9.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 129/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fit-3 ta' April 2007 — Commune de Mesquer vs Total France SA, Total International Ltd

(Kawża C-188/07)

(2007/C 129/16)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Commune de Mesquer.

Konvenuta: Total France SA, li qabel kien jisimha Total raffinage distribution, Total International Ltd.

Domandi preliminari

1)

Il-karburant residwu (żejt tqil), prodott li jinkiseb minn proċess ta' raffinar, li huwa konformi ma' l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-utent, intiż mill-produttur sabiex jinbiegħ bħala karburant u msemmi fid-Direttiva 68/414/KEE, ta' l-20 ta' Diċembru 1968 (1), li ġiet emendata mid-Direttiva 98/93/KE, ta' l-14 ta' Diċembru 1998 (2), dwar ir-riżorsi strateġiċi li fir-rigward tagħhom huwa impost obbligu ta' ħażna, jista' jiġi kkwalifikat bħala skart fis-sens ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 (3), kif emendata mid-Direttiva 91/156/KEE tat-18 ta' Marzu 1991 (4) u kkodifikata permezz tad-Direttiva 2006/12/KE (5)?

2)

Tagħbija ta' karburant residwu (żejt tqil), trasportata minn bastiment u mormija fil-baħar b'mod aċċidentali, tikkostitwixxi minnha nnifisha, jew minħabba l-fatt tat-taħlit tagħha ma' l-ilma u ma' xi sedimenti, skart fis-sens tal-kategorija Q 4 ta' l-Anness I tad-Direttiva 2006/12/KE?

3)

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda u risposta pożittiva għat-tieni, il-produttur taż-żejt tqil (Total raffinage) u/jew il-bejjiegħ u nolleġġatur (Total international Ltd) jistgħu jiġu kkunsidrati, fis-sens ta' l-Artikolu 1(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/12/KE u għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 15 ta' l-istess direttiva, bħala produttur u/jew detentur ta' l-iskart meta, fil-mument meta seħħ l-inċident li ttrasforma dan iż-żejt fi skart, il-prodott kien qiegħed jinġarr minn terza persuna?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 68/414/KEE, ta' l-20 ta' Diċembru 1968, li timponi obbligu fuq l-Istati Membri tal-KEE li jżommu ħażniet minimi ta' prodotti taż-żejt mhux maħdum u/jew prodotti petroliferi (ĠU L 308, p. 14).

(2)  Direttiva tal-Kunsill 98/93/KE, ta' l-14 ta' Diċembru 1998, li temenda d-Direttiva 68/414/KEE li timponi obbligu fuq l-Istati Membri tal-KEE li jżommu ħażniet minimi ta' prodotti taż-żejt mhux maħdum u/jew prodotti petroliferi (ĠU L 358, p. 100).

(3)  Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta' Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39).

(4)  Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta' Marzu 1991, li temenda d-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart (ĠU L 78, p. 32).

(5)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/12/KE, tal-5 ta' April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9).