4.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 183/27


Rikors imressaq fit-18 ta' Ġunju 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-293/07)

(2007/C 183/47)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Parti Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Konstantinidis u D. Recchia)

Parti Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet tal-parti rikorrenti

tirrikonoxxi li, meta ma adottatx il-miżuri kollha sabiex tistabbilixxi u tapplika sistema legali koerenti, speċifika u sħiħa, li tista' tassigura ġestjoni vijabbli u protezzjoni effettiva taż-żoni magħżula bħala żoni ta' protezzjoni speċjali, fil-kuntest ta' l-għanijiet ta' preservazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979, dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi (1), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 4(1) u (2) ta' din id-Direttiva, li tinqara flimkien ma' l-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 4(4) tagħha, kif emendata mill-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni ta' l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa;

tordna lir-Repubblika Ellenika tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Filwaqt li tibbaża ruħha fuq numru kbir ta' ilmenti, mistoqsijiet parlamentari u petizzjonijiet, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubbika Ellenika ma tapplikax b'mod korrett id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 79/409/KEE li tipprovdi l-adozzjoni ta' miżuri biex jiġi ppreżervat u evitat it-tniġġis jew id-deterjorazzjoni tal-ħabitat ta' l-għasafar selvaġġi.

Skond il-Kommissjoni, il-ksur tad-Direttiva jikkonsisti fin-nuqqas ta' protezzjoni taż-żoni ta' protezzjoni speċjali (ŻPS) iżda wkoll fl-eżistenza ta' attivitajiet li jistgħu jheddu l-integrità taż-ŻPS u li iwasslu għal konsegwenzi negattivi fuq l-għanijiet ta' preservazzjoni taż-ŻPS u ta' l-ispeċi li għalihom dawn iż-żoni ġew stabbiliti.

L-argument ta' l-awtoritajiet Ellenici skond liema l-qafas leġiżlattiv eżistenti jiżgura b'manjiera sodisfaċenti l-protezzjoni ta' l-ispeċi kollha ta' għasafar selvaġġi u tal-ħabitat rispettivi tagħhom, huwa miċħud mill-Kummissjoni li tallega li l-imsemmi qafas ma jikkostitwixxix qafas speċifiku u effettiv għall-protezzjoni taż-ŻPS kollha.


(1)  ĠU L 103 tal-25 ta' April 1979, p. 1.