-proposti huwa ta' 100,348 miljun EUR għar-reġjunijiet ġeografiċi u l-pajjiżi li ġejjin:

Twieqi Ġeografiċi

Ammont Globali Indikattiv

In-Nofsinhar tal-Mediterran, il-Lvant ta' l-Ewropa u r-Russja

33,528 miljun EUR

Il-Jemen, l-Iran, l-Iraq

3 miljun EUR

Ir-Repubbliki ta' l-Asja Ċentrali

5 miljun EUR

L-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku

5 miljun EUR

Il-Balkani tal-Punent

6 miljun EUR

Ir-Reġjun ta' l-Asja

20 miljun EUR

L-Indja

9,6 miljun EUR

Il-Brażil

9,3 miljun EUR

Iċ-Ċile

4,92 miljun EUR

Il-Messiku

4 miljun EUR

5.   Skadenzi

L-applikazzjonijiet m'għandhomx jintbagħtu aktar tard mill-

15 ta' Frar 2008

6.   Aktar informazzjoni

It-test sħiħ tas-sejħa għall-proposti u l-formoli ta' l-applikazzjoni huma disponibbli fil-websajt li ġejja:

http://eacea.ec.europa.eu/extcoop/call/index.htm

L-applikazzjonijiet għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fit-test sħiħ u għandhom jiġu sottomessi permezz tal-formola pprovduta.