10.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 269/34


Rikors imressaq fil-4 ta' Frar 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-406/07)

(2007/C 269/58)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentant: D. Triandafillou)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li r-Repubblika Ellenika naqset:

a)

milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 56 u 43 KE u l-Artikoli 31 tal-Ftehim ŻEE, peress li applikat għad-dividendi li joriġinaw minn pajjiż barrani sistema fiskali li hija inqas vantaġġjuża min dik applikata għad-dividendi ta' oriġini nazzjonali;

b)

milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 43 KE u ta' l-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE, billi żammet fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta' intaxxar tad-dħul (Liġi Nru 2238/94 fil-verżjoni tagħha li ġiet emendata l-aħħar mil-Liġi Nru 3296/2004) li jipprovdi li l-impriżi privati barranin huma suġġetti fil-Greċja għal taxxa ogħla minn dik imposta fuq il-kumpanniji Griegi;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Istati membri ma jistgħux japplikaw għad-dividendi li joriġinaw minn pajjiż barrani taxxa ogħla minn dik applikata fir-rigward tad-dividendi ta' oriġini nazzjonali,

L-eżenzjoni fiskali prevista mil-leġiżlazzjoni fiskali Griega hija intiża sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja fuq il-qligħ tal-kumpanniji mqassam lill-azzjonisti, iżda tapplika biss għad-dividendi ta' oriġini nazzjonali.

Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni fiskali Griega għandha bħala effett li tiskoraġġixxi lill-persuni taxxabbli fil-Greċja milli jinvestu l-kapital tagħhom f'kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

Id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fiskali Griega għandhom ukoll effett restrittiv fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati membri oħra, minħabba li din il-leġiżlazzjoni tostakola lil dawn il-kumpanniji milli jiġbru kapital fil-Greċja.

Sa fejn id-dħul mill-kapital ta' oriġini mhux Griega jkun suġġett għal sistema fiskali inqas vantaġġjuża mid-dividendi mqassma mill-kumpanniji stabbiliti fil-Greċja, l-ishma tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membru oħra jkunu inqas attraenti, għal investituri li jirrisjedu fil-Greċja, mill-ishma tal-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fil-Greċja.

Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li dispożizzjonijiet legali tat-tip in kwistjoni jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, li huma bħala prinċipju pprojbiti mill-Artikolu 56 KE.

F'dak li jirrigwarda l-persuni totalment taxxabbli fil-Greċja li għandhom ishma barranin li jippermettulhom jeżerċitaw influwenza reali fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija u jidderiġu l-attivitajiet tagħha, dan wkoll huwa restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment, ipprojbita mill-Artikolu 43 KE.