Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla komposta minn ħames Imħallfin)

10 ta’ Ġunju 2026 (*)

“Dritt istituzzjonali – Investigazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Rifjut tal-Qorti tal-Awdituri li tneħħi d-dmir ta’ kunfidenzjalità ta’ persuni msejħa sabiex jinstemgħu bħala xhieda fl‑ambitu tal-investigazzjoni – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Ammissibbiltà – Kooperazzjoni leali – Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal – Interessi tal-Unjoni”

Fil-Kawża T‑99/25,

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, irrappreżentat minn L. De Matteis u E. Farhat, bħala aġenti,

rikorrent,

vs

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, irrappreżentata minn B. Schäfer u A‑M. Feipel‑Cosciug, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla komposta minn ħames Imħallfin),

komposta minn G. De Baere, President, J. Svenningsen (Relatur), C. Mac Eochaidh, R. Meyer u D. Jočienė, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑10 ta’ Marzu 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jitlob l-annullament tal-pożizzjoni meħuda mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, annessa mal-ittra mibgħuta mill-Kap tas-Servizz Legali tagħha tad‑9 ta’ Diċembru 2024 (iktar ’il quddiem il-“pożizzjoni kkontestata”), li ċaħdet it-talba tiegħu tas-26 ta’ Settembru 2024 sabiex jikseb, fl-ambitu ta’ investigazzjoni dwar ċerti persuni (iktar ’il quddiem il-“persuni kkonċernati mill-investigazzjoni”), it-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità ta’ tnax-il uffiċjal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“tnax-il uffiċjal”) sabiex jinstemgħu bħala xhieda fl-ambitu ta’ din l-investigazzjoni.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fl‑14 ta’ Lulju 2022, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) irrapporta lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew irregolaritajiet potenzjali fir-reklutaġġ u l-ħatra ta’ persuna li saret uffiċjal tal-Qorti tal-Awdituri.

3        Sussegwentement, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fetaħ fajl u, wara li vverifika l-informazzjoni rċevuta, ikkonkluda li kienu twettqu elementi li jippermettu li jitqies li kien twettaq reat li jaqa’ taħt il-kompetenza tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat‑12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU 2017, L 283, p. 1).

4        Fl-20 ta’ Diċembru 2022, konformement mal-istess dispożizzjoni, il-Prosekutur Delegat Ewropew fil-Lussemburgu inkarigat mill-fajl (iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Delegat”) iddeċieda li jiftaħ investigazzjoni.

5        Fis-7 ta’ Frar 2023, fid-dawl, minn naħa, tal-invjolabbiltà tal-postijiet, tal-binjiet u tal-arkivji tal-Unjoni, kif previst fl-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 266, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7”), li minnha tibbenefika l-Qorti tal-Awdituri u, min-naħa l-oħra, tal-immunità tal-uffiċjali u tal-aġenti tal-Unjoni, irrikonoxxuta fl-Artikolu 11 ta’ dan il-protokoll, iggarantita lill-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni, il-Prosekutur Delegat ippropona lill-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jitlob li dawn jitneħħew.

6        Bejn it‑13 ta’ Frar 2023 u s‑7 ta’ April 2024, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew talbet, diversi drabi, lill-President tal-Qorti tal-Awdituri t-tneħħija tal-invjolabbiltà tal-postijiet, tal-bini u tal-arkivji ta’ din l-istituzzjoni u t-tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni.

7        Fit-tweġibiet tiegħu tal‑15 ta’ Marzu, tas‑27 ta’ April, tat‑23 ta’ Mejju, tal‑10 ta’ Lulju u tal-1 ta’ Settembru 2023, il-President tal-Qorti tal-Awdituri indika li l-informazzjoni limitata pprovduta mill-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ma ppermettitlux jilqa’ ż-żewġ talbiet. Fir-rigward tat-talba għat-tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni, huwa indika li x-xewqa espressa mill-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li dawn tal-aħħar ma jiġux informati b’din id-deċiżjoni li tikkonċernahom qabel l-adozzjoni tagħha ma setgħetx tintlaqa’. Il-President tal-Qorti tal-Awdituri ppropona wkoll laqgħa mar-rappreżentanti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex jipprovdilhom iktar informazzjoni u bagħat dokumenti dwar l-investigazzjoni.

8        Fit-13 ta’ Ottubru 2023, il-President tal-Qorti tal-Awdituri, wara l-ittra tiegħu tal-1 ta’ Settembru 2023, li fiha huwa kien ikkomunika li kien ser jinforma lill-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jippreżentaw il-fehma tagħhom u sabiex il-Qorti tal-Awdituri tkun tista’ sussegwentement tieħu deċiżjoni, informa lill-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li dawn il-persuni kienu lesti jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u jinstemgħu filwaqt li tibqa’ miżmuma l-immunità tagħhom.

