13.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 131/12


SEJĦA GĦAL PROPOSTI — Parteċipazzjoni elettronika 2007/1

(2007/C 131/08)

1.   L-għanijiet u d-deskrizzjoni

Parteċipazzjoni elettronika hija azzjoni ta' tħejjija li tipprova tħaddem il-benefiċċji ta' l-użu tat-Teknoloġiji ta' l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) biex itejbu l-proċessi leġiżlattivi u tat-teħid ta' deċiżjonijiet u biex tqawwi l-parteċipazzjoni pubblika f'dawn il-proċessi f'kull livell tad-deċiżjonijiet governattivi.

Skond il-Programm ta' Ħidma dwar il-Parteċipazzjoni Elettronika ta' l-2007, il-Kummissjoni b'dan tistieden il-konsorzji jressqu l-proposti.

2.   L-eliġibilità tal-konsorzji

Is-sejħa għal proposti hija miftuħa għal entitajiet ġuridiċi mis-27 Stat Membru ta' l-UE.

L-għadd minimu ta' parteċipanti fi proposta huwa ta' tliet entitajiet ġuridiċi indipendenti, minn talanqas żewġ Stati Membri differenti.

3.   L-evalwazzjoni u l-għażla

Il-proposti mressqa jiġu evalwati mill-Kummissjoni bl-għajnuna ta' esperti indipendenti. Il-kriterji użati għall-evalwazzjoni huma ddefiniti fil-Programm ta' Ħidma tal-Parteċipazzjoni Elettronika. Il-proposti li jgħaddu mill-evalwazzjoni jiġu kklasifikati f'ordni skond il-kwalità.

Il-proċess ta' evalwazzjoni ta' l-applikazzjonijiet għall-għoti ta' fondi mill-Kummissjoni huwa stipulat fir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Baġit Ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1).

4.   L-appoġġ Komunitarju

Il-fondi Komunitarji mhux sejrin jaqbżu l-75 % ta' l-infiq eliġibbli ta' kull sieħeb.

F'kull każ, il-finanzjament tal-Komunità ma għandux ikollu l-effett li joħloq profitt għall-benefiċjarju.

5.   Il-baġit għas-sejħa

Il-baġit totali għal din is-sejħa għal proposti hu ta' 4,7 miljun EUR.

6.   Id-data ta' l-għeluq u l-indirizz għat-tressiq tal-proposti

Id-data ta' l-għeluq għall-wasla tal-proposti għand il-Kummissjoni hija t-13 ta' Settembru fil-17:00 (ħin lokali ta' Brussell).

Il-proposti mressqa wara din id-data ta' l-għeluq mhux se jiġu aċċettati għall-evalwazzjoni.

Meta proposta tkun tressqet aktar minn darba, il-Kummissjoni teżamina l-aħħar verżjoni li tasal qabel id-data ta' l-għeluq.

Il-proposti għandhom jintbagħtu lil:

Il-Kummissjoni Ewropea — DG INFSO

Għall-attenzjoni ta' Mr Thanassis Chrissafis

BU31 07/17

B-1049 Brussell

7.   L-iskeda taż-żmien

Il-Kummissjoni beħsiebha tinforma lill-proponenti bir-riżultat ta' l-evalwazzjoni u l-proċess ta' l-għażla fi żmien tliet xhur mid-data ta' l-għeluq għat-tressiq tal-proposti u tiffinalizza n-negozjati mal-proponenti magħżula fi żmien erba' xhur mid-data ta' l-għeluq għall-proposti. L-eżekuzzjoni tal-proġetti għandha tibda wara l-finalizzazzjoni tan-negozjati.

8.   Informazzjoni addizzjonali

Il-Gwida tal-Parteċipazzjoni elettronika għall-proponenti 2007 tagħti informazzjoni ddettaljata dwar kif għandhom jitħejjew u jitressqu l-proposti. Dan id-dokument, flimkien mal-Programm ta' Ħidma tal-Parteċipazzjoni elettronika għall-2006 u kull informazzjoni oħra relatata ma' din is-sejħa u l-proċess ta' l-evalwazzjoni jistgħu jitniżżlu mis-sit li ġej:

http://europa.eu.int/information_society/activities/egovernment_research/eparticipation/index_en.htm

Kull korrispondenza relatata ma' din is-sejħa għandha tikkwota l-identifikazzjoni tas-sejħa Parteċipazzjoni elettronika 2007/1.

Kull proposta milqugħa se tiġi ttrattata b'kunfidenzjalità stretta.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1). Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).