24.11.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 283/14 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Giessen (il-Ġermanja), fit-3 ta' Settembru 2007 — Olaf Amadeus Wilhelm Happel vs Wetteraukreis
(Kawża C-410/07)
(2007/C 283/27)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgericht Giessen.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Olaf Amadeus Wilhelm Happel
Konvenut: Wetteraukreis.
Domandi preliminari
1) |
L-Artikoli 43 u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-eżistenza ta' monopolju ta' l-Istat relattiv għal logħob ta' l-ażżard partikolari, bħal per eżempju l-imħatri fuq l-isport, fejn fl-Istat Membru kkonċernat ma jkunx hemm politika koerenti u sistematika sabiex tillimita l-logħob ta' l-ażżard, b'mod partikolari minħabba li l-organizzaturi li jkunu ngħataw liċenzja mill-Istat jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni f'logħob ta' l-ażżard ieħor — bħal lotteriji ta' l-Istat u logħob fil-każinò — u, minbarra dan, minħabba li logħob ieħor li potenzjalment jista' joħloq l-istess livell jew livell ogħla ta' riskju ta' dipendenza — bħall-imħatri fuq avvenimenti sportivi partikolari (bħat-tiġrijiet taż-żwiemel) u s-slot machines — jista' jiġi pprovdut minn fornituri ta' servizzi privati? |
2) |
L-Artikoli 43 u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-korpi kompetenti ta' l-Istati Membri għall-organizzazzjoni ta' mħatri fuq l-isport, li mhumiex limitati għat-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat, jagħtu dritt lid-detentur ta' l-awtorizzazzjoni u lit-terzi inkarigati minnu li jagħmlu u jimplementaw offerti għall-konklużjoni ta' kuntratti anki fit-territorju ta' Stati Membri oħra mingħajr il-ħtieġa ta' awtorizzazzjonijiet nazzjonali addizzjonali? |