9.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 129/7


Appell imressaq fis-26 ta' Marzu 2007 minn Diy-Mar Insaat Sanayi ve Ticaret Ltd Sirketi u Musa Akar kontra s-sentenza mogħtija fis-17 ta' Jannar 2007 fil-Kawża T-129/06, Diy-Mar Insaat Sanayi ve Ticaret Ltd Sirketi u Musa Akar vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-163/07 P)

(2007/C 129/10)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Diy-Mar Insaat Sanayi ve Ticaret Ltd Sirketi u Musa Akar (rappreżentant: C. Şahin, Rechtsanwalt)

Parti oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-partijiet rikorrenti

Tannulla d-Digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-17 ta' Jannar 2007, kawża T-129/01 (1), li ġiet innotifikat lir-rikorrenti fis-26 ta' Jannar 2007, u d-Deċiżjoni kkontestata tal-konvenuta tat-23 ta' Diċembru 2001, Nru MK/KS/DELTUR/(2005)/SecE/D/1614;

sussidjarjament, tannulla f'dan is-sens id-Digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza msemmija fl-ewwel inċiż, u d-deċiżjoni kkontestata tal-konvenuta tat-23 ta' Diċembru 2005 Nru MK/KS/DELTUR/(2005)/SecE/D/1614 u tilqa' t-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza;

sussidjarjament ukoll, tannulla d-Digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza msemmija fl-ewwel inċiż, u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza;

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-argumenti tar-rikors tar-rikorrenti kontra d-Digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza huma s-segwenti.

Il-Qorti tal-Prim'Istanza mhijiex marbuta li tivverifika l-fatti tal-kawża li għandha pendenti quddiemha biss minħabba t-talbiet tal-partijiet, jew li tiddeċiedi biss abbażi tal-provi mressqa minnhom. B'mod kuntrarju, l-Artikolu 21 ta' l-Istatut jistabbilixxi li l-Imħallef Komunitarju għandu l-obbligu li jivverifika l-fatti u mhux biss jista', iżda huwa obbligat jaġixxi ex officio fejn dan ikun neċessarju.

Peress li fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma qalitx jekk fid-Deċiżjoni kkontestata tal-konvenuta kienx hemm informazzjoni regolari dwar il-mezzi ta' appell disponibbli u infurmat lir-rikorrenti bid-difett fil-forma wara xahar, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu, din kisret l-Artikolu 21 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 4 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha u d-dritt Komunitarju sostantiv fid-dawl tal-prinċipji ta' preżunzjoni ta' leġittimità ta' l-atti ġuridiċi u tat-teorija ta' l-apparenza. Fil-fatt, bħala konsegwenza ta' l-iżbalji partikolarment gravi u manifesti ta' l-atti ġuridiċi ta' l-amministrazzjoni, id-dritt Komunitarju jipprevedi n-nullità assoluta ta' l-att ġuridiku.

Li kieku ġew infurmati regolarment bil-mezzi ta' l-appell disponibbli, ir-rikorrenti kienu minnufih jinkarigaw lil avukat awtorizzat u kienu jappellaw fil-limiti tat-terminu stabbilit. L-argument tal-Qorti tal-Prim'Istanza li r-rikorrenti u l-avukati Torok tagħhom ma użawx id-diliġenza kollha li wieħed jistenna mingħand rikorrent raġjonevoli ma tiskużax lill-konvenuta mill-informazzjoni regolari fuq il-mezzi ta' appell disponibbli.


(1)  ĠU 2007, C 212, p. 29.