|
6.10.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 235/6 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-18 ta' Lulju 2007 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hof van Cassatie van België, il-Belġju) — Proċedura kriminali kontra Norma Kraaijenbrink
(Kawża C-367/05) (1)
(“Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen - Artikolu 54 - Prinċipju ta' ‘ne bis in idem’ - Kunċett ta' l-‘istess azzjonijiet’ - Azzjonijiet differenti - Proċessi kriminali f'żewġ Stati kontraenti - Azzjonijiet marbuta b'intenzjoni kriminali komuni’)
(2007/C 235/09)
Lingwa tal-kawża: L-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hof van Cassatie van België
Parti fil-proċedura kriminali prinċipali
Norma Kraaijenbrink
Suġġett
Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 54, flimkien ma' l-Artikolu 71, tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen, ta' l-14 ta' Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom (ĠU 2000, L 239, p. 19) — Prinċipju ta' ne bis in idem — Azzjonijiet differenti imma marbuta b'intenzjoni komuni u li għalhekk, f'termini legali, jikkostitwixxu azzjoni waħda — Azzjonijiet simili jew mhux simili fis-sens ta' l-Artikolu 54 — Kxif, wara l-kundanna fi Stat, ta' azzjonijiet oħra mwettqa fl-istess perijodu bħall-azzjonijiet ippenalizzati li, flimkien ma' dawn ta' l-aħħar, jikkostitwixxu manifestazzjoni ta' l-istess intenzjoni kriminali — Dritt li dawn l-azzjonijiet komplimentari jiġu ppenalizzati fi Stat ieħor — Teħid in kunsiderazzjoni tal-pieni li diġà ngħataw fl-ewwel Stat
Dispożittiv
L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen, ta' l-14 ta' Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, iffirmat f'Schengen (il-Lussemburgu), fid-19 ta' Ġunju 1990, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
— |
il-kriterju rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-imsemmi artikolu huwa l-kriterju ta' l-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta' ġabra ta' azzjonijiet inseparabbilment marbuta bejniethom, irrispettivament mill-klassifikazzjoni ġuridika ta' dawn l-azzjonijiet jew mill-interess ġuridiku protett; |
|
— |
azzjonijiet differenti li jikkonsistu, b'mod partikolari, minn naħa, fiż-żamma fi Stat kontraenti ta' somom ta' flus miksuba mit-traffikar ta' drogi u, min-naħa l-oħra, fl-iskambju f'uffiċċji tal-kambju fi Stat kontraenti ieħor ta' somom ta' flus bl-istess oriġini m'għandhom jitqiesu bħala l-“istess azzjonijiet” fis-sens ta' l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen minħabba s-sempliċi fatt li l-qorti nazzjonali kompetenti tikkonstata li l-imsemmija azzjonijiet huma marbuta b'intenzjoni kriminali komuni; |
|
— |
hija l-imsemmija qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-livell ta' identiċità u ta' konnessjoni bejn iċ-ċirkustanzi fattwali kollha li għandhom jiġu mqabbla huwiex tali li jista' jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-kriterju rilevanti msemmi aktar 'il fuq, li huma involuti l-“istess azzjonijiet” fis-sens ta' l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen. |