DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla)

12 ta’ Frar 2026 ( *1 )

“Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Talba għal ordni – Talba għal miżuri provviżorji – Nuqqas ta’ rappreżentanza tar-rikorrent – Nuqqas ta’regolarizzazzjoni – Inammissibbiltà manifesta”

Fil-Kawża T‑404/25,

Miguel Ángel Navarro Fernández, residenti f’Madrid (Spanja), irrappreżentat minnu stess,

rikorrent,

vs

Il‑Parlament Ewropew,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla),

komposta minn P. Škvařilová-Pelzl (Relatriċi), Presidenta, I. Nõmm u R. Pezzuto, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tar-rikors tiegħu bbażat, essenzjalment, fuq l-Artikoli 265, 278 u 279 TFUE, ir-rikorrent, Miguel Ángel Navarro Fernández, jitlob lill-Qorti Ġenerali, l-ewwel, tikkonstata li l-Parlament Ewropew astjena illegalment milli jordna lill-Kummissjoni Ewropea tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju ta’ Spanja minħabba d-degradazzjoni kontinwa tan-network Natura 2000 f’Arganda del Rey (Spanja), it-tieni, tordna lill-Parlament jaġixxi f’terminu massimu ta’ xahar billi jibgħat il-fajl lill-Kummissjoni jew, sussidjarjament, billi jippreżenta huwa stess rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontriha, it-tielet, tordna lill-Kummissjoni twettaq spezzjoni fuq il-post, ir-raba’, titlob lil din tal-aħħar tistieden lir-Renju ta’ Spanja jadotta, b’mod urġenti u immedjat, miżuri ta’ protezzjoni fiżika favurih u għal dik tal-familja tiegħu u, il-ħames, li tadotta miżuri provviżorji.

Id-dritt

2

Skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura, meta rikors ikun manifestament inammissibbli, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin u fuq proposta tal-Imħallef Relatur, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

3

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess u tiddeċiedi, skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura, li tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr ma tkompli l-proċedura.

4

Għandu jitfakkar li t-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut, jipprevedu żewġ kundizzjonijiet distinti u kumulattivi fir-rigward tar-rappreżentanza quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea tal-partijiet mhux imsemmija fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 19, imsejħa “partijiet mhux ipprivileġġati”. Skont l-ewwel kundizzjoni, stabbilita fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19, dawn il-partijiet għandhom jiġu “rappreżentati minn avukat”. Skont it-tieni kundizzjoni, stabbilita fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-istess Statut, huwa biss avukat li jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) li jista’ jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-qrati tal-Unjoni (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Studio Legale Ughi e Nunziante vs EUIPO, C‑776/22 P, EU:C:2025:644, punt 49, u d-digriet tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Arasteh vs Il‑Kummissjoni, C‑590/25 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2025:861, punt 10).

5

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ewwel kundizzjoni kumulattiva, prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsisti fl-obbligu għall-partijiet mhux privileġġati li jiġu “rappreżentati minn avukat”, timponi b’mod partikolari fuq il-partijiet mhux ipprivileġġati projbizzjoni tal-“awtorappreżentazzjoni” quddiem il-qrati tal-Unjoni, jiġifieri li dawn il-partijiet fl-ebda każ ma jistgħu jirrappreżentaw lilhom infushom (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Studio Legale Ughi e Nunziante vs EUIPO, C‑776/22 P, EU:C:2025:644, punti 58 u 59; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Arasteh vs Il‑Kummissjoni, C‑590/25 P (R), mhux ippubblikat, EU:C:2025:861, punt 11).

6

Peress li ebda deroga jew eċċezzjoni għal din il-projbizzjoni ma hija prevista mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali, il-preżentata ta’ rikors iffirmat mir-rikorrent innifsu fl-ebda każ ma tista’ tkun suffiċjenti għall-finijiet tal-preżentata ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni, u dan anki jekk ir-rikorrent ikun avukat awtorizzat jidher quddiem qorti nazzjonali (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Studio Legale Ughi e Nunziante vs EUIPO, C‑776/22 P, EU:C:2025:644, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Arasteh vs Il‑Kummissjoni, C‑590/25 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2025:861, punt 11).

7

F’dan il-każ, minkejja li r-rikorrent jinvoka l-kwalità tiegħu ta’ avukat awtorizzat li jipprattika quddiem il-qrati Spanjoli, għandu jiġi kkonstatat li huwa ppreżenta r-rikors taħt il-firma tiegħu biss.

8

Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fid-dawl tal-gravità tal-konsegwenzi li jirriżultaw minn ksur tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tar-rikorrent, jiġifieri d-dikjarazzjoni irrimedjabbli ta’ inammissibbiltà tar-rikors tiegħu, u fl-assenza ta’ indikazzjonijiet espressi kuntrarji li jinsabu fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fir-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għandha, jekk tqis li l-projbizzjoni tal-“awtorappreżentazzjoni” quddiemha ma tkunx osservata u qabel ma tikkonstata l-inammissibbiltà tar-rikors, tistieden lir-rikorrent jaħtar avukat ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Studio Legale Ughi e Nunziante vs EUIPO, C‑776/22 P, EU:C:2025:644, punti 75 sa 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

9

F’dan il-każ, fil‑21 ta’ Ottubru 2025, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bagħat lir-rikorrent l-ewwel talba għal regolarizzazzjoni tar-rikors intiża għall-ħatra ta’ rappreżentant ġdid, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Huwa wieġeb permezz ta’ ittra li fiha ma kienx maħtur rappreżentant, iżda fejn fiha ppreċiża li kien qed jaġixxi għalih innifsu. Fl‑20 ta’ Novembru 2025, il-Presidenta tas-Sitt Awla ddeċidiet li ma tinkludix din l-ittra fil-proċess.

10

Fl-istess jum, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bagħat lir-rikorrent it-tieni talba għal regolarizzazzjoni tar-rikors li kellha l-istess suġġett bħal dik preċedenti. Dan tal-aħħar ma weġibhiex.

11

Fin-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni fit-termini mogħtija, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

12

Peress li dan id-digriet ġie adottat qabel ma saret in-notifika tar-rikors lill-Kunsill u qabel ma dan seta’ jsostni xi spejjeż, huwa biżżejjed li jiġi deċiż li r-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu, skont l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura.

 

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla)

tordna:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli.

 

2)

Miguel Ángel Navarro Fernández għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Magħmul fil-Lussemburgu, fit‑12 ta’ Frar 2026.

Ir-Reġistratur

V. Di Bucci

Il-Presidenta

P. Škvařilová-Pelzl


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l‑Ispanjol.