9        Sabiex ikompli l-investigazzjoni tiegħu, permezz ta’ posta elettronika tas‑26 ta’ Settembru 2024 indirizzata lill-Kap tas-Servizz Legali tal-Qorti tal-Awdituri, il-Prosekutur Delegat talab, minn naħa, il-komunikazzjoni ta’ ċerti dokumenti li jikkonċernaw l-investigazzjoni, b’żieda ma’ dawk diġà trażmessi, u, min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), it-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità tat-tnax-il uffiċjal sabiex jinstemgħu bħala xhieda fl-ambitu tal-investigazzjoni abbażi tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2017/1939.

10      Permezz ta’ posta elettronika tal‑24 ta’ Ottubru 2024, il-Kap tas-Servizz Legali tal-Qorti tal-Awdituri wieġbet billi pprovdiet xi wħud mid-dokumenti mitluba, filwaqt li ppreċiżat li d-dokumenti l-oħra mitluba kienu diġà ġew ipprovduti jew ma kinux jeżistu. Barra minn hekk, hija tenniet il-proposta għal laqgħa bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Qorti tal-Awdituri, sabiex jiġu ċċarati ċerti aspetti relatati mal-investigazzjoni.

11      L-għada, filwaqt li ċaħad l-idea ta’ laqgħa, il-Prosekutur Delegat tenna mal-Qorti tal-Awdituri t-talba tiegħu għat-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità kif ikkomunikata permezz ta’ posta elettronika tas‑26 ta’ Settembru 2024.

12      Fid‑9 ta’ Diċembru 2024, permezz tat-teħid tal-pożizzjoni kkontestata, il-Qorti tal-Awdituri ċaħdet it-talba għat-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità tat-tnax-il uffiċjal. Minn naħa, hija qieset li, bħal fil-każ tat-talba għat-tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ma kienx ipprovda informazzjoni u provi suffiċjenti dwar is-suspetti ta’ reati kriminali fil-konfront tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni. Il-Qorti tal-Awdituri għalhekk qieset li t-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità ta’ dawn it-tnax-il uffiċjal tmur kontra l-interessi tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, u fuq kollox, hija rrilevat li t-talba għat-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità tevadi de facto l-assenza ta’ tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni. Il-Qorti tal-Awdituri għalhekk ikkonkludiet li l-investigazzjoni għandha tingħalaq mingħajr azzjoni ulterjuri, skont l-Artikolu 39 tar-Regolament 2017/1939.

 It-talbiet tal-partijiet

13      L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla l-pożizzjoni kkontestata.

14      Il-Qorti tal-Awdituri titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiddikjara r-rikors infondat;

–        tikkundanna lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Qorti tal-Awdituri

15      Il-Qorti tal-Awdituri tqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq l-assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat u, it-tieni waħda, fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku.

 Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq l-assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat

16      Il-Qorti tal-Awdituri ssostni li l-pożizzjoni kkontestata ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Din il-pożizzjoni sempliċement tfakkar l-iskambji bejnha u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u tispjega li, fin-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti li tippermetti li jiġi żgurat li l-miżuri mitluba ma jippreġudikawx l-interessi tal-Unjoni, ma kienx iġġustifikat li jitneħħa d-dmir ta’ kunfidenzjalità tat-tnax-il uffiċjal.

17      Il-Qorti tal-Awdituri żżid li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ibbaża t-talba tiegħu għat-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità fuq l-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirrigwarda r-relazzjoni tal-impjieg bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-uffiċjali tagħhom u mhux il-prerogattivi tal-organi ta’ investigazzjoni u tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Issa, hija biss deċiżjoni adottata mill-Awtorità tal-Ħatra kompetenti fil-kuntest ta’ tali relazzjoni ta’ xogħol li tipproduċi effetti legali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ mill-qorti tal-Unjoni, u dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

18      L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jikkontesta din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

19      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni “maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi”.

