10.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 269/36


Appell imressaq fl-14 ta' Settembru 2007 minn AEPI Elliniki Etaireia pros Prostasian tis Pnevmatikis Idioktisias AE kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla) tat-12 ta' Lulju 2007 fil-Kawża T-229/05, AEPI Elliniki Etaireia pros Prostasian tis Pnevmatikis Idioktisias AE vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-425/07 P)

(2007/C 269/61)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: AEPI Elliniki Etaireia pros Prostasian tis Pnevmatikis Idioktisias AE (rappreżentant: Th. Asprogerakas — Grivas, avukat)

Parti oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tilqa' dan ir-rikors

tannulla kompletament s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (Ir-Raba' Awla) mogħtija fit-12 ta' Lulju 2007, AEPI AE vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li fir-rigward tagħha ġie ppreżentat dan ir-rikors

tisma u tiddeċiedi hija nfisha r-rikors ta' l-14 ta' Ġunju 2005 (skond l-Artikolu 230 tat-Trattat KE), Nru 001/4372.56 (2001) A/3603/2, imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2005 SG-Greffe (2005) D/201832, li tiċħad l-ilment tat-22 ta' Marzu 2001 (2001/4372.56 (2001A/3603/2), jew inkella tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li ddeċidiet fir-rigward tas-sentenza kkontestata, b'mod tali li l-motivi esposti fl-imsemmi rikors jintlaqgħu; u

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

Is-sentenza kkontestata interpretat b'mod żbaljat l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat CE billi, ma eżaminatx jekk id-Deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni marritx lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, ma kkunsidratx il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f'dan il-qasam, ma kkunsidratx iċ-ċirkostanzi fattwali, descritti fir-rikors, li juru dannu lill-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fl-aħħar nett, billi interpretat u applikat b'mod żbaljat l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE, qieset li d-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni tad-dritt Komunitarju jeżiġu neċessarjament l-eżistenza ta' dannu veru għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, filwaqt li fil-verità, fid-dawl ta' interpretazzjoni u applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet fuq imsemmija, il-possibbiltà ta' dannu bħal dan għandu jkun biżżejjed sabiex jitwettaq il-ksur.