3.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 231/10


Sejħa għal applikazzjonijiet b'rabta mat-tiġdid tal-membri tal-“Forum Ewropew dwar l-Enerġija u t-Trasport”

(2007/C 231/09)

B' Deċiżjoni tal-11 ta' Lulju 2001 (1), il-Kummissjoni waqqfet Kumitat Konsultattiv, il-Forum Ewropew dwar l-Enerġija u t-Trasport, biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta' politika dwar l-enreġija u t-trasport. Billi skada l-mandat tal-membri kurrenti tal-Forum, il-Kummissjoni qiegħda għalhekk issejjaħ lil persuni interessati biex jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom b'rabta mat-tiġdid tal-Forum.

Skond id-Deċiżjoni msemmija fuq, il-Forum għandu 34 membru sħiħ, inklużi 6 rappreżentati tat-trade unions li mhumiex koperti minn din is-sejħa għall-applikazzjonijiet. Għal kull membru sħiħ, għandu jinħatar membru wieħed sostitut. Il-Kummissjoni għandha tagħżel il-membri individwali għal mandat ta' xahrejn li jiġġedded.

Il-membri tal-Forum huma meħtieġa jagħtu lill-Kummissjoni opinjoni indipendenti, ħielsa minn kull influwenza esterna, u li jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-kunfidenzjalità msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-Forum. Għandhom ikunu ċittadini ta' pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea jew, jekk xieraq, pajjiż taż-Żona Ekonomika Ewropea. It-tqassim tal-membri għandu jkun kif ġej:

disa' (9) membri li jirrappreżentaw lill-operaturi (produtturi tal-enerġija u trasportaturi tal-merkanzija fuq l-art, bil-baħar u bl-ajru, l-industrija tal-manifattura),

ħames (5) membri li jirrappreżentaw in-netwerks u l-infrastrutturi (gass, elettriku, ferroviji, toroq, portijiet, ajruporti, kontroll tat-traffiku ta' l-ajru),

seba' (7) membri li jirrappreżentaw lill-utenti u lill-konsumaturi (utenti tat-trasport, konsumaturi ta' l-enerġija, gestjoni tad-domanda),

sitt (6) membri li jirrappreżentaw it-trade unions,

ħames (5) membri li jirrappreżentaw lill-organizzazzjonijiet ambjentali u lill-organizzazzjonijiet responsabbli għas-sikurezza b'mod partikolari fil-qasam tat-trasport,

żewġ (2) membri mid-dinja akkademika jew minn think tanks,

Il-Kummissjoni għandha tagħżel il-membri skond l-applikazzjonijiet li jaslulha b'risposta għal din is-sejħa u billi jqisu l-kriterji ta' l-għażla li ġejjin:

kompetenza u esperjenzi ppruvati f'oqsma rilevanti għall-politika dwar it-trasport u l-enerġija, rappreżentattività, inkluż fuq livell Ewropew u/jew internazzjonali. F'dan il-kuntest, l-applikanti għandhom ikollhom, jew inkella kellhom qabel, il-karigi li ġejjin:

jew maniġers eżekuttivi fin-negozju, preferibbilment b'esperjenza fl-iżvilupp ta' proġetti trans-nazzjonali fl-oqsma ta' l-attività marbuta ma' l-operaturi, in-netwerks u l-infrastrutturi;

jew bħala maniġers fi ħdan assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew negozji b'responsabbiltà nazzjonali għal oqsma marbuta ma' l-utenti, il-konsumaturi, il-ħarsien u s-sigurtà ambjentali;

jew inkella f'universitajiet jew think tanks għal dmirijiet maniġerjali li jikkonċernaw studji, per eżempju, jew istituti/ċentri ta' riċerka speċjalizzata. l-akkademiċi għandhom ukoll juru l-kompetenza tagħhom fl-affarijiet Ewropej (per eżempju: dmirijiet speċjali, pubblikazzjonijiet, eċċ.);

il-ħila li jikkontribwixxu għal diskussjonijiet strateġiċi, iqisu kwistjonijiet marbuta ma' l-enerġija u t-trasport kif ukoll l-interazzjoni bejn iż-żewġ oqsma ta' politika;

bilanċ f'termini ta' speċjalisti mill-oqsma varji ta' attività, sess (2) u oriġini ġeografika.

Kull applikazzjoni għandha timtela b'waħda mil-lingwi uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea, tindika biċ-ċar in-nazzjonalità ta' l-applikant u tinkludi d-dokumentazzjoni meħtieġa. L-applikanti kollha jridu jiddokumentaw bis-sħiħ l-esperjenza u l-għarfien espert professjonali tagħhom (permezz ta' curriculum vitae u/jew ittra ta' appoġġ għall-applikazzjoni tagħhom, per eżempju).

L-applikazzjonijiet iffirmati jridu jintbagħtu sa mhux aktar tard minn xahrejn wara d-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż. Wara din id-data, il-Kummissjoni se tipproċedi biex taħtar il-membri sħaħ u membri sostituti tal-Forum. L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu:

jew b'ittra rreġistrata (il-marka postali tindika d-data) lill-indirizz li ġej: European Commission, Directorate-General for Energy and Transport, Unit A1 Secretariat, DM28 Office 8/004, B-1049 Brussels;

jew imwassla bl-idejn u mogħtija irċevuta tat-twassil lill-indirizz li ġej: European Commission, Directorate-General for Energy and Transport, Unit A1 Secretariat, 28 rue Demot, Office 8/004 (Building DM28), B-1040 Brussels;

jew bil-posta elettronika: tren-forum@ec.europa.eu.

L-applikazzjonijiet li ma jkunux intgħażlu l-ewwel darba jistgħu jitqiesu għal sħubija fil-ġejjieni.

Il-lista tal-membri tal-Forum Ewropew dwar l-Enerġija u t-Trasport se tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tagħti lura l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' l-għixien relatati ma' l-attivitajiet ta' dan il-Forum skond id-disposizzjonijiet tal-Kummissjoni li jkunu fis-seħħ. Mhux se jkun hemm ħlas għat-twettiq tad-dmirijiet tal-membri.

Tagħrif dwar il-Forum Ewropew dwar l-Enerġija u t-Trasport jista' jinstab fuq il-websajt “Europa”

http://ec.europa.eu/dgs/energy_transport/forum/index_en.htm.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/546/KE tal-11 ta' Lulju 2001

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2000/407/KE tad-19 ta' Ġunju 2000 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fil-kumitati u l-gruppi ta' l-esperti stabbiliti minnha ĠU L 154/34, 27.6.2000.