26.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 117/1


Appell imressaq fit-12 ta' Frar 2007 minn Franco Campoli mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla Estiża) mogħtija fid-29 ta' Novembru 2006 fil-kawża T-135/05, Campoli vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-71/07 P)

(2007/C 117/01)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Franco Campoli (rappreżentanti: G. Vandersanden, L. Levi, S. Rodrigues, avocats)

Partijiet oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: V. Joris, D. Martin, aġenti), Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea (M. Arpio, I. Šulce, aġenti)

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-KE, tad-29 ta' Novembru 2006, fil-kawża T-135/05;

konsegwentement, tilqa' t-talbiet tar-rikorrent magħmula fl-ewwel istanza, kif emendati fir-rigward ta' l-inammissibbiltà tat-talbiet tar-rikorrent rigward l-allowance għan-numru ta' nies id-dar u l-allowance għall-edukazzjoni u, għaldaqstant,

tannulla d-deċiżjoni ta' l-Awtorità tal-Ħatra, tat-13 ta' Diċembru 2004, li tiċħad l-ilment tiegħu, flimkien ma', minn naħa, id-deċiżjoni ta' l-Awtorità tal-Ħatra kkontestata fl-imsemmi lment u li emendat fl-1 ta' Mejju 2004 il-koeffiċjent tal-korrezzjoni applikabbli għall-pensjoni tiegħu kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-karti tal-pensjoni (pension slips) tiegħu safejn dawn japplikaw din id-deċiżjoni mix-xahar ta' Mejju 2004;

tordna li l-konvenuta tbati l-ispejjeż kollha;

tordna li l-konvenuta tbati l-ispejjeż kollha ta' l-ewwel istanza u ta' l-appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jinvoka diversi argumenti in sostenn tal-motiv uniku tiegħu, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali u n-nuqqas ta' osservanza ta' l-obbligu ta' motivazzjoni impost fuq il-qorti Komunitarja.

L-imsemmi prinċipju ġie miksur, l-ewwel nett, inkwantu l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-leġiżlatur jista' jemenda r-Regolamenti tal-Persunal billi jistabbilixxi kundizzjonijiet iktar sfavorevoli mis-sistema fis-seħħ sakemm jipprovdi għal perijodu tranżitorju li jkun twil biżżejjed. L-eżistenza ta' perijodu ta' tranżizzjoni u l-eżami tal-kwistjoni jekk dan iż-żmien kienx twil biżżejjed huma fil-fatt elementi li ma jiġux ikkunsidrati fl-eżami tal-legalità ta' miżura ġdida fid-dawl tal-prinċipju ta' trattament ugwali, li l-osservanza tiegħu tippresupponi l-verifika, mill-qorti, tan-nuqqas ta' distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata fid-dawl ta' l-objettiv mixtieq mil-leġiżlatur Komunitarju. Issa, f'din il-kawża, is-sentenza kkontestata la ddefiniet l-objettiv mixtieq mir-regoli l-ġodda dwar l-iffissar tal-koeffiċjenti tal-korrezzjoni, u lanqas, a fortiori, eżaminat jekk hemmx distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata fid-dawl ta' dan l-objettiv. Ir-rikorrent iżid li koeffiċjent tal-korrezzjoni stabbilit fuq il-livell medju ta' l-għoli tal-ħajja ta' pajjiż jippreġudika kemm l-objettiv taż-żamma tal-kapaċità ta' xiri tal-pensjonanti kif ukoll dak tal-libertà ta' moviment u ta' residenza tagħhom peress illi pensjonanti li jirrisjedu fil-belt kapitali ta' pajjiż jew f'ibliet jew reġjuni oħrajn għaljin ta' dak il-pajjiż ikollhom kapaċità ta' xiri iktar baxxa mill-pensjonanti li jkunu stabbilew ir-residenza tagħhom barra minn din il-belt kapitali jew minn dawn l-ibliet jew reġjuni.

Permezz tat-tieni argument tiegħu, ir-rikorrent isostni li, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż fis-sentenza kkontestata, is-sistema l-ġdida ta' pensjonijiet tipprovdi effettivament għal ness ma' l-għoli tal-ħajja fi Brussell, b'tali mod li d-dħul tal-pensjonanti li jirrisjedu fil-Belġju huwa stabbilit billi jittieħed in kunsiderazzjoni biss l-għoli tal-ħajja fil-belt kapitali ta' dan l-Istat Membru, filwaqt li d-dħul tal-pensjonanti li jirrisjedu fl-ibliet kapitali ta' Stati Membri oħrajn huwa stabbilit permezz ta' koeffiċjent tal-korrezzjoni li jieħu in kunsiderazzjoni l-għoli tal-ħajja medju fil-pajjiż kollu. Barra minn hekk, ir-rikorrent jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tgħid li l-legalità ta' att leġiżlattiv Komunitarju ma tistax tiddependi fuq il-mod kif dan l-att huwa applikat fil-prattika, billi l-miżuri ta' implementazzjoni ta' tali att huma strettament marbuta ma' l-att stess, u jinvoka vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tal-prinċipju ta' ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-qorti Komunitarja inkwantu huwa sar jaf bil-miżuri ta' implementazzjoni tas-sistema l-ġdida ta' pensjonijiet biss wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub.

Permezz ta' l-aħħar argument tiegħu, ir-rikorrent jikkontesta, fl-aħħar nett, l-allegazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li huwa m'għandux interess ġuridiku, skond l-Artikolu 241 KE, billi jirreferi għall-vantaġġ mogħti lill-pensjonanti li jirrisjedu fi Stat Membru “mhux għali ħafna”. Billi jikkritika t-trattament differenti rriżervat għall-pensjonanti li jirrisjedu fi Stat Membru “mhux għali ħafna ”meta mqabbla mal-pensjonanti li jirrisjedu fi Stat Membru “għali”, huwa jikkritika fil-fatt il-vjolazzjoni tal-prinċipju ta' ekwivalenza tal-kapaċità ta' xiri u jipprova, b'dan il-mod, jikkontesta s-sistema ta' pensjonijiet li tirriżulta mir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda u l-miżuri tranżitorji tagħha.