|
8.9.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 210/3 |
Sejħa għal proposti — EACEA/20/07
Żgħażagħ Attivi
Azzjoni 4.1 — Appoġġ għal organizzazzjonijiet attivi fuq livell Ewropew fil-qasam taż-żgħażagħ
(2007/C 210/03)
1. Objettivi u deskrizzjoni
Din is-sejħa għal proposti tikkonċerna l-azzjoni 4.1 tal-programm “Żgħażagħ attivi” u għandha l-għan li tipprovdi sostenn għall-attivitajiet permanenti ta' korpi attivi fuq livell Ewropew fil-qasam taż-żgħażagħ u tipprova tilħaq għan li hu ta' interess ġenerali Ewropew.
Dawn l-attivitajiet għandhom jinkoraġixxu liź-zġħażaħ jippartećipaw bħala ċittadini fil-ħajja pubblika, fis-soċjetà u fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' kooperazzjoni fuq skala Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ meħud fis-sens wiesa' tiegħu.
Din is-sejħa tikkorrispondi ma' l-għotjiet li se jingħataw fis-sena 2008.
Qed tipprovdi għal żewġ tipi ta' ftehim:
|
— |
Ftehim qafas ta' sħubija: il-korpi li jixtiequ jistabilixxu relazzjoni ta' kooperazzjoni fuq medda twila ta' żmien ma' l-Aġenzija, huma mistiedna sabiex japplikaw għal ftehim qafas (1) ta' sħubija għal tliet snin. |
|
— |
Ftehim annwali ta' ħidma: il-korpi li ma jkunux jixtiequ jimpenjaw ruħhom fit-tul fil-qafas ta' ftehim ta' sħubija jistgħu japplikaw għal għotja annwali ta' ħidma. |
L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura hija responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din is-sejħa għal proposti.
2. Kandidati eliġibbli
2.1. Korpi eliġibbli
Sabiex korp ikun eliġibbli għal għotja ta' ħidma, dan għandu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:
|
— |
ma jkunx korp tal-gvern; |
|
— |
ikun ilu legalment stabbilit għal minn ta' l-inqas sena fil-każ ta' ftehim annwali ta' ħidma meta tkun qed issir l-applikazzjoni u minn ta' l-inqas erba' snin fil-każ ta' ftehim qafas ta' sħubija fiż-żmien ta' meta tkun qed issir l-applikazzjoni; |
|
— |
ikun mingħajr skopijiet ta' qliegħ; |
|
— |
tkun organizzazzjoni speċifikament għaż-żgħażagħ jew li tkun tinkludi attivitajiet aktar mifruxa iżda li parti minnhom tkun destinata lejn iż-żgħażagħ; |
|
— |
ikun jinvolvi liż-żgħażagħ fil-ġestjoni ta' attivitajiet żviluppati u mmirati lejhom stess; |
|
— |
ikun hemm mill-anqas membru permanenti fost l-istaff tiegħu (bi ħlas jew mingħajr). Issir eċċezzjoni għal dawk il-korpi li jkunu għadhom qatt ma bbenefikaw minn għotjiet taħt din l-azzjoni u li jkollhom l-intenzjoni li jimpjegaw membru ta' l-istaff permanenti fil-każ li jingħataw din l-għotja. |
2.2. Pajjiżi eliġibbli
Il-korpi li huma stabbiliti f'wieħed mill-pajjiżi li ġejjin huma eliġibbli sabiex japplikaw:
|
— |
L-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea; |
|
— |
L-Istati ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea ta' Kummerċ Ħieles (EFTA) u ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE): l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja; |
|
— |
Il-pajjiżi kandidati għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea li jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni: It-Turkija; |
|
— |
Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent: L-Albanija, l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, il-Bożnja u Ħerżegovina, il-Kroazja, il-Montenegro u s-Serbja; |
|
— |
Ċerti pajjiżi ta' l-Ewropa tal-Lvant: il-Belarus, il-Moldavja, il-Federazzjoni Russa, l-Ukrajna; |
|
— |
Il-Konfederazzjoni Żvizzera, bil-kundizzjoni li jsir ftehim bilaterali ma' dan il-pajjiż. |
Dawk il-korpi li qed japplikaw għall-ftehim annwali għandu jkollhom organizzazzjonijiet attivi f'minn ta' l-inqas tmien pajjiżi msemmija hawnhekk.
Dawk il-korpi li qed japplikaw għall-ftehim qafas ta' sħubija għandu jkollhom organizzazzjonijiet attivi f'minn ta' l-inqas tnax -il pajjiż msemmija hawnhekk
3. Baġit
Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-ħidma ta' korpi attivi fuq livell Ewropew fil-qasam taż-żgħażagħ għall-2008 huwa stmat għal madwar 2 400 000 EUR. L-għajnuna finanzjarja tal-Kommunità ma tistax tkun iktar minn 80 % tat-total ta' l-ispejjeż ta' ħidma eliġibbli. L-ogħla għotja komunitarja għal kull korp hija ta' 40 000 EUR fil-każ ta' ftehim qafas ta' sħubija u 35 000 EUR fil-każ ta' ftehim annwali ta' ħidma. Nixtiequ niġbdu l-attenzjoni ta' l-applikanti għall-fatt illi jekk huma japplikaw għaż-żewġ tipi ta' għotjiet, iridu jiġu sottomessi żewġ applikazzjonijiet differenti u l-għotja massima mitluba fiż-żewġ każi ma tistax teċċedi 35 000 EUR.
L-Aġenzija tirriserva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.
4. L-aħħar data għall-applikazzjonijiet
L-applikazzjonijiet għal ftehim qafas ta' sħubija ta' tliet snin u l-applikazzjonijiet għal għotja annwali ta' ħidma għall-2008 għandhom jintbgħatu lill-Aġenzija sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2007.
5. Iktar informazzjoni
L-applikazzjonijiet iridu bilfors jirrispettaw id-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-totalità tat-test u għandhom jingħataw permezz tal-formularju previst għal dan il-għan. Dawn id-dokumenti jistgħu jinstabu minn fuq l-Internet, fl-indirizzi li ġejjin:
|
— |
DG EAC: http://ec.europa.eu/youth/program/ingyo_en.html |
|
— |
Aġenzija: http://eacea.ec.europa.eu/index.htm |
(1) L-iffirmar ta' ftehim qafas ma jitfa' l-ebda obbligu ta' għotja min-naħa ta' l-Aġenzija għas-snin 2009-2010.