7.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 184/9


PROGRAMM KULTURA (2007–2013)

SEJĦA GĦAL PROPOSTI — EACEA/25/07

Appoġġ għal azzjonijiet kulturali: traduzzjoni litterarja (kapitolu 1.2.2)

(2007/C 184/06)

1.   Bażi legali

Din is-sejħa għal proposti hija bbażata fuq id-deċiżjoni Nru 1855/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-Programm Kultura (2007 sa 2013) (1) (aktar 'il quddiem imsejjaħ “il-Programm”).

2.   Objettivi u deskrizzjoni

Il-Programm hu parti mill-impenn kontinwu ta' l-Unjoni Ewropea biex tkattar l-ispazju kulturali komuni fost l-Ewropej u huwa bbażat fuq wirt kulturali komuni permezz ta' l-iżvilupp ta' kooperazzjoni kulturali bejn dawk li joħolqu l-kultura, dawk li jieħdu sehem fiha u l-istituzzjonijiet kulturali tal-pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-Programm. Dan qed isir bil-għan li tiġi mħeġġa l-feġġa taċ-ċittadinanza Ewropea.

Il-programm jinkludi fih il-qasam kulturali kollu u għandu l-għan li jistimula sinerġiji li jwasslu għal kooperazzjoni kulturali sostennibbli fuq livell Ewropew, billi jippromwovi l-mobilità transnazzjonali ta' persuni li jaħdmu fil-qasam kulturali, iċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali ta' xogħlijiet u prodotti artistiċi u kulturali u djalogu interkulturali.

3.   Għan ta' din is-sejħa għal proposti

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Programm, din is-sejħa għal proposti timmira li taġġudika għotjiet Komunitarji, wara żewġ proċessi ta' għażla (2), għal proġetti ta' Traduzzjoni Litterarja.

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (minn issa 'l quddiem imsejħa 'l-Aġenzija Eżekuttiva') hi responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din is-sejħa għall-proposti.

4.   Baġit disponibbli u tul tal-proġett

4.1   Baġit

Il-baġit totali allokat għal din is-sejħa għall-proposti huwa ta' madwar 1,7 miljun EUR.

L-iffinanzjar komunitrju ma għandux ikun inqas minn 2 000 EUR u ma għandux jaqbeż is-60 000 EUR. Għandu jkopri l-ispejjeż tat-traduzzjoni diment li dawn l-ispejjeż ma jirrappreżentawx aktar minn 50 % ta' l-ispejjeż operattivi totali.

L-Aġenzija tirriserva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

4.2   Tul tal-Proġett

It-tul massimu ta' proġett ta' traduzzjoni litterarja huwa ta' 18-il xahar (tmintax).

5.   Kriterji ta' eliġibbiltà u kriterji ta' l-għażla

Applikanti eliġibbli jridu jkunu stamperiji pubbliċi jew privati jew grupp ta' stampaturi li l-uffiċċju reġistrat tagħhom huwa stabbilit legalment f'wieħed mill-pajjiżi li jkun qiegħed jipparteċipa fil-Programm (3).

Persuni naturali m'humiex eliġibbli biex japplikaw għall-għotja.

L-applikanti għandhom juru l-kapaċità operattiva u finanzjarja biex iwettqu l-proġett sat-tmiem tiegħu u għandhom jipprovdu evidenza ta' sorsi stabbli u suffiċjenti ta' fondi kif ukoll evidenza tal-kompetenzi professjonali, kwalifiki u esperjenza biex iżommu l-attività tagħhom għall-perjodu kollu li matulu jkun qiegħed isir il-proġett.

Xogħlijiet eleġibbli huma xogħlijiet fittizji irrispettivament mill-istil litterarju tagħhom (novelli, ħrejjef, stejjer qosra, reċti teatrali, poeżiji, komiks, eċċ.);

Awturi eliġibbli huma awturi li huma ċittadini jew residenti ta' pajjiż li jkun qiegħed jipparteċipa fil-Programm;

Lingwi eliġibbli huma l-lingwi uffiċjali (4) tal-pajjiżi li jkunu qegħdin jipparteċipaw fil-Programm u lingwi antiki, bħal-Latin u l-Grieg antik.

Il-perjodu ta' eliġibbiltà għandu jibda qabel it-30 ta' Ġunju 2008, u għandu jintemm sal-31 ta' Diċembru 2009, għall-proċedura ta' l-ewwel għażla.

Il-perjodu ta' eleġibbiltà għandu jibda qabel il-31 ta' Diċembru 2008 u għandu jintemm sat-30 ta' Ġunju 2010 għall-proċedura tat-tieni għażla.

6.   Kriterji ta' l-aġġudikazzjoni

L-aġġudikazzjoni ta' għotja ma tiddependix biss fuq l-analiżi tal-kriterji ta' eliġibbiltà, ta' l-esklużjoni u ta' l-għażla. Id-deċiżjoni hija stabbilita fuq il-bażi tal-kriterji ta' l-aġġudikazzjoni.

Il-kriterji ta' l-aġġudijkazzjoni jistgħu jkunu deskritti kif ġej:

kemm il-proġett jista' tassew jiġġenera valur miżjud Ewropew;

ir-relevanza ta' l-attivitajiet għall-objettivi speċifiċi tal-Programm;

kemm l-attivitajiet proposti huma mfasslin u jistgħu jitwettqu b'suċċess b'livell għoli ta' eċċellenza;

kemm l-attivitajiet jistgħu jipproduċu riżultati li jilħqu l-objettivi tal-Programm;

kemm ir-riżultati ta' l-attivitajiet proposti jistgħu jiġu komunikati u promossi b'mod xieraq.

7.   Data ta' għeluq għas-sottomissjoni ta' applikazzjonijiet

L-Ewwel Għażla:

 

1 ta' Ottubru 2007 (data bħala timbru postali jew timbru tas-servizz tal-courier)

It-Tieni Għażla:

 

1 ta' April 2008 (data bħala timbru postali jew timbru tas-servizz tal-courier)

8.   Iktar informazzjoni

L-ispeċifikazzjonijiet relatati ma' din is-sejħa għall-proposti EACEA/25/07 huma parti integrali tas-sejħa għall-proposti. L-applikazzjonijiet għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet u għandhom jiġu sottomessi billi jintużaw il-formoli ta' l-applikazzjoni provduti għal dan il-għan.

L-ispeċifikazzjonijiet, il-pakkett ta' l-applikazzjoni u l-formoli kollha rilevanti huma disponibbli fuq il-websajt ta' l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura:

http://eacea.ec.europa.eu/


(1)  ĠU L 372, 27.12.2006, p. 1.

(2)  Ara Sezzjoni 7 — Dati ta' għeluq għas-sottomissjoni.

(3)  Is-27 Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea, iż-ŻEE, il-pajjiżi kandidati l-Kroazja, it-Turkija u l-FYROM soġġetti għall-konklużjoni ta' Memorandum ta' Ftehim dwar il-parteċipazzjoni ta' kull wieħed minn dawn il-pajjiżi fil-Programm Kultura ġdid fl-2007 u l-pajjiżi tal-Balkani fil-Punent (l-Albanija, l-Bożnija-Ħerżegovina, il-Montenegro u s-Serbja inkluż il-Kosovo (taħt ir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti), soġġetti għall-konklużjoni ta' Memorandum ta' Ftehim dwar il-parteċipazzjoni ta' kull wieħed minn dawn il-pajjiżi fil-Programm.

(4)  Kif definit bil-Kostituzzjoni jew bil-liġijiet bażiċi tal-pajjiż rispettiv.