7.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 155/10


Rikors imressaq fil-11 ta' April 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju ta' Spanja

(Kawża C-196/07)

(2007/C 155/18)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej (rappreżentanti: V. Di Bucci u E. Gippini Fournier, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta' Spanja

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li, peress illi r-Renju ta' Spanja ma neħħiex mingħajr dewmien serje ta' kundizzjonijiet imposti mid-deċiżjoni tal-Comisión Nacional de la Energía (Kummissjoni nazzjonali għall-enerġija; iktar 'il quddiem “KNE”) (kundizzjonijiet 1-6, 8 u 17) ikkunsidrati inkompatibbli mad-dritt Komunitarju skond l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006)4279 finali tas-26 ta' Settembru 2006 (każ COMP/M.4197 — E.ON/Endesa), u billi ma neħħiex, sad-19 ta' Jannar 2007, dawn il-kundizzjonijiet imposti mid-deċiżjoni tal-Ministru (kundizzjonijiet emendati 1, 10, 11 u 15), ikkunsidrati inkompatibbli mad-dritt Komunitarju skond l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006)7039 finali ta' l-20 ta' Diċembru 2006 (każ COMP/M.4197 — E.ON/Endesa), naqas mill-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 2 taż-żewġ deċiżjonijiet.

tikkundanna lir-Renju ta' Spanja jbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-awtoritajiet Spanjoli ma neħħewx dawn il-kundizzjonijiet imposti mid-deċiżjoni tal-KNE (kundizzjoni 1-6, 8 u 17), ikkunsidrati inkompatibbli mad-dritt Komunitarju skond l-Artikolu 1 ta' l-ewwel Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2006, u lanqas il-kundizzjonijiet emendati imposti mid-deċiżjoni tal-Ministru (kundizzjonijiet emendati 1, 10, 11 u 15), ikkunsidrati inkompatibbli mad-dritt Komunitarju skond l-Artikolu 1 tat-tieni Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-20 ta' Diċembru 2006.

L-ewwel deċiżjoni kienet timponi fuq ir-Renju ta' Spanja l-obbligu li jneħħi “mingħajr dewmien” il-kundizzjonijiet in kwistjoni. Sat-tmiem tat-terminu indikat mill-Kummissjoni sabiex jikkonforma ruħu ma' l-opinjoni motivata kienu għaddew kważi sitt xhur min-notifika ta' l-ewwel deċiżjoni, li jindika b'mod ċar li r-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu “mingħajr dewmien” skond l-Artikolu 2.

It-terminu tad-19 ta' Jannar 2007 sabiex jieħu l-miżuri necessari skond it-tieni deċiżjoni tal-Kummissjoni skada mingħajr mar-Renju ta' Spanja neħħa l-kundizzjonijiet iddikjarati inkompatibbli mad-dritt Komunitarju mill-istess deċiżjoni.

Dan jindika li r-Renju ta' Spanja naqas mill-obbligi tiegħu li jirriżultaw rispettivament mill-Artikolu 2 ta' l-ewwel Deċiżjoni tal-Kummissjoni u mill-Artikolu 2 tat-tieni Deċiżjoni tal-Kummissjoni.