|
1.12.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 289/19 |
SEJĦA MIFTUĦA
Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tar-Riċerka Xjentifika u Teknoloġika (COST)
(2007/C 289/13)
Il-COST tressaq flimkien gruppi ta' riċerka u esperti f'pajjiżi differenti li jaħdmu fuq suġġetti speċifiċi. Hija tiffinanzja n-netwerking ta' attivitajiet finanzjati f'livell nazzjonali b'appoġġ ta' laqgħat, konferenzi, skambji xjentifiċi fuq terminu qasir u attivitajiet ta' popolarizzazzjoni. Il-COST għalhekk ma tiffinanzjax ir-riċerka fiha nnifisha. Bħalissa huma appoġġati aktar minn 200 netwerk xjentifiku (Azzjonijiet).
Il-COST tappella għal proposti ta' Azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-iżvilupp xjentifiku, teknoloġiku, ekonomiku, kulturali jew soċjetali ta' l-Ewropa. Proposti li jkollhom rwol prekursur għal programmi oħrajn Ewropej u/jew inizjati minn riċerkaturi fi stadju bikri huma milqugħa b'mod speċjali.
L-iżvilupp ta' rabtiet aktar sodi fost ir-riċerkaturi Ewropej huwa kruċjali għall-bini ta' l-Ispazju Ewropew tar-Riċerka (SER). Il-COST jistimula netwerks ta' riċerka ġodda, innovattivi, interdixxiplinari u wisgħin fl-Ewropa. L-attivitajiet tal-COST jitwettqu minn gruppi ta' riċerka għat-tisħiħ tas-sisien tal-bini ta' eċċellenza xjentifika fl-Ewropa.
Il-COST hi organizzata f'disa' Setturi (Bijomediċina u Bijoxjenzi Molekulari; Kimika u Xjenzi u Teknoloġiji Molekulari; Xjenza tas-Sistema Terrestri u Ġestjoni Ambjentali; Ikel u Agrikoltura, Foresti, Prodotti u Servizzi tagħhom; Individwi, Soċjetà, Kultura u Saħħa; Teknoloġiji ta' l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni; Materjali, Fiżika u Nanoxjenzi; Trasport u Żvilupp Urban). Il-kopertura intenzjonata ta' kull Settur hi spjegata f'www.cost.esf.org.
Il-proponenti huma mistiedna jqiegħdu s-suġġett tagħhom f'Settur wieħed. Madankollu, proposti inter-dixxiplinari li ma jaqgħux direttament f'Settur wieħed ukoll huma milqugħa u ser ikunu vvalutati separatament.
Il-proposti għandhom jinkludu riċerkaturi minn mill-anqas ħames pajjiżi tal-COST. Jista' jiġi mistenni appoġġ finanzjarju fil-firxa ta' 100,000 EUR p.a. normalment għal 4 snin.
Il-proposti ser ikunu vvalutati f'żewġ stadji. Proposti Preliminari (mhux aktar minn 1 500 kelma/3 paġni), mibgħuta bl-użu tal-mudell online fuq www.cost.esf.org/opencall għandhom jipprovdu deskrizzjoni qasira tal-proposta u l-impatt maħsub tagħha. Il-proposti li ma jikkonformawx mal-kriterji ta' eliġibilità tal-COST (eż. li jitolbu finanzjament għar-riċerka) ser jiġu esklużi. Il-Proposti Eliġibbli ser ikunu vvalutati mill-Kumitati tas-Setturi rilevanti skond il-kriterji ppubblikati f' www.cost.esf.org. Kull waħda mill-Proposti Preliminari kklassifikati minn ta' fuq jiġu mistiedna jippreżentaw Proposta Sħiħa. Proposti Sħaħ ser ikunu riveduti bejn il-pari skond il-kriterji ta' valutazzjoni f'www.cost.esf.org/opencall. Id-deċiżjoni normalment ser tittieħed fi żmien sitt xhur mid-data tal-ġbir u l-Azzjonijiet għandhom ikunu mistennija sa fi żmien tliet xhur wara.
Id-data tal-ġbir għall-Proposti Preliminari hi t-28 ta' Marzu 2008. Madwar 75 Proposta Sħiħa ser ikunu mistieden għall-għażla finali ta' madwar 25 Azzjoni ġdida.
Proposti Sħaħ ser ikunu mistiedna sal-20 ta' Mejju 2008 għall-preżentazzjoni sat-8 ta' Awissu 2008, b'deċiżjonijiet mistennija f'Novembru 2008.
Jekk iridu l-proponenti jistgħu jikkuntattjaw il-Koordinatur nazzjonali tal-COST (CNC) tagħhom għal informazzjoni u gwida — ara www.cost.esf.org/cnc.
Il-proposti għandhom jintbagħtu online lill-website ta' l-Uffiċċju tal-COST.
Il-COST tirċievi appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet tagħha ta' koordinazzjoni mill-Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (RŻT) ta' l-UE. L-Uffiċċju tal-COST, immexxi mill-Fondazzjoni Ewropea tax-Xjenza (ESF), li jaġixxi bħala aġent implimentattiv għal COST, jipprovdi s-segretarjat xjentifiku għas-Setturi tal-COST u l-Azzjonijiet tal-COST.