20      Minn dan isegwi li r-rikors għal annullament, previst fl-Artikolu 263 TFUE, jista’ jintuża fir-rigward tal-miżuri jew dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, u li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, FBF, C‑911/19, EU:C:2021:599, punt 36 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

21      Sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura hijiex intiża li tipproduċi tali effetti u tistax, għaldaqstant, tkun is-suġġett ta’ tali rikors, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ din il-miżura u dawn l-effetti għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tagħha, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni tagħha kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu li jkun l-awtur tagħha, peress li dawn is-setgħat għandhom jinftiehmu mhux b’mod astratt, iżda bħala elementi ta’ natura li jiċċaraw l-analiżi konkreta tal-kontenut ta’ din il-miżura (ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2025, Swissgrid vs Il‑Kummissjoni, C‑191/23 P, EU:C:2025:83, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      F’dan il-każ, fir-rigward qabelxejn tal-kuntest tal-adozzjoni tal‑pożizzjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li din il-pożizzjoni ntbagħtet bi tweġiba għat-talba għat-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità tat-tnax-il uffiċjal, imressqa mill-Prosekutur Delegat, konformement mal-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal, fis‑26 ta’ Settembru 2024, u ġiet imtennija minn dan tal-aħħar fil‑25 ta’ Ottubru 2024.

23      Sussegwentement, fir-rigward tas-setgħat tal-awtur tal-att, il-Prosekutur Delegat seta’ raġonevolment iqis li l-pożizzjoni kkontestata kienet toriġina mill-Awtorità tal-Ħatra kompetenti, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ittra ta’ trażmissjoni tal-Kap tas-Servizz Legali tal-Qorti tal-Awdituri, li permezz tagħha din tal-aħħar bagħtet “f’isem il-Kulleġġ tal-Membri” tal-Qorti tal-Awdituri, il-pożizzjoni ta’ din tal-aħħar dwar it-talba għat-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità tat-tnax-il uffiċjal (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 1984, Erdini vs Il‑Kunsill, 65/83, EU:C:1984:24, punt 7).

24      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-kontenut tal-pożizzjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Qorti tal-Awdituri, din il-pożizzjoni ma hijiex sempliċi tfakkira tal-iskambji bejnha u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Fil-fatt, fil-parti finali tal-pożizzjoni kkontestata, il-Qorti tal-Awdituri, essenzjalment, irrifjutat li tneħħi d-dmir ta’ kunfidenzjalità tat-tnax-il uffiċjal, billi qieset li t-talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ma kinitx suffiċjentement motivata u li din it-tneħħija kienet tmur kontra l-interessi tal-Unjoni u tikkostitwixxi evażjoni tal-proċedura ta’ tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni.

25      Għalhekk, peress li, fin-nuqqas ta’ tali tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità, fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Prosekutur Delegat ma setax jiġbor ix-xhieda tat-tnax-il uffiċjal, sabiex jipprova jmexxi l-investigazzjoni tiegħu kontra l-persuni koperti minnha, għandu jiġi kkonstatat li l-pożizzjoni kkontestata pproduċiet effetti legali fir-rigward tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Fil-fatt, hija ċaħħdet lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew mill-possibbiltà li jeżerċita s-setgħat ta’ investigazzjoni tiegħu konformement mal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2017/1939.

26      Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda f’dubju mill-argument tal-Qorti tal-Awdituri li, essenzjalment, deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal tikkawża biss preġudizzju lil uffiċjal fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kieku kellu jintlaqa’ dan l-argument tal-Qorti tal-Awdituri, dan ikun jimplika li, fil-każ li istituzzjoni, aġenzija, korp jew organu tal-Unjoni jirrifjuta li jneħħi d-dmir ta’ kunfidenzjalità ta’ uffiċjal abbażi tal-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal, Prosekutur Delegat Ewropew ikun prekluż milli jeżerċita s-setgħat tiegħu skont l-Artikolu 28 tar-Regolament 2017/1939, mingħajr ma jkun jista’ jikkontesta quddiem il-qorti tal-Unjoni l-legalità ta’ tali rifjut li jostakola l-investigazzjoni tiegħu.

28      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat l-ammissibbiltà ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat minn kumpannija, intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirrifjuta talba għat-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità ta’ uffiċjal sabiex jixhed quddiem qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Frar 1992, Weddel vs Il‑Kummissjoni, C‑54/90, EU:C:1992:75, punt 17).

29      Minn dan isegwi li l-pożizzjoni kkontestata hija att li jista’ jiġi kkontestat, li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, b’tali mod li l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku

30      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Awdituri tirrileva li, fit‑13 ta’ Frar 2023, konformement mal-Artikolu 29(2) tar-Regolament 2017/1939, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew talbet it-tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni, peress li qieset li din kienet prerekwiżit u neċessarja għall-iżvolġiment tajjeb ta’ din l-investigazzjoni.

31      Issa, fin-nuqqas ta’ tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni, l-annullament tal-pożizzjoni kkontestata ma jista’ jagħti ebda benefiċċju lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. L-eventwali provi miġbura permezz tax-xhieda tat-tnax-il uffiċjal ma jistgħux jintużaw la sabiex titressaq talba ġdida għat-tneħħija tal-immunità fil-kuntest tal-investigazzjoni u lanqas sabiex dawn il-persuni jiġu ġġudikati u kkundannati.

