24.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 283/23


Appell imressaq fis-27 ta' Settembru 2007 minn Ayuntamiento de Madrid u Madrid Calle 30, SA kontra d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla) mogħti fit-12 ta' Lulju 2007 fil-Kawża T-177/06 Ayuntamiento de Madrid u Madrid Calle 30, SA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-448/07 P)

(2007/C 283/42)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Ayuntamiento de Madrid u Madrid Calle 30, SA (rappreżentanti: J. L. Buendía Sierra u R. González-Gallarza Granizo, abogados)

Partijiet oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-digriet ta' inammissibbilità tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla) tat-12 ta' Lulju 2007, Kawża T-177/06 Ayuntamiento de Madrid y Madrid Calle 30, SA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

Tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza għas-sentenza.

Motivi u argumenti prinċipali

Fid-digriet ikkontestat il-Qorti tal-Prim'Istanza ddikjarat inammissibbli r-rikors imressaq mill-Ayuntamiento de Madrid u Madrid Calle 30, SA li permezz tiegħu hija talbet l-annullament tal-klassifika ta' Madrid Calle 30 fis-settur ta' “amministrazzjonijiet pubbliċi” li l-Kummissjoni (Eurostat) għamlet konformament mas-“Sistema Ewropea tal-Kontijiet 1995” (SEK 95) misjuba fl-Anness A tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 (1)tal-25 ta' Ġunju 1996. Din il-klassifika kienet tirriżulta mill-kontijiet ippublikati mill-Kummissjoni (Eurostat) fl-24 ta' April 2006 fejn użat l-informazzjoni ta' l-2005 fuq l-iżbilanċ u d-dejn tal-Gvern għall-applikazzjoni tal-Protokol dwar il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv, anness mat-Trattat KE. L-imsemmija kontijiet jidhru fil-komunikat 48/2006 tal-Kummissjoni (Eurostat).

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta kkunsidrat li l-komunikat istampa Nru 48/2006 ma kienx jikkostitwixxi deċiżjoni impliċita tal-Kumissjoni (eurostat) b'effetti legali vinkolanti u għaldaqstant ma kienx att legali li seta' jiġi kkontestat.

In sostenn ta' l-appell tagħhom, l-appellanti jenfasiżżaw ir-rwol ċentrali tal-Kummmissjoni(Eurostat) fl-approvazzjoni finali ta' l-iżbilanċ tal-Gvern u tad-dejn ta' l-Istati Membri, fondata mhux biss fuq il-leġiżlazzjoni rilevanti (Artikolu 104 KE, il-Protokol dwar il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 (2) tat-22 Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' l-iżbilanċ eċċessiv mehmuża mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 2103/2005 (3)) iżda wkoll fuq l-istruttura istituzzjonali tas-sistema regolatorja.

L-appellanti jikkunsidraw li fid-digriet appellat il-Qorti tal-Prim'Istanza waslet għal konklużjoni żbaljata meta ma aċċettatx li l-Kummissjoni (Eurostat) hija obbligata li tivverifika jekk il-kontijiet tal-Gvern humiex kompatibbli mar-regoli ta' kontabbilità ta' SEK 35 qabel il-publikazzjoni ta' l-informazzjoni fuq l-iżbilanċ tal-Gvern u fuq id-dejn ta' l-Istati Membri. L-appellanti jżidu li n-nuqqas ta' riżervi u/jew emendi da parti tal-Kummissjoni (Eurostat) fiż-żmien rilevanti imsemmi fir-Regolament KE Nru 3605/93, kif emendat, jimplika li l-att li ġie approvat mingħajr riżervi u/jew emendi jsir finali u għaldaqstant jikkostitwixxi att legali li jista' jiġi kkontestat. Minbarra dan, l-appellanti jsostnu li l-att in kwistjoni jinvolvi effetti legali b'konsegwenzi konsiderevoli f'diversi materji, per eżempju, fir-rigward tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv jew il-procedura tal-Fondi Strutturali.


(1)  Dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (ĠU L 310, p.1).

(2)  ĠU L 332, p.7.

(3)  Tat- 12 ta' Diċembru 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 3605/93 fir-rigward tal-kwalità tad-data statistika fil-kuntest tal-proċedura ta' l-iżbilanċ eċċessiv.