25.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 199/41


Appell imressaq fil-25 ta' Ġunju 2007 minn Petrus Kerstens kontra d-digriet mogħti fil-25 ta' April 2007 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-59/06, Kerstens vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-222/07 P)

(2007/C 199/78)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Petrus Kerstens (Overijse, il-Belġju) (rappreżentant: C. Mourato, avukat)

Il-parti l-oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-digriet ikkontestat;

terġa' tibgħat il-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku quddiem Awla oħra;

tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skond il-liġi.

Motivi u argumenti prinċipali

Fl-appell tiegħu, r-rikorrent jitlob l-annullament tad-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jiċħad bħala manifestament inammissibbli r-rikors li bih talab l-annullament, minn naħa tar-rapport dwar l-iżvilupp tal-karriera tiegħu għas-sena 2004 u, min-naħa l-oħra d-deċiżjoni ta' l-Awtorità tal-Ħatra li tiċħad l-ilment tiegħu mressaq kontra dan ir-rapport dwar l-iżvilupp tal-karriera.

In sostenn ta' l-appell tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1) u (3) ta' l-Anness I għall-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ksur ta' l-Artikolu 20 ta' l-imsemmi Statut, kif ukoll l-irregolarità tal-proċedura li hija ta' preġudizzja għall-interessi tar-rikorrent. Huwa jsostni li r-rikors għall-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, applikabbli mutatis mutandis għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li fuq il-bażi tiegħu ngħata d-digriet ikkontestat ma setax iseħħ wara żewġ skambji ta' noti u osservazzjonijiet, jiġifieri meta kellha tiġi applikata l-proċedura ordinarja. Skond ir-rikorrent, f'dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma setax jiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà qabel il-proċedura orali.

It-tieni motiv, invokat sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza u l-irregolarità ta' proċedura li rriżultat minn dan. Fl-opinjoni tar-rikorrent, id-digriet ikkontestat ma setax jingħata fuq il-bażi ta' din id-dispożizzjoni mingħajr ma tiġi segwita l-proċedura u b'mod partikolari mingħajr l-fażi orali, peress li l-Avukat Ġenerali ma kienx instema' u peress li l-inammissibbiltà invokata ma kinitx manifesta.

It-tielet motiv, invokat ukoll sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-kuntradittorju peress li it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku allegatament iddeċieda, b'mod impliċitu, li wieħed mill-annessi mehmuża mal-kontroreplika kienet prova ta' l-inammissibbiltà tal-proċedura in kwistjoni, qabel ma r-rikorrent kellu l-possibbiltà li jispjega ruħu dwar dan id-dokument.