4.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 183/23


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial ta' Barcelona (Spanja) fl-31 ta' Mejju 2007 — Pedro IV Servicios S.L. vs Total España S.A.

(Kawża C-260/07)

(2007/C 183/40)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Provincial ta' Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Pedro IV Servicios S.L.

Konvenuta: Total Espana S.A.

Domandi preliminari

Meta l-Artikolu 12(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1984/83 (1) jipprovdi li, “b'deroga għall-paragrafu 1(c), jekk il-ftehim jirrigwarda stazzjon tal-petrol li l-fornitur kien kera jew ta l-użu ta'dritt jew ta' fatt lill-bejjiegħ mill-ġdid, l-obbligi ta' xiri esklużiv u l-projbizzjoni ta' kompetizzjoni previsti minn dan it-titolu jistgħu jiġu imposti fuq il-bejjiegħ mill-ġdid għall-perijodu kollu li fih huwa effettivament jiġġestixxi l-pompa tal-petrol”, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tirreferi għal każ li fih il-fornitur/min jikri inizjalment huwa s-sid ta' l-art u ta' l-installazzjonijiet, jew, bil-kontra, fis-sens li r-referenza għall-kiri ta' l-istazzjon tal-petrol tapplika għal dawk it-titoli kollha li legalment jagħtu lill-fornitur drittijiet biss fuq l-istazzjon tal-petrol, fejn dan ikun jista' jikriha lill-istess sid ta' l-art mingħajr ma jkollu josserva l-limiti ta' żmien li l-leġiżlazzjoni tipprovdi għal ftehim ta' xiri esklużiv?

Jekk, fil-każ in eżami japplika r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790 (2) tat-22 ta' Diċembru 1999, meta l-Artikolu 5 jipprovdi li l-eżenzjoni mhijiex applikabbli jekk il-ftehim ta' xiri esklużiv huwa għal aktar minn ħames snin, anke jekk “il-limitu ta' żmien (…) m'għandux japplika fejn l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt inbiegħu mill-bejjiegħ minn bini u art li huma l-propjetà tal-fornitur jew imwellija [mikrija] lill-fornitur minn partijiet terzi li m'humiex konnessi max-xerrej, sakemm id-dewmien ta' l-obbligu li ma jikkompetix ma jaqbiżx il-perjodu ta' okkupazzjoni tal-bini u art mix-xerrrej”, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta tirreferi għall-kirja, din tirreferi għall-każ li fih il-fornitur li jikri huwa inizjalment sid ta' l-art u ta' l-installazzjonijiet jew, bil-kontra, jekk ir-referenza għall-kiri ta' l-istazzjon tal-petrol tapplika għal dawk it-titoli kollha li legalment jagħtu lill-fornitur drittijiet biss fuq l-istazzjoni tal-petrol, fejn dan ikun jista' jikriha lill-istess sid ta' l-art mingħajr ma jkollu josserva l-limiti ta' żmien li l-leġiżlazzjoni tipprovdi għal fethim ta' xiri esklużiv?

Jekk, fil-każ fejn l-Artikolu 81(1)(a) KE jipprovdi l-projbizzjoni li jiġu ffissati indirettament il-prezzijiet ta' xiri jew ta' bejgħ, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1984/83, fit-tmien premessa, jipprovdi li “dispożizzjonijiet oħra li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, u b'mod partikolari dawk li jillimitaw il-libertà tal-bejjigħ mill-ġdid li jistabbilixxi l-prezzijiet tiegħu jew kundizzjonijiet oħra ta' bejgħ mill-ġdid jew li jagħżel il-klijenti tiegħu, ma jistgħx jiġi eżentati minn dan ir-Regolament”, minħabba li l-fissazzjoni tal-prezz ta' bejgħ mill-ġdid ma jidhirx fost ir-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni l-oħra li huma awtorizzati skond l-Artikolu 11 ta' l-istess Regolament, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jinkludu kwalunkwe tip ta' limitazzjoni tal-libertà tal-bejjiegħ mill-ġdid li jistabbilixxi l-prezz ta' bejgħ lill-pubbliku bħal, per eżempju, iċ-ċirkustanza li l-fornitur jiffissa l-marġni ta' distribuzzjoni ta' l-operatur ta' l-istazzjoni tal-petrol, billi jistabbilixxi l-prezz tal-karburanti li jipprovdi lill-bejjiegħ mill-ġdid b'kundizzjonijiet aktar vantaġġużi stabbiliti ma' stazzjonijiet tal-petrol oħra il jistgħu jistabbilixxu ruħhom f'Barcellona, mingħajr ma dan il-prezz ikun bl-ebda mod għola mill-prezz medju ffissat minn fornituri rilevanti oħra fis-suq, filwaqt li jiżdied bil-marġni minimu li huwa kkunsidrat xieraq u billi b'dan il-mod jikseb il-[prezz ta' bejgħ lill-pubbliku], li l-fornitur ma jimponix espliċitatament, iżda li jirrakkomanda l-applikazzjoni tiegħu?

Jekk, fil-każ fejn l-Artikolu 81(1)(a) KE jipprovdi l-projbizzjoni li jiġu ffissati indirettament il-prezzijiet ta' xiri jew ta' bejgħ, u l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament [tal-Kummissjoni] KE Nru 2790 tat-22 ta' Diċembru 1999 jinkludi, fost ir-restrizzjonijiet li jkollhom effetti antikompetittivi serji, l-impożizzjoni tal-prezz ta' bejgħ mill-ġdid, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jinkludu kwalunkwe tip ta' limitazzjoni tal-libertà tal-bejjiegħ mill-ġdid li jistabbilixxi l-prezz ta' bejgħ lill-pubbliku bħal, per eżempju, iċ-ċirkustanza li l-fornitur jiffissa l-marġni ta' distribuzzjoni ta' l-operatur ta' l-istazzjoni tal-petrol, billi jistabbilixxi l-prezz tal-karburanti li jipprovdi lill-bejjiegħ mill-ġdid b'kundizzjonijiet aktar vantaġġużi stabbiliti ma' stazzjonijiet tal-petrol oħra il jistgħu jistabbilixxu ruħhom f'Barcellona, mingħajr ma dan il-prezz ikun bl-ebda mod għola mill-prezz medju ffissat minn fornituri rilevanti oħra fuq is-suq, filwaqt li jiżdied bil-marġni minimu li huwa kkunsidrat xieraq u billi b'dan il-mod jikseb il-[prezz ta' bejgħ lill-pubbliku], li l-fornitur ma jimponix espliċitatament, iżda li jirrakkomanda l-applikazzjoni tiegħu?

Din il-proċedura hija sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq id-domandi preliminari.


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1984/83, tat-22 ta' Ġunju 1983, dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim ta' xiri esklużiv (ĠU L 173, p. 5).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim vertikali u prattiċi miftehma (ĠU L 336, p. 21).