32      Insostenn ta’ dan l-argument, il-Qorti tal-Awdituri tirreferi għall-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, fid-digriet tas‑16 ta’ Jannar 2024, Kaili vs Il‑Parlament u L‑Uffiċċju tal‑Prosekutur Pubbliku Ewropew (T‑46/23, mhux ippubblikat, EU:T:2024:14, punt 22), li fih il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-talba għat-tneħħija tal-immunità hija miżura preliminari u neċessarja, imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew mil-leġiżlatur tal-Unjoni, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-investigazzjonijiet meta l-immunità li tibbenefika minnha persuna tikkostitwixxi ostakolu għall-investigazzjoni li tikkonċernaha.

33      Il-Qorti tal-Awdituri tirreferi wkoll għas-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2021, LR Ģenerālprokuratūra (C‑3/20, EU:C:2021:969, punti 87 u 88), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni u qabel it-tressiq ta’ kawża quddiem qorti, jekk l-awtoritajiet li jiġġestixxuha jqisu li persuna ssuspettata tgawdi mill-immunità, konformement mal-Artikolu 11 tal-Protokoll Nru 7, għall-atti li huma s-suġġett tal-investigazzjonijiet tagħhom, huwa l-kompitu tagħhom li jitolbu li din titneħħa, sa fejn din l-immunità tipprekludi kull użu tal-provi miġbura sabiex il-persuna ssuspettata tiġi ġġudikata u kkundannata għall-att kopert mill-imsemmija immunità.

34      It-tieni nett, il-Qorti tal-Awdituri tosserva li l-Artikolu 39 tar-Regolament 2017/1939 jipprevedi li l-immunità li tibbenefika minnha persuna ssuspettata twassal għall-għeluq mingħajr teħid ta’ azzjoni ulterjuri ta’ investigazzjoni, sakemm din ma tkunx tneħħiet. Fil-punt 43 tar-rikors, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew stess irrikonoxxa li ma ppreżentax rikors għal annullament kontra d-“deċiżjonijiet” li jinsabu fl-ittri tal-President tal-Qorti tal-Awdituri tal‑15 ta’ Marzu u tas‑27 ta’ April 2023. Minn dan il-Qorti tal-Awdituri tiddeduċi li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ħalla jiskadi t-terminu għall-preżentata ta’ rikors sabiex jikkontesta “l-assenza ta’ tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni”, u ppreżenta, 19-il xahar wara l-ittra tat‑13 ta’ Frar 2023, talba intiża għat-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità tat-tnax-il uffiċjal.

35      It-tielet nett, il-Qorti tal-Awdituri tqis li l-fatt li eventwali xhieda jistgħu jipprovdu provi li jiġġustifikaw talba ġdida għat-tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni huwa, minn naħa, ipotetiku u, min-naħa l-oħra, kuntrarju għall-Artikolu 26 tar-Regolament 2017/1939, li jipprovdi li, qabel ma tinfetaħ investigazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk hemmx raġunijiet tajba sabiex wieħed jemmen li jkun sar reat li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

36      L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jikkontesta din it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

37      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull rikors għal annullament ippreżentat, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, minn persuna fiżika jew ġuridika għandu jkun ibbażat fuq interess ġuridiku tagħha. L-eżistenza ta’ tali interess jippreżupponi li l-annullament tal-att ikkontestat ikun jista’, fih innifsu, jagħti benefiċċju li din il-persuna (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2025, BĊE u Il‑Kummissjoni vs Corneli, C‑777/22 P u C‑789/22 P, EU:C:2025:580, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk, fl-ittra tat‑23 ta’ Mejju 2023, il-President tal-Qorti tal-Awdituri ħabbar lill-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew it-tnedija tal-proċedura intiża għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-proċess ta’ din il-kawża, ma hemm ebda deċiżjoni ta’ din in-natura indirizzata lill-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, deċiżjoni li, barra minn hekk, u kif ippreċiża l-President tal-Qorti tal-Awdituri stess fl-ittri tiegħu tas‑27 ta’ April u tal‑10 ta’ Lulju 2023, kellha tiġi adottata mill-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, assistiti mis-Segretarju Ġenerali tagħha.

39      Barra minn hekk, waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Awdituri rrikonoxxiet li ebda deċiżjoni espliċita ta’ rifjut tat-talba għat-tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni ma kienet ġiet adottata.

