|
25.8.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 199/42 |
Appell imressaq fis-27 ta' Ġunju 2007 minn Michel Thierry kontra d-digriet mogħti fis-16 ta' Apríl 2007 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-82/05, Thierry vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-223/07 P)
(2007/C 199/79)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Michel Thierry (Howald, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu) (rappreżentant: F. Frabetti, avukat)
Il-parti l-oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
It-talbiet tar-rikorrent
|
— |
tannulla d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-16 ta' April 2007 fil-kawża F-82/05, innotifikat lir-rikorrent fis-17 ta' April 2007; |
|
— |
tilqa' t-talbiet ippreżentati mir-rikorrent fl-ewwel istanza u, għaldaqstant, tiddikjara ammissibbli u fondat ir-rikors fil-kawża F-82/05; |
|
— |
sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku; |
|
— |
tiddeċiedi fuq l-ispejjeż u d-drittijiet u tordna lill-Kummissjoni sabiex tbatihom hi. |
Motivi u argumenti prinċipali
Fl-appell tiegħu, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jiċħad parzjalment bħala manifestament inammissibbli u parzjalment bħala manifestament infondat ir-rikors li għandu bħala għan l-annullament tal-lista ta' l-uffiċjali promossi abbażi tal-proċedura ta' promozzjoni għas-sena 2004, safejn din il-lista ma tinkludix l-isem tiegħu.
In sostenn tar-rikors ta' l-appell tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motiv ibbażat fuq żball ta' interpretazzjoni u ta' evalwazzjoni tal-fatti, li wassal għal żball ta' proċedura u ta' liġi allegatament imwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku safejn ma laqax it-talba li jinstema' membru li jaħdem fis-servizz tar-rikorrenti magħmula fir-replika fl-ewwel istanza.