25.5.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/1


DIRETTORAT ĠENERALI ĊENTRU KONĠUNT GĦAR-RIĊERKA (JRC) – BRUSSELL

Pubblikazzjoni għal kariga battala ta' Direttur għar-Relazzjonijiet Istituzzjonali u Xjentifiċi (grad AD 14)

COM/2006/10023

(2006/C 124 A/01)

Min aħna: il-missjoni tal-JRC hi li tipprovdi appoġġ xjentifiku u tekniku għat-tfassil, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki ta' l-UE. Din tinkludi 7 istituti ta' riċerka mifruxa f'5 lokalitajiet fl-Ewropa. Hi għandha staff ta' 2 650 persuna u baġit operattiv ta' €300M fis-sena; il-kompetenzi bażiċi tagħha huma l-ikel, il-prodotti kimiċi u s-saħħa; l-ambjent u sostenibilità; is-sigurtà u sigurezza nukleari; u attivitajiet orizzontali bħalma huma materjali u miżuri ta' referenza, previżjoni tekno-ekonomika, sigurtà pubblika u kontra l-frodi.

Nipproponu li: Id-Direttorat għar-Relazzjonijiet Istituzzjonali u Xjentifiċi jinkoraġġixxi relazzjonijiet bejn il-JRC u l-partijiet interessati esterni tiegħu, organizzazzjonijiet ta' riċerka oħra, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u l-Istati Membri. Dan jikkoordina r-relazzjonijiet bejn il-Bord tal-Gvernaturi tal-JRC. Jiddefinixxi u jimmonitorja l-pjanijiet ta' azzjoni biex jiġu integrati Stati Membri ġodda, Pajjiżi Kandidati u Pajjiżi Assoċjati fl-attività tal-JRC. Id-Direttorat hu responsabbli għall-komunikazzjoni interna u esterna tal-JRC inklużi r-relazzjonijiet pubbliċi u r-relazzjonijiet ma' l-istampa. Hu intenzjonat li dan għandu jkun ukoll responsabbli għall-koordinazzjoni tal-programm ta' ħidma xjentifika tal-JRC, inkluża l-preparazzjoni tiegħu, u biex jassigura l-kwalità tar-riċerka u s-servizzi tal-JRC għall-klijenti tiegħu. Id-Direttorat hu wkoll responsabbli għall-immaniġġjar tal-proprjetà intellettwali tal-Komunità u l-promozzjoni tat-trasferiment teknoloġiku tat-tagħrif tal-JRC. Id-Direttorat għandu staff ta' madwar 50 persuna u baġit ta' 2 miljuni EURO.

Qed infittxu kandidati li għandhom: esperjenza xjentifika u għarfien f'livell għoli fi kwestjonijiet xjentifiċi u teknoloġiċi ttrattati mill-JRC; esperjenza f'qasam xjentifiku jew qasam li għandu x'jaqsam mal-konsumaturi li hi rilevanti għall-JRC titqies bħala vantaġġ; motivazzjoni biex imexxu Direttorat dinamiku u l-appoġġ tiegħu għall-miri ġenerali tal-JRC; esperjenza pprovata biex imexxu l-ipprogrammar u l-immaniġġjar tar-riżorsi umani, finanzjarji u xjentifiċi tad-Direttorat; il-kapaċità meħtieġa biex imexxu u jimmaniġġjaw timijiet ta' riċerka speċjalizzata ta' livell għoli; għarfien tajjeb tal-politiki u l-istituzzjonijiet tal-Komunità; – abbiltajiet tajba fil-komunikazzjoni u n-negozjar; il-kapaċità li jinteraġixxu b'mod konvinċenti ma' partijiet interessati ta' livell għoli u ma' l-istampa; għarfien eċċellenti ta' l-Ingliż.

Biex ikunu eliġibbli l-kandidati għandhom: ikunu ċittadini ta' l-10 Stati Membri l-ġodda ta' l-UE; ikollhom grad universitarju li jagħti aċċess għal studji li jwasslu għal dottorat; ikollhom għall-inqas 12-il sena esperjenza professjonali post-universitarja f'livell li l-kwalifiki msemmija hawn fuq jagħtu aċċess għalih kif ukoll għall-inqas sitt snin f'livell għoli ta' maniġment; ikollhom għarfien sħiħ ta' waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-UE u għarfien adegwat ta' oħra minnhom.

Id-Direttur se jintgħażel u jinħatar mill-Kummissjoni skond il-proċeduri tagħha ta' għażla u ingaġġ. Is-salarji u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg huma dawk stipulati fir-Regolamenti ta' l-Istaff għall-uffiċjali fi grad AD14 tal-Komunitajiet Ewropej. Il-Kummissjoni tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs. Deskrizzjonijiet sħaħ ta' l-impieg, tal-kriterji ta' għażla u dettalji dwar l-applikazzjoni jistgħu jinstabu f'

http://europa.eu.int/comm/dgs/personnel_administration/working_senior_mgt_en.htm

Id-data ta' l-għeluq għar-reġistrazzjoni hi s-26 ta' Ġunju 2006. Reġistrazzjoni on-line mhix se tkun possibbli wara 12.00 p.m. ħin ta' Brussell.