20.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 247/2


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Hessischer Verwaltungsgerichtshof (Il-Ġermanja) fil-5 ta' Lulju 2007 — Firma Baumann GmbH vs Land Hessen

(Kawża C-309/07)

(2007/C 247/03)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Hessischer Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Firma Baumann GmbH

Konvenut: Land Hessen.

Domandi preliminari

1)

Il-leġiżlatur nazzjonali, meta jagħmel użu mis-setgħa stabbilita fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/73/KEE, tad-29 ta' Jannar 1985, fil-verżjoni tad-Direttiva 96/42/KE, tas-26 ta' Ġunju 1996 u fil-punt 4(a) tal-Kapitlu I ta' l-Anness A sabiex iżid l-ammont standard tal-miżati għal stabbilimenti individwali u fil-punt 4(b) sabiex jiġbor miżata li tkopri l-ispejjeż inkorsi, huwa marbut strettament ma' l-istruttura tal-miżati prevista fil-punti 1 u 2(a) tal-Kapitlu I ta' l-Anness A (skond it-tip ta' annimal, annimali żgħar jew adulti, il-piż tal-karkassa eċċ), jew jista' jagħmel distinzjoni, meta jistabbilixxi l-ammonti tal-miżati, bejn spezzjonijiet ta' unitajiet ta' qtil fi stabbilimenti kbar u spezzjonijiet oħra, u barra minn dan, anki fi ħdan dawn iż-żewġ gruppi jaġġusta r-rata tal-miżati fuq skala li tonqos skond in-numru ta' annimali maqtula minn fost tip ta' annimal, salv biss li dan jirrifletti l-ispejjeż inkorsi?

2)

Abbazi tad-dispożizzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq, il-leġiżlatur nazzjonali jista' jiġbor, fir-rigward tal-qtil li jsir barra l-ħin normali tal-qtil u dan fuq talba tas-sid, miżata addizzjonali fuq bażi perċentwali barra mill-miżata miġbura għal spezzjonijiet tal-qtil fil-ħin normali tal-qtil meta din ta' l-aħħar tirrifletti l-ispejjeż addizzjonali inkorsi, jew dawn l-ispejjeż għandhom jiġu inklużi fil-miżata standard (miżjuda) għall-persuni kollha li huma suġġetti għall-miżata?