|
20.10.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 247/4 |
Rikors ippreżentat fis-16 ta' Lulju 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ellenika
(Kawża C-331/07)
(2007/C 247/06)
Lingwa tal-kawża: Il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: E. Tserepa-Lacombe u F. Erlbacher)
Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika
Talbiet tal-parti rikorrenti
|
— |
jiġi ddikjarat li, billi m'adottatx id-dispożizzjonijiet neċessarji kollha sabiex tirrimedja n-nuqqas gravi ta' impjegati fis-settur tas-servizzi responsabbli għall-verifiki veterinarji fil-Greċja, li b'hekk l-applikazzjoni korretta u effettiva tal-leġiżlazzjoni veterinarja Komunitarja ġiet imdgħajjfa, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond din il-leġiżlazzjoni. |
|
— |
tordna lir-Repubblika Ellenika tbati l-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors preżenti, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi m'adottatx id-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex, minn naħa, tikkonforma ruħha ma' l-obbligu impost mill-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 882/2004 tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa sabiex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta' l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta' l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta' l-annimali (ĠU 2004 L 165, p. 1 kif emendat fil-ĠU L 191 tat-28.5.2004, p. 1, iktar 'il quddiem ir-“Regolament 882/2004”) kif ukoll l-obbligu li jkollha numru suffiċjenti ta' impjegati kwalifikati kif imiss u ta' esperjenza, sabiex iwettaq kontrolli uffiċjali effettivi, u min-naħa l-oħra, sabiex tikkonforma ruħha ma' l-obbligu previst mill-leġiżlazzjoni veterinarja Komunitarja dwar il-finanzjament ta' l-impjegati meħtieġa sabiex jitwettqu verifiki veterinarji previsti, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond din il-leġiżlazzjoni.
Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni veterinarja Komunitarja timponi fuq l-Istati Membri li jassiguraw it-twettiq ta' numru sostanzjali ta' spezzjonijiet u kontrolli relatati ma' l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet u istruzzjonijiet li jinsabu f'din id-dispożizzjoni. B'hekk, ċerti dispożizzjonijiet, b'mod partikolari l-Artikolu 4(2) tar-Regolament 882/2004 jipprovdu li l-Istati Membri għandhom ikollhom numru suffiċjenti ta' impjegati kwalifikati kif imiss u ta' esperjenza sabiex iwettqu verifiki veterinarji. Minbarra dan, bosta dispożizzjonijiet jipprovdu partikolarment it-twettiq ta' ċerti verifiki veterinarji, li uħud minnhom jippreċiżaw xi ftit jew wisq il-proċedura, jew inkella jistupulaw kundizzjonijet u istruzzjonijiet li jippreżupponi l-eżistenza ta' verifiki veterinarji.
Madankollu, filwaqt li bbażat ruħha fuq numru sostanzjali ta' rapporti ta' spezzjonjiet mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tal-Kummissjoni (FVO), il-Kummissjoni ssostni li kemm fl-iskadenza tat-terminu ta' żmien mogħti fl-opinjoni motivata u kif ukoll suċċessivament, u minkejja xi sforzi mwettqa mill-awtoritajiet Griegi, ir-Repubblika Ellenika m'adottatx il-miżuri neċessarji kollha sabiex tirrimedja n-nuqqas li ġie kkonstatat fir-rigward tagħha. Fil-fatt, sa mill-1998, il-FVO wettqet numru ta' spezzjonijiet fil-Greċja, li matulhom ikkonstatat insuffiċjenza kbira ta' impjegati fis-servizzi li huma responsabbli sabiex iwettqu kontrolli uffiċjali previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, f'kull livell amministrattiv. In-nuqqas ikkonstatat huwa tali li, skond l-esperti tal-Kummissjoni, il-kontrolli uffiċjali li huma neċessarji sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni ta' l-annimali ma setgħux jitwettqu, peress li l-programmi intiżi sabiex jikkumbattu u jeradikaw tal-mard ta' l-annimali ma twettqux u lanqas ma ġew osservati r-regoli dwar il-welfare ta' l-annimali.
Il-parti 'l kbira ta' l-istruzzjonijiet li ġew indirizzati lill-awtoritajiet Griegi ma ġewx implementati jew inkella ma ġewx implementati biżżejjed. Barra minn hekk, ir-rapporti mfassla sussegwentement għall-ispezzjonijiet tirriżulta dehra negattiva ħafna fir-rigward tat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali li jsiru fil-Greċja.