40      L-argument imressaq mill-Qorti tal-Awdituri, ukoll waqt is-seduta, li l-ittra tal-President tagħha tat‑13 ta’ Ottubru 2023 hija deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni ma jistax jintlaqa’. Din l-ittra, minn naħa, toriġina mill-President tal-Qorti tal-Awdituri, li ma huwiex kompetenti sabiex jadotta tali deċiżjoni, anki impliċita, kif indika huwa stess fl-ittri msemmija fil-punt 38 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija ittra ma tinkludi ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li hija tirrappreżenta l-pożizzjoni definittiva tal-Qorti tal-Awdituri dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità mressqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

41      L-istess japplika għall-argument tal-Qorti tal-Awdituri li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew irrikonoxxa li ma kkontestax id-“deċiżjonijiet” ta’ rifjut tat-tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni li jinsabu fl-ittri tal-President tagħha tal‑15 ta’ Marzu u tas‑27 ta’ April 2023. Fil-fatt, mill-punt 38 iktar ’il fuq jirriżulta li l-President tal-Qorti tal-Awdituri indika li l-ittri tiegħu ma setgħux jinkludu tali deċiżjonijiet.

42      Minn dan jirriżulta li, sa fejn ebda deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni li tikkawża preġudizzju lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ma tkun ġiet adottata, il-Qorti tal-Awdituri ma tistax validament tinvoka kontra dan tal-aħħar l-iskadenza ta’ terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att, espliċitu jew impliċitu, li ma jkunx sar definittiv u li ma jkunx ittieħed fil-forom meħtieġa mill-awtorità kompetenti.

43      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, anki jekk il-Qorti tal-Awdituri kienet adottat deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tneħħija tal-immunità konformement mar-regoli tagħha stess, ma jistax jiġi eskluż, kuntrarjament għal dak li hija ssostni, li l-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tista’ tindirizza talba ġdida għat-tneħħija tal-immunità qabel ma l-investigazzjoni tiġi eventwalment magħluqa mingħajr teħid ta’ azzjoni ulterjuri.

44      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn naħa, konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 39(1)(d) tar-Regolament 2017/1939, huwa biss meta l-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat minn investigazzjoni jqis li jkun sar impossibbli li jinbdew prosekuzzjonijiet, li, abbażi ta’ rapport ippreżentat minn dan tal-aħħar, l-Awla Permanenti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tiddeċiedi li tagħlaq mingħajr teħid ta’ azzjoni ulterjuri l-proċedura mibdija kontra persuna minħabba immunità mogħtija lilha. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 39(2) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li “[d]eċiżjoni f’konformità mal-paragrafu 1 m’għandhiex tipprevjeni investigazzjonijiet ulterjuri abbażi ta’ fatti ġodda li ma kinux magħrufa mill-[Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew] fil-waqt tad-deċiżjoni u li jsiru magħrufa wara d-deċiżjoni” u li “[d]-deċiżjoni biex jerġgħu jinfetħu l-investigazzjonijiet abbażi ta’ tali fatti ġodda għandha tittieħed mill-Awla Permanenti kompetenti”.

45      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 39(1)(d) tar-Regolament 2017/1939 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li r-rifjut li titneħħa l-immunità ta’ persuna kkonċernata minn investigazzjoni jipprekludi, awtomatikament u definittivament, lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew milli jkompli jinvestiga l-aġir tagħha u ma jippermettilux iġedded it-talba tiegħu billi jippreżenta elementi addizzjonali.

46      Barra minn hekk, billi jipprevedi espressament il-possibbiltà li tinfetaħ investigazzjoni ġdida wara fatti ġodda, l-Artikolu 39(2) tar-Regolament 2017/1939 jirrifletti l-prinċipju li d-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-istat tal-fajl f’mument partikolari tal-investigazzjoni jistgħu jiġu eżaminati mill-ġdid meta jidhru elementi ġodda. F’dan ir-rigward, il-ħtieġa tal-għeluq ta’ investigazzjoni mingħajr azzjoni ulterjuri sabiex tkun tista’ titressaq talba ġdida għat-tneħħija tal-immunità tintroduċi formalità nieqsa minn neċessità funzjonali u tista’ tippreġudika l-effettività tas-sistema ta’ prosekuzzjoni stabbilita mir-Regolament 2017/1939 sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

47      Għalhekk, l-Artikolu 39(1)(d) u (2) tar-Regolament Nru 2017/1939 ma jipprekludix lil Prosekutur Delegat Ewropew, qabel ma jikkonstata l-impossibbiltà li jingħata bidu għal prosekuzzjonijiet u, għalhekk, jipproponi l-għeluq mingħajr azzjoni ulterjuri ta’ investigazzjoni, milli jfittex provi addizzjonali.

