12.5.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/1


DIRETTORAT ĠENERALI GĦAT-TRADUZZJONI (DĠT) FIL-LUSEMBURGU

Pubblikazzjoni ta' impjieg battal għall-kariga ta' direttur – direttorat C (grad A*14)

COM/2006/10024

(2006/C 112 A/01)

Aħna d-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni. Il-missjoni tagħna hi – li nwieġbu għall-ħtiġijiet tal-Kummissjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' traduzzjoni u mal-pariri lingwistiċi għal kull tipi ta' komunikazzjoni bil-miktub; – li nsostnu u li nsaħħu l-multilingwiżmu fl-Unjoni Ewropea u li nikkontribwixxu sabiex inqarrbu l-politiki ta' l-Unjoni lejn iċ-ċittadini, u b'hekk insaħħu l-leġittimità, it-trasparenza u l-effiċjenza tagħha.

Nipproponu l-pożizzjoni ta' direttur tad-Direttorat C il-ġdid “Traduzzjoni”, li se jieħu ħsieb il-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet tad-dipartimenti tal-lingwa Taljana, Spanjola, Portugiża, Griega, Slovena, Maltija, Ċeka u Slovakka. B'kollaborazzjoni mill-qrib mad-Direttorati l-oħra tat-traduzzjoni, id-Direttorat se jiżgura l-organizzazzjoni u s-segwitu tat-talbiet għat-traduzzjoni u jmexxi d-dipartimenti lingwistiċi, bosta unitajiet u ħaddiema li jaqbżu l-500 persuna mqassma bejn Brussell u l-Lussemburgu.

Infittxu kandidati li għandhom: – riżultati sodi miksuba bħala mexxejja, ġestjonarji u komunikaturi li jinvolvu t-tmexxija ta' timijiet importanti – ħila tajba li jikkontribwixxu għad-definizzjoni ta' l-istrateġiji u għall-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet fil-qasam tal-kompetenza tagħhom; – il-kapaċità kbira li jmexxu Direttorat u l-persunal multikulturali tiegħu u kompetenzi tanġibbli f'dak li għandu x'jaqsam ma' organizzazzjoni; għarfien eċċellenti tal-prinċipji u l-prassi ta' tmexxija tar-riżorsi umani u ħila tajba ħafna biex joħloqu u jżommu spirtu ta' tim; – għarfien eċċellenti tal-politiki tal-Kummissjoni u komprensjoni tajba ta' l-isfidi tagħha.

Sabiex ikunu eliġibbli l-kandidati għandhom ikunu – ċittadin ta' wieħed mill-għaxar Stat Membri l-ġodda ta' l-Unjoni Ewropea (Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja); – ikollhom lawrja universitarja li tagħti aċċess għal studji ta' dottorat; – ikollhom għallinqas 12-il sena esperjenza professjonali wara l-lawrja fuq livell ammess bil-kwalifiki msemmijin hawn fuq kif ukoll għallinqas sitt snin fuq livell għoli maniġerjali; – ikollhom għarfien komplut ta' wieħed mill-ilsna uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropew u għarfien xieraq ta' ilsien ieħor minn dawn il-ligwi uffiċjali.

Id-direttur se jintgħażel u jinħatar mill-Kummissjoni skond il-proċeduri ta' selezzjoni u ta' impjieg tagħha. Il-pagi u l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg huma dawk stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali ta' grad A*14 tal-Komunitajiet Ewropej. Il-Kummissjoni tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs. Għal deskrizzjoni sħiħa ta' l-impjieg, kriterji tas-selezzjoni u dettalji ta' l-applikazzjoni mur fuq is-sit

http://europa.eu.int/comm/dgs/personnel_administration/working_senior_mgt_en.htm.

Id-data ta' l-għeluq għar-reġistrazzjoni hi l-14 ta' Ġunju 2006. Reġistrazzjoni on-line mhix possibbli wara nofsinhar ħin ta' Brussell.