|
20.10.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 247/3 |
Rikors imressaq fit-13 ta' Lulju 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-326/07)
(2007/C 247/05)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: L. Pignataro-Nolin u H. Støvlbæk, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet
|
— |
tiddikjara li bl-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet bħal dawk kontenuti fl-Artikolu 1.2 tad-Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri ta' l-10 ta' Ġunju 2004, fuq id-definizzjoni tal-kriterji għall-eżerċizzju tal-poteri speċjali stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Digriet Liġi tat-31 ta' Mejju 1994, Nru 332, konvertit u emendat bil-Liġi tat-30 ta' Lulju 1994 Nru 474, emendat bil-paragrafu 227(a), (b) u (c) ta' l-Artikolu 227 tal-Liġi finanzjarja Nru 350/2004, ir-Repubblika Taljana naqset li twettaq l-obbligi imposti fuqha bl-Artikoli 43 u 56 tat-Trattat KE; |
|
— |
tordna lir-Repubblika Taljana tbati l-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni ssostni li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1.2 tad-Digriet ta' l-10 ta' Ġunju 2004 għall-eżerċizzju tal-poteri speċjali, previsti fil-paragrafu 227(a), (b) u (c) ta' l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 350/2004 mhumiex suffiċjentement speċifiċi jew preċiżi biex jippermettu lill-investitur ta' Stat Membru ieħor li jkun jaf meta l-poteri speċjali stabbiliti fil-paragrafu 227(a), (b) u (c) ta' l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 350/2004 ser jiġu użati.
Il-poteri speċjali stabbiliti fis-subparagrafi (a), (b) u (c) jikkonsistu fl-oppożizzjoni għall-assunzjoni tal-kontroll minn investituri ta' ishma rilevanti li jirrappreżentaw ta' l-inqas 5 % tad-drittijiet tal-vot jew il-perċentwali minima stabbilita mill-Ministru ta' l-Ekonomija u tal-Finanzi, fl-oppożizzjoni għall-konklużjoni ta' pattijiet u ftehim bejn azzjonisti li jirrappreżentaw 5 % tad-drittijiet tal-vot jew il-perċentwali minima stabbilita mill-Ministru ta' l-Ekonomija u tal-Finanzi u fil-poter tal-veto għall-addozzjoni ta' riżoluzzjonijiet ta' xoljiment tal-kumpannija, ta' trasferiment ta' l-impriża, ta' amalgamazzjoni, ta' qsim, ta' trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat barra mill-pajjiż, jew ta' bdil ta' l-għanijiet tal-kumpannija, kriterji applikabbli għas-setturi kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 227 ta' l-Artikolu 4 tal-Liġi (difiża, trasport, telekomunikazzjonijiet, sorsi ta' enerġija u servizzi pubbliċi oħra).
Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara Il-Kummissjoni vs Spanja, C-463/03; Il-Kummissjoni vs Franza, C-483/99; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-503/99; u Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-282/04 u C-293/04), il-Kummissjoni tikkunsidra għaldaqstant li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jiġu mħarsa l-interessi pubbliċi previsti fl-Artikolu 12 tad-Digriet ta' l-10 ta' Ġunju 2004 u li hija tmur kontra l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 43 KE rispettivament. Il-Kummissjoni tikkunsidra li għas-setturi regolati, bħas-settur ta' l-enerġija, tal-gass u tat-telekomunikazzjonijiet, l-għan tal-ħarsien ta' l-interessi vitali ta' l-Istat jista' jiġi implementat bl-adozzjoni ta' miżuri ta' regolamentazzjoni ta' l-attivitajiet inqas restrittivi bħad-Direttiva 2003/54/KE (1) u d-Direttiva 2003/55/KE (2) jew id-Direttiva 2002/21/KE (3) u d-Direttivi 2002/19/KE (4), 2002/20/KE (5), 2002/22/KE (6) u 2002/58/KE (7). Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-istess regolamentazzjoni tiggarantixxi wkoll il-ħarsien ta' provvisti minimi nazzjonali u li ma teżisti ebda rabta kawżali bejn il-bżonn li tiġi ggarantita l-provvista ta' l-enerġija, il-provvista tas-servizzi pubbliċi u l-kontroll tal-proprjetà jew tal-ġestjoni ta' l-impriża.
(1) ĠU L 176, p. 37.
(2) ĠU L 176, p. 57.
(3) ĠU L 108, p. 33.
(4) ĠU L 108, p. 7.
(5) ĠU L 108, p. 21.
(6) ĠU L 108, p. 51.
(7) ĠU L 201, p. 37.