48      Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda f’dubju mill-argument dedott mill-punti 87 u 88 tas-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2021, LR Ģenerālprokuratūra (C‑3/20, EU:C:2021:969). Fil-fatt, minn dawn iż-żewġ punti jirriżulta li, jekk investigazzjoni tingħalaq mingħajr ma titneħħa l-immunità tal-persuni kkonċernati minn din l-investigazzjoni, dawn il-persuni ma jkunux jistgħu jiġu ġġudikati u kkundannati għall-atti li huma koperti minn din l-immunità. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tipprekludix li l-Prosekutur Delegat ikun jista’ jiġbor provi addizzjonali sabiex il-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tikkompleta talba pendenti jew, jekk tali talba tkun ġiet irrifjutata, tressaq talba ġdida bbażata fuq fatti ġodda. Sussegwentement, dawn il-provi jistgħu jintużaw sabiex jiġu ġġudikati u kkundannati l-persuni koperti mill-immunità, bil-kundizzjoni madankollu li din tkun tneħħiet, l-iktar tard, fil-mument tal-għeluq tal-investigazzjoni, li abbażi tagħha jistgħu jinbdew proċeduri, konformement mad-dritt tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ.

49      L-istess japplika għall-argument ibbażat fuq il-punt 22 tad-digriet tas‑16 ta’ Jannar 2024, Kaili vs Il‑Parlament u L‑Uffiċċju tal‑Prosekutur Pubbliku Ewropew (T‑46/23, mhux ippubblikat, EU:T:2024:14). F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-punt 48 iktar ’il fuq jirriżulta li l-fatt li talba għat-tneħħija tal-immunità tkun pendenti ma jipprekludix li l-Prosekutur Delegat ikun jista’ jiġbor provi addizzjonali sabiex il-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tkun tista’ tikkompletaha.

50      Fl-aħħar nett, kemm-il darba l-argument tal-Qorti tal-Awdituri li, wara li ressaq talba għat-tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew stenna 19‑il xahar sabiex jitlob dik tad-dmir ta’ kunfidenzjalità tat-tnax‑il uffiċjal, kellu jinftiehem fis-sens li huwa intiż li jikkritika lil dan tal-aħħar bit-tardività ta’ din it-talba, għandu jiġi rrilevat li lanqas dan l-argument ma jista’ jirnexxi.

51      Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-President tal-Qorti tal-Awdituri indika, diversi drabi, li l-assenza ta’ informazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża min-naħa tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew dwar is-suspetti ta’ reati allegati fil-konfront tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni ma kinitx tippermetti lill-Qorti tal-Awdituri tiddeċiedi dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità tagħhom. F’dan il-kuntest, għandu jitqies li l-Prosekutur Delegat Ewropew seta’ validament jitlob it-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità tat-tnax-il uffiċjal, inkluż 19-il xahar wara t-tressiq tat-talba għat-tneħħija tal-immunità, sabiex jinġabru provi addizzjonali li jistgħu eventwalment isostnu din it-talba.

52      Għalhekk, sa fejn il-Qorti tal-Awdituri għadha ma adottatx deċiżjoni definittiva f’forma tajba u meħtieġa dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jibqa’ jkollu interess ġuridiku kontra l-pożizzjoni kkontestata, sa fejn din jipprekludih milli jiġbor provi addizzjonali li jistgħu jippermettulu jsostni din it-talba għat-tneħħija tal-immunità jew jikkonstata li ma għadx hemm lok li titkompla l-proċedura mibdija kontra l-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni.

53      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tat-twettiq u taż-żmien tal-investigazzjonijiet ġestiti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew taqa’ taħt il-marġni ta’ evalwazzjoni li dan għandu fl-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ investigazzjoni tiegħu u ma tistax, bħala prinċipju, tiġi mqiegħda f’dubju mill-Qorti Ġenerali.

54      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu interess ġuridiku kontra l-pożizzjoni kkontestata u t-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha wkoll tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

55      Insostenn tar-rikors tiegħu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew iqajjem ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq użu ħażin ta’ poter, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 13(2) TUE, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 108(5) tar-Regolament 2017/1939, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2017/1939, u, il-ħames wieħed, essenzjalment, fuq ksur tal-Protokoll Nru 7 u tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal.

56      Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat il-ħames motiv.

57      Insostenn ta’ dan il-motiv, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew isostni li, fit-teħid tal-pożizzjoni kkontestata, il-Qorti tal-Awdituri tħawwad is-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni ma’ dik tat-tnax-il uffiċjal, peress li l-immunità prevista mill-Protokoll Nru 7 tkopri lil tal-ewwel, iżda mhux lil tat-tieni, li ma jgawdu minn ebda immunità partikolari fid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, skont l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, essenzjalment, is-smigħ ta’ dawn it-tnax-il uffiċjal ma setax jiġi rrifjutat minħabba li dan kien iwassal għall-ksur tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni, iżda biss minħabba li interess tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal, kien jiġġustifika r-rifjut tiegħu, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

58      Il-Qorti tal-Awdituri tikkontesta din id-distinzjoni stretta mwettqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew bejn it-tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni u t-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità tat-tnax-il uffiċjal u ttenni li peress li l-immunità ta’ dawn il-persuni ma tneħħietx, it-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità ta’ dawn l-uffiċjali ma għandhiex effett fuq l-investigazzjoni fid-dawl tal-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2021, LR Ģenerālprokuratūra (C‑3/20, EU:C:2021:969).

59      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li, fi kwalunkwe każ, l-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “interessi tal-Unjoni”, kif proposta mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, ma tistax tintlaqa’. Minn naħa, fil-punti 139 u 140 tas-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2022, NV vs eu-LISA (T‑661/20, EU:T:2022:154), il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li l-funzjonament u r-reputazzjoni ta’ istituzzjoni jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, peress li l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tingħata t-tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni ma humiex issodisfatti, it-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità ta’ tnax-il uffiċjal tmur kontra l-interessi tal-Unjoni.

60      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE tipprovdi li kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, konformement mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-għanijiet previsti minnhom. Skont il-ġurisprudenza, din id-dispożizzjoni tirrifletti l-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, li jimplika li kull istituzzjoni għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza ta’ dawk tal-oħrajn. It-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE jipprovdi, barra minn hekk, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jipprattikaw bejniethom kooperazzjoni leali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Iffirmar ta’ ftehimiet internazzjonali), C‑551/21, EU:C:2024:281, punti 62 u 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Sussegwentement, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 45 u 52 iktar ’il fuq, il-Prosekutur Delegat Ewropew seta’ jressaq talba għat-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità tat-tnax-il uffiċjal, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità kinitx diġà ġiet adottata jew jekk din it-talba kinitx għadha pendenti.

62      Minn dan isegwi li r-relazzjoni bejn it-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità tat-tnax-il uffiċjal, li ma humiex is-suġġett tal-investigazzjoni, u t-tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati minnha ma hijiex rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, it-talba għat-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità tikkonċerna biss it-tnax-il uffiċjal, li jistgħu jinstemgħu bħala xhieda mill-Prosekutur Delegat, iżda bl-ebda mod ma tikkonċerna l-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni.

63      Għalhekk, il-Qorti tal-Awdituri ma setgħetx sempliċement tikkonstata, essenzjalment, li, peress li hija ma kinitx laqgħet it-talba għat-tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni, hija kellha wkoll id-dritt li ma tilqax dik tat-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità tat-tnax-il uffiċjal, billi tibbaża ruħha fuq l-istess raġunament dedott, b’mod partikolari, mill-assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi evalwat eventwali preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni.

64      Fil-fatt, il-Qorti tal-Awdituri kienet obbligata tevalwa, b’mod awtonomu, din it-talba għat-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità, fid-dawl tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal, u billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li din ma kinitx tikkonċerna l-istess persuni, ma kellhiex l-istess għan u ma kellhiex l-istess konsegwenzi bħat-talba għat-tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni.

65      Fit-tieni lok, anki jekk jiġi ammess li r-relazzjoni bejn it-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità tat-tnax-il uffiċjal u dik tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, għandu jiġi rrilevat li r-raġuni li tinsab fil-pożizzjoni kkontestata, li t-talba għat-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità tat-tnax-il uffiċjal tikkostitwixxi evażjoni tal-assenza ta’ tneħħija tal-immunità tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni u hija, minħabba f’hekk, kuntrarja għall-interessi tal-Unjoni, tmur kontra l-kunċett ta’ “interessi tal-Unjoni” li jinsab fit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal.

66      Fil-fatt, mill-formulazzjoni restrittiva ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-“interessi tal-Unjoni”, li jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta’ awtorizzazzjoni li jiġu indikati ġudizzjarjament konstatazzjonijiet marbuta mal-funzjoni, għandhom neċessarjament ikunu interessi ta’ importanza kunsiderevoli u ta’ natura vitali għall-Unjoni (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2002, Ferrer de Moncada vs Il‑Kummissjoni, T‑74/01, EU:T:2002:158, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2022, NV vs eu-LISA, T‑661/20, EU:T:2022:154, punt 142).

