|
20.10.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 247/3 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Bundesfinanzhof (il-Germanja) fil-11 ta' Lulju 2007 — Hein Persche vs Finanzamt Lüdenscheid
(Kawża C-318/07)
(2007/C 247/04)
Lingwa tal-kawża: Il-Germaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesfinanzhof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Hein Persche.
Konvenuta: Finanzamt Lüdenscheid.
Domandi preliminari
|
1) |
Ir-rigali in speċi, magħmula minn ċittadin ta' Stat Membru, li jkunu jikkonsistu f'prodotti għall-użu ta' kuljum lil organizazzjonijiet li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor u li huma rrikonoxxuti bħala ta' utilità pubblika skond id-dritt ta' dan il-pajjiż għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt il-prinċipju ta' moviment liberu tal-kapitali (Artikolu 56 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea)? |
|
2) |
Fil-każ ta' tweġiba pożittiva għall-ewwel domanda, dispożizzjoni ta' Stat Membru li tagħti benefiċċju fiskali fir-rigward tar-rigali lil organizzazzjonijiet ta' utilità pubblika biss jekk dawn ta' l-aħħar għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju nazzjonali għandha tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra l-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapitali (Artikolu 56 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea), meta jittieħed in kunsiderazzjoni, minn naħa, l-obbligu li l-amministrazzjoni fiskali għandha li tivverifika d-dikjarazzjonijiet tal-persuni taxxabbli u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju tal-proporzjonalità (it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea)? |
|
3) |
Fil-każ ta' tweġiba pożittiva għat-tieni domanda, id-Direttiva 77/799/KEE għandha tiġi kkunsidrata bħala li tobbliga lill-amministrazzjoni fiskali ta' Stat Membru sabiex tirrikorri għall-għajnuna ta' Stat Membru ieħor sabiex tistabbilixxi l-fatti fuq sitwazzjoni li toriġina minn dan l-aħħar Stat Membru jew inkella jekk huwiex possibbli li r-regoli proċedurali ta' l-Istat Membru tal-persuna taxxabbli jeżiġux li din il-persuna taxxabbli jkollha l-oneru tal-prova fir rigward ta' fatti li seħħew barra minn pajjiżu (oneru tal-prova oġġettiv)? |