6.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 235/4


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-18 ta' Lulju 2007 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof, il-Ġermanja) — Proċedura kriminali kontra Jürgen Kretzinger

(Kawża C-288/05) (1)

(Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen - Artikolu 54 - Prinċipju ta' “ne bis in idem’ - Kunċett ta' l-“istess azzjonijiet’ - Sigaretti importati b'kuntrabandu - Importazzjonijiet f'diversi Stati kontraenti - Proċeduri kriminali f'diversi Stati kontraenti - Kunċett ta' “infurzar’ ta' pieni kriminali - Sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tal-piena - Teħid in kunsiderazzjoni ta' perijodi qosra ta' detenzjoni preventiva pendenti l-proċess - Mandat ta' arrest Ewropew)

(2007/C 235/06)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Parti fil-proċedura kriminali prinċipali

Jürgen Kretzinger

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Bundesgerichtshof — Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen, ta' l-14 ta' Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom (ĠU 2000, L 239, p. 19) — Prinċipju ta' ne bis in idem — Kundizzjonijiet għall-estinzjoni tad-dritt ta' prosekuzzjoni penali — Kunċett ta' l-“istess azzjonijiet” — Trasport ta' sigaretti bil-kuntrabandu mit-territorji ta' diversi Stati membri — Kundanna, f'żewġ Stati Membri, għal frodi fiskali u għal ħabi ta' frodi fiskali rispettivament — Kunċett ta' “infurzar” — Sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tal-piena — Teħid in kunsiderazzjoni tal-perijodi ta' detenzjoni preventiva.

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen, ta' l-14 ta' Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata fid-19 ta' Ġunju f'Schengen, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kriterju rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-imsemmi artikolu huwa l-kriterju ta' l-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta' ġabra ta' azzjonijiet inseparabbilment marbuta bejniethom, irrispettivament mill-klassifikazzjoni ġuridika ta' dawn l-azzjonijiet jew mill-interess ġuridiku protett;

azzjonijiet li jikkonsistu fir-riċettazzjoni ta' tabakk bil-kuntrabandu barrani fi Stat kontraenti u fl-importazzjoni u l-pussess ta' l-istess tabakk fi Stat kontraenti ieħor, ikkaratterizzati mill-fatt li l-imputat, li ġie pproċessat f'żewġ Stati kontraenti, kellu mill-bidu nett l-intenzjoni li jittrasporta t-tabakk, wara li rċevih inizjalment, lejn destinazzjoni finali billi jgħaddi minn diversi Stati kontraenti, jikkostitwixxu mġiba li tista' taqa' taħt il-kunċett ta' l-“istess azzjonijiet” fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu 54. Huma l-qrati nazzjonali kompetenti li għandhom jagħmlu l-evlawazzjoni definittiva f'dan ir-rigward.

2)

Fis-sens ta' l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen, is-sanzjoni mogħtija minn qorti ta' Stat kontraenti “tkun ġiet infurzata” jew “tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata” meta l-imputat ikun ġie kkundannat, skond il-liġi ta' l-imsemmi Stat kontraenti, għal piena ta' priġunerija li l-eżekuzzjoni tagħha tkun ġiet sospiża.

3)

Fis-sens ta' l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen, is-sanzjoni mogħtija minn qorti ta' Stat kontraenti m'għandhiex titqies li “ġiet infurzata” jew li hija “fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata” meta l-imputat ikun, għal perijodu qasir, inżamm fil-kustodja tal-pulizija u/jew inżamm f'detenzjoni preventiva pendenti l-proċess u meta, skond il-liġi ta' l-Istat fejn ingħatat is-sentenza, din id-detenzjoni għandha tittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-piena ta' priġunerija.

4)

Il-fatt li Stat Membru fejn persuna kienet is-suġġett ta' sentenza ta' kundanna definittiva taħt id-dritt nazzjonali jista', taħt id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/JHA, tat-13 ta' Ġunju 2002, dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċessjoni bejn l-Istati Membri, joħroġ mandat ta' arrest Ewropew bil-għan li din il-persuna tiġi arrestata sabiex tiġi infurzata din is-sentenza, ma jistax ikollu impatt fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' “infurzar” fis-sens ta' l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen.


(1)  ĠU C 257, 15.10.2005.