|
8.9.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 211/52 |
Rikors ippreżentat fit-13 ta' Lulju 2007 — Il-Kummissjoni vs Banca di Roma
(Kawża T-261/07)
(2007/C 211/99)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: A. Colabianchi, avvocato, F. Amato u M. Wilderspin, aġenti)
Konvenuta: Banca di Roma SpA
Talbiet tar-rikorrenti
|
— |
tordna lil Banca di Roma SpA, stabbilita fl-Italja, Ruma (00144), Viale Umberto Tupini Nru. 180, fil-persuna tar-rappreżentant legali preżenti tagħha, teżegwixxi l-garanzija bankarja tat-28.10.1989 favur il-Kummissjoni Ewropea; |
|
— |
tordna lil Banca di Roma SpA, legalment stabbilita fl-Italja, Ruma (00144), Viale Umberto Tupini Nru. 180, fil-persuna tar-rappreżentant legali preżenti tagħha, tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, stabbilita fil-Belġju, Brussell (1039), Rue de la Loi Nru. 200, is-somma ta' EUR 412 607.41, kif ukoll interessi ta' EUR 94.37 għal kull ġurnata mit-30 ta' Diċembru 2006 sad-data meta jsir il-ħlas, jew dik is-somma li tiġi stabbilita mill-Qorti; |
|
— |
tordna lil Banca di Roma SpA, legalment stabbilita fl-Italja, Ruma (00144), Viale Umberto Tupini Nru. 180, fil-persuna tar-rappreżentant legali preżenti tagħha, tbati l-ispejjeż kollha ta' dawn il-proċedimenti inklużi dawk tal-Kummissjoni. |
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors qed isir skond l-Artikolu 238 tat-Trattat KE abbażi tal-klawżola ta' arbitraġġ li tinsab fil-garanzija tat-28 ta' Ottubru 1989 maħruġa mill-Banco di Roma (illum imsejjaħ Banca di Roma) favur il-Kummissjoni.
B'deċiżjoni C(89) 1241 tat-2 ta' Awwissu 1989 (1) il-Kummissjoni kienet imponiet multi fil-konfront ta' erbatax-il produttur ta' materjali wweldjati, fosthom Ferriere Nord S.p.A., talli ħadu sehem fi ftehim u prattiċi miftehma bi ksur ta' l-Artikolu 85(1) (illum l-Artikolu 81(1)) tat-Trattat KE; fir-rigward ta' Ferriere Nord ġiet imposta multa ta' EUR 320 000.
Skond l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni, il-multa kellha titħallas minn Ferriere Nord fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni stess, bl-eċċezzjoni li Ferriere Nord setgħet tipprovdi garanzija bankarja li tkun tkopri d-dejn kollu tal-kapital bl-interessi.
B'ittra rreġistrata tat-30 ta' Ottubru 1989, li waslet fis-7 ta' Novembru 1989, Ferriere Nord bagħtet lill-Kummissjoni ittra tas-26 ta' Ottubru 1989 li permezz tagħha il-Banco di Roma (illum imsejjaħ Banca di Roma) — Sussidjarja ta' Udine, l-Italja, iddikjara lill-Kummissjoni li kien qiegħed joqgħod bħala garanti tal-ħlas ta' Ferriere Nord kemm tal-multa ta' EUR 320 000 kif ukoll ta' l-interessi, ikkalkulati li jibdew mill-15 ta' Novembru 1989 sad-data tal-ħlas effettiv.
Fis-sentenza tas-27 ta' Settembru 2006 mogħtija fil-kawża T-153/04 (2), il-Qorti tal-Prim'Istanza ddikjarat il-preskrizzjoni, skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/74, tas-“setgħa tal-Kummissjoni li tinforza d-deċiżjoni” Materjali wweldjati (punti 53 u 58 tas-sentenza T-153/04).
Madankollu, skond ir-rikorrenti, din is-sentenza m'għandha l-ebda effett fuq il-garanzija mogħtija mill-Banca di Roma peress li, minħabba l-awtonomija ta' l-imsemmija garanzija, skond id-dritt Taljan (li huwa d-dritt applikabbli f'dan il-każ), il-Banca di Roma hija marbuta teżegwixxi l-garanzija fuq sempliċi talba mill-Kummissjoni, mingħajr ma tista' topponi lil din ta' l-aħħar ebda waħda mill-eċċezzjonijiet eventwalment opponibbli minn Ferriere Nord.
(1) ĠU L 260 1989, p. 1.
(2) Li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.