8.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 211/54


Rikors ippreżentat fid-9 ta' Lulju 2007 — Air One vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-266/07)

(2007/C 211/101)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Air One SpA (rappreżentanti: M. Merola u P. Ziotti, avvocati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007 1712), tat-23 ta' April 2007, dwar l-impożizzjoni ta' Obbligi ta' Servizz Pubbliku fuq ċerti rotot minn Sardenja u lejha, fil-parti fejn timponi lill-Gvern Taljan jinkludi fl-eżerċizzju tar-rotot bejn Sardenja u l-kontinent, lit-trasportaturi ta' l-ajru kollha li jaċċettaw l-Obbligi ta' Servizz Pubbliku (OSP) relattivi, irrispettivament mill-fatt li l-inklużjoni tagħhom issir qabel jew wara t-terminu ta' tletin jum stabbilit mil-liġi nazzjonali (Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni);

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament, taħt l-Artikolu 230(4) KE, ta' l-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007 1712), tat-23 ta' April 2007, dwar l-impożizzjoni ta' Obbligi ta' Servizz Pubbliku fuq ċerti rotot minn Sardenja u lejha mogħtja skond l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2408/92 dwar aċċess għat-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għal rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji.

In sostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni s-segwenti motiv ta' kontestazzjoni:

Żball manifest ta' evalwazzjoni u nuqqas ta' loġika u kontradizzjonijiet fil-motivazzjoni. Qabel kollox ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni — billi imponiet lill-Gvern Taljan jinkludi lit-trasportaturi ta' l-ajru kollha li għandhom l-intenzjoni li jirrispettaw l-OSP biex joperaw ir-rotot in kwistjoni, irrispettivament mill-mument li fih dawn innotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jibdew jipprovdu s-servizzi tagħhom u mid-data li fiha ġiet mibgħuta din in-notifika, u jiġifieri qabel jew wara t-terminu ta' tletin jum previst mil-liġi nazzjonali — evalwat b'mod żbaljat is-sistema stabbilita mill-imsemmi Gvern fid-dawl tal-loġika u ta' l-iskop tar-regoli Komunitarji rilevanti. B'mod partikolari, ir-rikorrenti tiddeduċi li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2408/92 jobbliga lill-Istati Membri jilħqu l-għan ta' kontinwità territorjali permezz ta' metodi li bihom jiġu imposti OSP li, għalkemm jirrappreżentaw deroga għall-prinċipju ta' l-aċċess ħieles tat-trasportaturi Komunitarji għar-rotot intra-Komunitarji, madankollu jirrispettaw il-prinċipju ta' proporzjonalità u b'hekk jillimitaw l-iktar possibbli l-każijiet ta' ogħti ta' drittijiet esklużivi u/jew kumpensi finanzjarji. Skond ir-rikorrenti, il-Gvern Taljan wettaq b'mod sħiħ l-għan tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, peress li l-impożizzjoni ta' terminu perentorju fl-“ewwel fażi” tal-proċedura ta' impożizzjoni ta' OSP:

tagħti inċentiv għall-preżentazzjoni ta' l-offerti min-naħa tat-trasportaturi u l-assenjazzjoni ta' l-OSP relattivi min-naħa ta' l-Istat matul l-istess l-“ewwel fażi”, u

tillimita l-possibbiltà li jgħaddu għat-“tieni fażi” li fiha l-Gvern huwa obbligat jikkonċedi, permezz ta' kompetizzjoni dritt esklużiv, bil-possibbiltà li jieħu r-responsabbiltà tal-kumpens finanzjarju relattiv.

Barra minn hekk, huwa evidenti li — kuntrarjament għal dak li ġie affermat b'mod impliċitu mill-Kummissjoni — il-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi ta' l-ajru fuq ir-rotot milquta minn OSP ma tistax issir bl-istess mod kif isir fuq ir-rotot ħielsa minn dawn l-obbligi. Dan safejn il-presuppost ta' sistemi ta' OSP huwa li r-rotot milquta jkunu kkaratterizzati minn problemi ta' profitti, sal-punt li l-ebda trasportatur ma jagħżel li jservihom, b'mod konformi ma' l-interess pubbliku, f'kundizzjonijiet normali tas-suq: u għalhekk huwa neċessarju li jinħolqu mekkaniżmi li jħarsu l-interessi tat-trasportaturi onesti u diliġenti.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tiddeduċi n-natura diskriminatorja ta' l-isfond legali stabbilit mill-Kummissjoni, peress li t-tneħħija tat-terminu perentorju għall-aċċettazzjoni ta' OSP fl-“ewwel fażi” prinċipalment jagħti vantaġġ lit-trasportaturi li għandhom saħħa kbira fis-suq, u b'hekk ikunu jistgħu jintgħażlu għar-rotot OSP wara l-iskadenza tat-terminu, fejn diġà jkun hemm kompetituri, bl-uniku skop li jieħdu parti mis-suq mingħand dawn il-kompetituri.

Fl-aħħar, skond ir-rikorrenti, ir-raġunament tal-Kummissjoni huwa vvizjat minn żbalji tad-dritt f'dak li jirrigwarda l-karatteristiċi tal-proċedura għall-impożizzjoni ta' OSP. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni ta' terminu mhux perentoriu jkollha l-effett li ttawwal sine die l-“ewwel fażi” ta' l-istess proċedura, fatt li huwa illoġiku, kif ukoll li jmur kontra l-affermazzjoni tal-Kummissjoni stess li l-proċedura għall-impożizzjoni ta' OSP, għalkemm hija waħda, hija ffurmata minn żewġ fażijiet.