23.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 140/9


Rikors imressaq fit-23 ta' Marzu 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika ta' l-Awstrija

(Kawża C-161/07)

(2007/C 140/16)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: E. Traversa u G. Braun, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika ta' l-Awstrija

Talbiet tal-parti rikorrenti

tikkonstata li r-Repubblika ta' l-Awstrija naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE, billi imponiet, għat-tniżżil fir-reġistri tal-kummerċ ta' kumpanniji, fuq talba ta' ċittadini ta' l-Istati Membri l-ġodda ta' l-Unjoni Europea — b'eċċezzjoni għal Malta u Ċipru –, li tiġi aċċertata mid-Dipartiment ta' l-Impjieg l-istatus ta' ħaddiem għal rasu għas-suq tax-xogħol jew il-preżentazzjoni ta' ċertifikat ta' eżenzjoni, fejn, sabiex tiġi aċċertata l-kwalità ta' ħaddiem għal rasu ta' l-azzjonijisti ta' kumpannija kif ukoll ta' l-azzjonisti b'minoranza ta' kumpannija b'responsabbiltà limitata li jipprovdu lill-kumpannija servizzi karatteristiċi għal relazzjoni ta' impjieg, huwa neċessarju li titwettaq proċedura ta' verifika, ta' mhux iktar minn tliet xhur, li matulha l-attività indipendenti ma tkunx tista titwettaq;

tikkundanna lir-Repubblika ta' l-Awstrija tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-Artikolu 43(1) KE jiggarantixxi lil kull ċittadin ta' Stat Membru d-dritt ta' istabbiliment fi Stat Membru ieħor sabiex jibda u jeżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa, kif ukoll id-dritt li hemm jikkostitwixxi u jmexxi impriżi. L-Artikolu 43 KE, li jikkostitwixxi l-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni stabbilita mill-Artikolu 12 KE, jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza fi ħdan l-attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa. Il-prinċipju tat-trattament ugwali maċ-ċittadini nazzjonali huwa stabbilit mill-Artikolu 43(2) KE, li jgħid li l-libertà ta' stabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa ta' kull tip, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b'mod partikolari kumpanniji fit-territorju nazzjonali ta' kull Stat Membru ieħor, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Istat ospitanti applikabbli għaċ-ċittadini tiegħu stess.

Għall-finijiet tat-tniżżil fir-reġistri tal-kummerċ ta' kumpannija stabbilita skond id-dritt Awstrijaku fuq talba ta' ċittadin ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea li sar membru fl-1 ta' Mejju 2004 — ħlief għal Malta u Ċipru — id-dipartiment Awstrijaku kompetenti jitlob ċertifikat ta' l-istatus ta' ħaddiem għal rasu. Sabiex ikun hemm distinzjoni bejn xogħol għal rasu u imġjegat irid isir riferiment għall-“kontenut ekonomiku effettiv ta' l-attività”. Skond il-liġi Awstrijaka, l-azzjonisti ta' kumpannija jiġifieri l-azzjonijisti ta' kumpannija b'responsabbiltà limitata li għandhom kwota ta' inqas minn 25 % li jaħdmu f'isem il-kumpannija, attività li tipikament jirriflettu rapport ta' xogħol b'salarju, jitqiesu li huma ħaddiema impjegati. Din il-preżunzjoni tibqa' valida sakemm id-Dipartiment reġjonali ta' l-Impjieg kompetenti ma jaċċertax, fuq talba ta' l-azzjonist, il-parteċipazzjoni effettiva tiegħu fit-tmexxija tal-kumpannija. L-oneru li jintwera l-istatus ta' ħaddiem għal rasu jaqa' fuq l-applikant. Sakemm jiġi aċċertat l-istatus tal-ħaddiem għal rasu, li jsir permezz ta' digriet, għal perijodu li ma jaqbiżx tliet xhur, il-persuna kkonċernata ma tistax twettaq attività ta' xogħol.

Din id-dispożizzjoni mhijiex kompatibbli mal-libertà ta' stabbiliment stabbilita mill-Artikolu 43 KE. Din id-dispożizzjoni tostakola lill-ħaddiema għal rashom ta' l-imsemmija tmien Stati Membri l-ġodda li jeżerċitaw il-libertà tagħhom li jistabbilixxu ruħhom fl-Awstrija, billi jirrendu ħafna iktar diffiċli t-twaqqif ta' kumpannija, mingħajr ma jkun hemm f'dan ir-rigward ġustifikazzjoni xierqa. Anki jekk id-dispożizzjoni kkontestata jkollha kamp ta' applikazzjoni limitat, dan ma jneħħix in-natura diskriminatorja tal-liġi. Anki jekk iċ-ċittadini ta' dawn it-tmien Stati Membri mhumiex dejjem u mingħajr eċċezzjoni obbligati li jippreżentaw talba, dak li jimporta huwa l-fatt li ċ-ċittadini Awstrijaċi u ċ-ċittadini ta' l-Istati Membri l-oħra qatt m'għandhom jagħmlu jirrikorru għal din il-proċedura. Barra minn dan, id-dispożizzjonijiet tranżitorji tat-trattati ta' adeżjoni jipprevedu restrizzjonijiet biss f'dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema. Min-naħa l-oħra, f'dak li jirrigwarda l-libertà ta' stabbiliment, mhemmx possibilitajiet ta' restrizzjonijiet analogi. Iċ-ċirkustanza li din il-miżura hija intiża, fid-dawl tar-ratio legis tagħha, li tiġi evitata l-evażjoni mill-miżuri transitorji dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, mingħajr ma tkun intiża biex toħloq restrizzjonijiet għal-libertà ta' stabbiliment, xejn ma jneħħi mill-fatt li, fl-aħħar mill-aħħar, l-istess miżura tikkostitwixxi ostaklu għal-libertà ta' stabbiliment.

Skond l-Artikolu 46 KE, restrizzjonijiet għal-libertà ta' stabbiliment jistgħu jiġu adottati biss għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, sigurtà pubblika u saħħa pubblika kif ukoll raġunijiet oħra ta' interess ġenerali, dejjem jekk dan ma jirrigwardax miżuri manifestament diskriminatorji. Miżuri ta' dan it-tip, li jimponu restrizzjonijiet fuq libertà fundamentali, għandhom f'kull każ ikunu xierqa għal ksib ta' l-għan imfittex u m'għandhomx imorru lil hinn minn dak li hemm bżonn għal dan il-għan. Il-miżura Awstrijaka kkontestata f'din il-kawża ma tissodsifawx dawn il-ħtiġijiet.

Fil-fatt mhemm l-ebda indizju li minnu jirriżulta li l-evażjoni mill-miżuri tranżitorji, li minnha beża' l-Gvern Awstijaku, minn naħa taċ-ċittadini ta' l-imsemmija tmien Stati Membri, tista' tilħaq daqs tali li effettivament jippreġudika l-iffunzjonar tas-suq tax-xogħol Awstrijaku. Barra minn dan, iż-żewġ kriterji applikati għall-evalwazzjoni tan-natura ta' l-attività — natura tas-servizz u l-parteċipazzjoni fit-tmexxija tal-kumpannija — mhumiex l-iktar xierqa sabiex tiddistingwi xogħol b'salarju minn xogħol għal rasu. F'dak li jirrigwarda l-bżonn tar-restrizzjoni li dan jirrigwarda, minn dak li stqarr il-Gvern Awstrijaku ma tirriżultax ir-raġuni għalfejn kontroll a posteriori, wara t-tniżżil tal-kumpannija, intiż bħala miżura anqas restrittiva, ma jistax ukoll jiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex.