30.11.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/s2


1.

Il-Qorti ta' l-Awdituri, l-awditur indipendenti u estern ta' l-Unjoni Ewropea, tippubblika kull sena Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-budget u Rapport Annwali dwar l-EDFs. Dawn ir-Rapporti Annwali huma komponent mill-proċedura ta' approvazzjoni li jwassal il-proċess annwali tal-budget sat-tmiem.

2.

L-Artikolu 274 tat-Trattat KE jassenja lill-Kummissjoni l-kompetenza u r-responsabbilità għall-implimentazzjoni tal-budget, in konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti (1) u b'konsiderazzjoni lejn il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba. Il-Pajjiżi Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiżguraw li l-approprazzjonijiet jiġu użati skond il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba. In-nefqa tal-Komunità hija soġġetta għal ħafna livelli ta' kontroll minn ġewwa l-Kummissjoni u mill-amministrazzjonijiet tal-Pajjiżi Membri u ta' l-Istat benefiċjarju. Ir-rwol tal-Qorti huwa li tistma l-ġestjoni finanzjarja fis-sistema b'mod globali, u waqt li tkun qed tagħmel hekk tikkontribwixxi għal titjib fil-mod ta' kif il-budget ta' l-Unjoni Ewropea huwa ġestit.

3.

Mis-sena finanzjarja ta' l-1994 il-Qorti kellha skond it-Trattat tal-KE tipprovdi dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq il-kredibilità tal-kontijiet annwali tal-Komunitajiet Ewropej ippreparati minn, u taħt ir-reponsabbilità tal-Kummissjoni, u fuq il-legalità u r-regolarità ta' l-operazzjonijiet involuti. Din id-dikjarazzjoni, li hija bbażata fuq analiżi speċifiċi għal kull qasam maġġuri ta' l-attività tal-Komunità, tifforma parti ċentrali tar-Rapport Annwali tal-Qorti dwar l-implimentazzjoni tal-budget.

4.

Barra mir-Rapport Annwali, il-Qorti tippubblika Rapporti Speċjali fuq suġġetti speċifiċi, u tippreżenta Opinjonijiet fuq proposti għall-leġislazzjoni ta' l-UE ta' natura finanzjarja. Dawn ir-rapporti u l-opinjonijiet huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u fis-sit ta' l-internet tal-Qorti www.eca.eu.int. Anness II ta' dan ir-rapport fih lista tar-rapporti u ta' l-opinjonijiet adottati mill-Qorti matul dawn l-aħħar ħames snin.

5.

Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Qorti għas-sena li għalqet fil-31 ta' Deċembru 2003, flimkien mar-rapport estern ta' l-awditur, huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Dan ir-rapport jiċċertifika jekk id-dikjarazzjonijiet finanzjarji jurux opinjoni vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja u tar-riżultati, u jirrapporta fuq il-proċeduri ta' l-amministrazzjoni u tal-kontabilità, is-solidità tal-ġestjoni finanzjarja u s-sistema ta' kontroll intern.

6.

Il-Membri tal-Qorti ta' l-Awdituri huma: Hubert WEBER (President), Giorgio CLEMENTE, Aunus SALMI, François COLLING, Maarten B. ENGWIRDA, Jean-François BERNICOT, Robert REYNDERS, Juan Manuel FABRA VALLÉS, Máire GEOGHEGAN-QUINN, Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA, Lars TOBISSON, Hedda von WEDEL, David BOSTOCK, Morten Louis LEVYSOHN, Ioannis SARMAS, Július MOLNÁR, Vojko Anton ANTONČIČ, Gejza HALÁSZ, Jacek UCZKIEWICZ, Josef BONNICI, Irena PETRUŠKEVIČIENĖ, Igors LUDBORŽS, Jan KINŠT, Kersti KALJULAID, Kikis KAZAMIAS.


(1)  Barra mid-Deċiżjonijiet, Regolamenti tal-Kunsill u Direttivi fuq id-dħul (“riżorsi proprji”), u r-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, hemm regolamenti speċifiċi fuq l-implimentazzjoni ta' ħafna politika u strumenti ta' l-Unjoni. Il-Fondi Ewropej ta' Żvilupp għandu l-korp ta' regolamenti tiegħu.