8.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 211/56


Rikors ippreżentat fit-23 ta' Lulju 2007 — Franza vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-279/07)

(2007/C 211/104)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika ta' Franza (rappreżentanti: E. Belliard, G. de Bergues, L. Butel, u S. Ramet, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 2110 finali, ta' l-10 ta' Mejju 2007, li tiddikjara inkompatibbli ma' l-Artikolu 86(1) KE, flimkien ma' l-Artikoli 43 KE u 49 KE, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju Franċiż li jirrizervaw għal tliet stabbilimenti ta' kreditu, il-Banque Postale, il-Caisses d'Épargne et de Prévoyance u l-Crédit Mutuel, drittijiet speċjali għad-distribuzzjoni ta' kontijiet speċjali magħrufa bħala 'livret A' u 'livret bleu'.

In sostenn tar-rikors tagħha, hija tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju tal-kontradittorju.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunisdrat li d-drittijiet speċjali in kwistjoni jikkostitwixxu xkiel għal-libertà ta' stabbiliment u, konsegwentement, kienu inkompatibbli ma' l-Artikolu 43 KE mingħajr ma wriet li dawn id-drittijiet ma kinux neċessarji u proprozjonati fir-rigward tar-raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali li huma l-għanijiet ta' l-aċċess għall-akkomodazzjoni u ta' l-aċċessibbiltà tas-servizzi bankarji.

Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni tat-tielet kundizzjoni ta' l-Artikolu 86(2) KE meta kkunsidrat li s-servizz ta' importanza ekonomika ġenerali ta' aċċessibbiltà bankarja huwa intiż biss għall-persuni li għandhom diffikultajiet partikolari ta' aċċess għas-servizzi bankarji bażiċi. Hija tallega li l-Kummissjoni kienet marret lil'hinn mill-poteri ta' kontroll tagħha fir-rigward tad-definizzjoni ta' servizz ta' importanza ekonomika ġenerali u li, f'kull każ, adottat definizzjoni restrittiva wisq tal-missjoni ta' aċċessibbiltà bankarja. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet ukoll żball manifest ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni ta' l-Artikolu 86(2) KE dwar l-obbligu li s-servizz jiġi attribwit permezz ta' att ta' awtorità pubblika kif ukoll fl-applikazzjoni tar-raba' u tal-ħames kundizzjonijiet ta' l-imsemmi artikolu. Hija tallega li l-Kummissjoni wettqet żball fil-kalkolu ta' l-impatt tat-tneħħija tad-drittijiet speċjali għall-finanzi pubbliċi u li hija wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' proprozjonalità meta kkunsidrat li jeżistu mezzi anqas restrittivi għal-libertà ta' stabbiliment mill-għoti ta' drittijiet speċjali sabiex jiġi assigurat finanzjament ibbilanċjat tas-servizzi ta' importanza ekonomika ġenerali ta' l-aċċessibbiltà bankarja u tal-finanzjament ta' l-akkomodazzjoni soċjali.

Permezz tar-raba' motiv tagħha, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li d-drittijiet speċjali in kwistjoni ma kinux kompatibbli ma' l-Artikolu 49 KE.

Il-ħames motiv tar-rikorrenti huwa bbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.