25.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 199/17


Appell imressaq fit-22 ta' Mejju 2007 minn Carsten Brinkmann kontra s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (Il-Ħames Awla) tat-22 ta' Marzu 2007 fil-Kawża T-322/05, Carsten Brinkmann vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

(Kawża C-243/07 P)

(2007/C 199/27)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Carsten Brinkmann (rappreżentant: K. Van Bebber, avukat)

Il-partijiet l-oħra fil-kawża:

1.

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

2.

Terra Networks, S.A.

Talbiet ta' l-appellant

tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Marzu 2007, Kawża T-322/05;

tannulla d-deċiżjoni ta' l-UASI tad-29 ta' Ottubru 2004, Nru 3646/2004;

tikkudanna l-UASI jbati l-ispejjeż għall-proċeduri quddiem l-organi ta' l-UASI kif ukoll għall-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja.

Motivi u argumenti prinċipali

L-appell ta' l-appellanti kontra s-sentenza, iċċitata iktar 'il fuq, tal-Qorti tal-Prim'Istanza huwa bbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja. B'mod partikolari, skond evalwazzjoni korretta, m'hemm ebda probabbiltà ta' konfużjoni fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-regolament bejn iż-żewġ trade marks konfliġġenti f'din il-kawża.

L-ewwel nett, mhuwiex veru li l-oġġetti u s-servizzi koperti mit-trade mark li qed tintalab ir-reġistrazzjoni tagħha u dawk koperti mit-trade mark opponenti huma totalment identiċi.

It-tieni nett, il-pubbliku kkonċernat mhuwiex magħmul minn konsumaturi medji Ġermaniżi, iżda minn professjonisti, b'mod partikolari minn esperti fis-settur bankarju, minn proprjetarji ta' beni immobbli eċċ.

It-tielet nett, il-karattru distintiv ta' l-element “terra” fit-trade mark ta' l-opponent huwa limitat ħafna. Il-Qorti tal-Prim'Istanza assolutament ma kkunsidratx punt bħal dan bħala deċiżiv: bl-ebda mod ma ħadet in kunsiderazzjoni l-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata. Dan huwa però rilevanti, għaliex jekk il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huwa limitat ħafna, ikollu jiġi negat li jkun hemm probabbiltà ta' konfużjoni meta, normalment, din għandha tiġi rikonoxxuta. Iktar ma jkun limitat il-karattru distintiv ta' sinjal, u iktar ikun limitat l-ambitu ta' protezzjoni tat-trade mark. Fir-rigward ta' trade marks b'karattru distintiv dgħajjef lanqas konfużjoni effettiva (anki għolja) ma tista' tkun ta' bażi għal konfużjoni ġuridikament rilevanti.

Ir-raba' nett, fir-rigward tal-ħtieġa ta' xebh bejn is-sinjali, huwa rilevanti x-xebh viżiv, fonetiku jew konċettwali, fejn f'kull każ il-bażi għandha tkun l-impressjoni kumplessiva, iżda għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi jew dominanti. It-trade mark ikkontestata hija trade mark figurattiva magħmula mill-kelma “terra” u minn element ieħor figurattiv kważi indaqs għall-element denominattiv. Il-fatt biss li t-trade mark ikkontestata ma fiha l-ebda element figurattiv juri li, minn paragun ġenerali bejn it-trade marks, jidhru differenzi ċari. Barra minn dan, anki jekk wieħed jassumi li l-element denominattiv “terra” jiddomina t-trade mark opponenti, m'hemmx xebh rilevanti għall-finijiet tad-dritt dwar it-trade marks. Għandu jingħad li fl-isem kapriċċuż “Terranus” il-kunċett ta' “Terra” (art), li konċettwalment huwa magħruf sew mill-pubbliku, huwa fil-fatt inkluż kompletament. Barra minn hekk, is-sinjal “terra”, fih innifsu, m'għandu ebda funzjoni distintiva fit-trade mark aktar riċenti. Minbarra dan, il-pubbliku huwa imdorri għall-fatt li kunċetti, li huma konnessi ma' oriġini verbali partikolari, jistgħu, wara varjazzjoni jieħdu tifsira kompletament differenti u b'hekk, ma jibqgħalhom ebda rabta mal-kunċett inizjali.