|
1.12.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 289/10 |
Il-wiċċ nazzjonali l-ġdid tal-muniti ta' l-euro fiċ-ċirkolazzjoni
(2007/C 289/10)
Il-muniti ta' l-euro għaċ-ċirkolazzjoni jiswew ta' valuta legali fiż-żona kollha ta' l-euro. Il-Kummissjoni tippubblika d-disinni (1) l-ġodda kollha tal-muniti ta' l-euro bil-għan li tinforma lil kull min jgħaddu l-muniti minn taħt idejh fix-xogħol li jagħmel kif ukoll lill-pubbliku in ġenerali. Skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2003 (2), l-Istati Membri u l-pajjiżi taż-żona ta' l-euro li kkonkludew Ftehim Monetarju mal-Komunità li jipprovdi għall-ħruġ ta' muniti euro għaċ-ċirkolazzjoni jistgħu joħorġu kwantitajiet determinati ta' muniti euro kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni, bil-kundizzjoni li ma jinħariġx aktar minn disinn ġdid wieħed ta' munita għal kull pajjiż kull sena u li tintuża biss id-denominazzjoni taż-2 euro. Dawn il-muniti għandhom il-karatteristiċi tekniċi tal-muniti ta' l-euro normali għaċ-ċirkolazzjoni, imma għandhom disinn kommemorattiv fuq in-naħa tal-wiċċ nazzjonali.
L-Istat li qed joħroġ il-munita: Il-Finlandja.
Suġġett tal-kommemorazzjoni: Id-90 anniversarju mid-dikjarazzjoni ta' l-indipendenza.
Deskrizzjoni fattwali tad-disinn: In-naħa nazzjonali tal-munita turi disa' minn nies jaqdfu dgħajsa b'imqadef twal. Il-marka tas-sena 2007 u tas-sena 1917 jidhru fuq u taħt id-disinn rispettivament. Il-marka taz-zekka tidher fuq ix-xellug u l-indikazzjonjoni tal-pajjiż “FI” fuq il-lemin. Fuq iċ-ċirku ta' barra tal-munita jidhru t-tnax-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Il-volum tal-ħruġ: 2 miljun munita.
Data approssimativa tal-ħruġ: Diċembru 2007.
Ittri inċiżi fuq ix-xifer: “SUOMI FINLAND ★★★” fejn ★ tfisser ras ta' ljun.
(1) Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għal referenza għall-uċuħ nazzjonali kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali tat-8 ta' Diċembru 2003 dwar il-bidliet tad-disinn ta' l-uċuh nazzjonali tal-muniti euro. Ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Settembru 2003 dwar il-prattika komuni għat-tibdil fid-disinn ta' l-uċuħ nazzjonali tal-muniti euro fiċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 264, 15.10.2003, p. 38).