67      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “interessi tal-Unjoni” li fuqu l-Qorti tal-Awdituri tibbaża r-rifjut tagħha ma hijiex konformi mal-qari restrittiv stabbilit mill-ġurisprudenza ta’ dan il-kunċett. Il-Qorti tal-Awdituri ma setgħetx validament issostni li l-immunità li minnha kienu jibbenefikaw il-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni kienet tikkorrispondi għal rekwiżit marbut mal-preżervazzjoni ta’ interessi vitali tal-Unjoni, li jista’ jiġġustifika r-rifjut tagħha li tawtorizza lit-tnax-il uffiċjal jixhdu fl-ambitu ta’ din l-investigazzjoni.

68      Barra minn hekk, li kieku kellu jintlaqa’ dan l-argument tal-Qorti tal-Awdituri, dan iwassal sabiex kull istituzzjoni adita b’talba għat-tneħħija tal-immunità tkun tista’ tevalwa l-klassifikazzjoni tal-fatti li jkunu s-suġġett ta’ investigazzjoni u tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikun awtorizzat imexxi din l-investigazzjoni, li jkollu l-effett li jċaħħad lil dan tal-aħħar mill-possibbiltà li jeżerċita b’mod sħiħ is-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2017/1939.

69      Għall-kuntrarju, huwa fl-interess stess tal-Unjoni li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikun jista’, matul l-investigazzjoni kollha, jiġbor provi, inkluż permezz ta’ xhieda minn uffiċjali tal-Unjoni, sabiex huwa jkun jista’ eventwalment jiddeċiedi li jagħlaqha mingħajr teħid ta’ azzjoni ulterjuri.

70      Għandu jingħad ukoll li l-argument tal-Qorti tal-Awdituri, li l-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “interessi tal-Unjoni” proposta mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ma tistax tintlaqa’, huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2022, NV vs eu‑LISA (T‑661/20, EU:T:2022:154).

71      Fil-fatt, fil-punt 140 tas-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2022, NV vs eu‑LISA (T‑661/20, EU:T:2022:154), il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat li t-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal setgħet tkopri l-każ fejn uffiċjal ikun jixtieq jikkonstata ġudizzjarjament fatti marbuta ma’ relazzjoni kunflittwali fuq il-post tax-xogħol li ma jkunux, min-natura tagħhom, koperti mis-sigriet professjonali, iżda li jkunu jistgħu jaffettwaw il-funzjonament u r-reputazzjoni ta’ istituzzjoni. Madankollu, hija ma kkunsidratx li l-possibbiltà ta’ preġudizzju għall-funzjonament jew għar-reputazzjoni ta’ istituzzjoni tista’ tikkostitwixxi ġustifikazzjoni sabiex jiġi rrifjutat li jitneħħa d-dmir ta’ kunfidenzjalità tal-uffiċjal inkwistjoni abbażi tal-protezzjoni tal-interessi tal-Unjoni.

72      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 142 tas-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2022, NV vs eu‑LISA (T‑661/20, EU:T:2022:154), il-Qorti Ġenerali fakkret li l-imsemmija dispożizzjoni hija s-suġġett ta’ formulazzjoni restrittiva, li tipprovdi li l-“interessi tal-Unjoni”, li jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta’ awtorizzazzjoni li konstatazzjonijiet marbuta mal-funzjoni jiġu stabbiliti ġudizzjarjament, għandhom neċessarjament ikunu interessi ta’ importanza kunsiderevoli u għandhom ikunu ta’ natura vitali għall-Unjoni.

73      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-pożizzjoni kkontestata tmur kontra l-kunċett ta’ “interessi tal-Unjoni” li jiġġustifika, fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rifjut tat-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità ta’ tnax-il uffiċjal.

74      Għalhekk, il-ħames motiv għandu jintlaqa’ u l-pożizzjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra.

 Fuq l-ispejjeż

75      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

76      F’dan il-każ, anki jekk il-Qorti tal-Awdituri tilfet, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ma talabx li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla komposta minn ħames Imħallfin)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-pożizzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri kkomunikata permezz ta’ ittra tad9 ta’ Diċembru 2024, li tirrifjuta t-talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tas26 ta’ Settembru 2024 intiża għat-tneħħija tad-dmir ta’ kunfidenzjalità ta’ tnax-il uffiċjal tal-Unjoni Ewropea li kellhom jinstemgħu bħala xhieda fl-ambitu ta’ investigazzjoni, hija annullata.

2)      L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandhom isostnu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

De Baere

Svenningsen

Mac Eochaidh

Meyer

 

Jočienė


Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ Ġunju 2026.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.