Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MARTÍN Y PÉREZ DE NANCLARES

ippreżentati fid‑9 ta’ Settembru 2026 (1)

Kawża T‑702/25

Metsä Board Sverige AB

vs

Naturvårdsverket

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nacka tingsrätt - Mark- och miljödomstolen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Nacka, Awla għall-Kwistjonijiet Immobiljari u Ambjentali, l-Iżvezja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Tniġġis atmosferiku – Direttiva 2003/87/KE – Sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 – Kunċett ta’ ‘installazzjoni’ – Kunċett ta’ ‘unità teknika stazzjonarja’ – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Kunċetti ta’ ‘konnessjoni teknika’, ta’ ‘sit’ u ta’ ‘operatur’”






I.      Daħla

1.        Huwa ġeneralment aċċettat li in claris non fit interpretatio (“ma għandha ssir ebda interpretazzjoni meta l-affarijiet ikunu ċari”). Għalhekk, jekk regola tkun tinkludi definizzjoni ċara ta’ element, ma għandhiex tkun diffiċli ħafna għall-prattikant legali biex jifhimha. Madankollu, ir-realtà hija differenti ħafna u l-prassi ġudizzjarja spiss tagħti raġun lil Hart li, fil-Kapitolu VII tax-xogħol magħruf tiegħu Il-kunċett tad-dritt [traduzzjoni libera] jispjega, bl-għajnuna ta’ eżempji ċari ħafna, li r-regoli legali kollha joħolqu riskju fil-forma ta’ inċertezza. B’hekk, fir-realtà, ninnotaw li d-dinja li ngħixu fiha ma hijiex ikkostitwita minn numru finit ta’ karatteristiċi li jistgħu jingħaqdu b’mod perfettament prevedibbli. Għall-kuntrarju, xi drabi anki definizzjonijiet li jidhru ċari joħolqu diffikultajiet ta’ interpretazzjoni (2).

2.        F’ċertu sens, huwa dan li nistgħu nikkonstataw f’din il-kawża, li hija importanti daqskemm hija kurjuża. Hija tqajjem il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-portata ta’ kunċett essenzjali għall-funzjonament tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem l-“ETS”), jiġifieri dak ta’ “installazzjoni”. Xi wħud jaf jaħsbu li l-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett ma għandhiex toħloq problemi kbar, b’mod partikolari peress li huwa s-suġġett ta’ definizzjoni legali fl-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87/KE (3). Sfortunatament, dan ma huwiex il-każ, għaliex, kif ser naraw, id-definizzjoni nnifisha tinkludi termini li l-limiti tagħhom ma għandhomx il-grad ta’ preċiżjoni mistenni f’regolament tekniku. B’mod partikolari, fid-dawl tal-obbligu li jitqiesu l-emissjonijiet rilaxxati fl-installazzjonijiet, l-identifikazzjoni tal-perimetru tagħhom hija ta’ importanza kbira.

3.        Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni” tinkludi, fil-fehma tiegħi, żewġ partijiet. L-ewwel parti tikkonċerna l-installazzjonijiet li fihom issir attività waħda jew iktar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87. It-tieni waħda tiddetermina, essenzjalment, sa fejn attività industrijali, li ma taqax taħt dan l-anness, tagħmel, madankollu, parti minn installazzjoni suġġetta għall-obbligi tal-ETS. Hija biss din it-tieni parti li diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.        Issa, għal din il-kawża, hija l-ewwel parti tad-definizzjoni li hija rilevanti, peress li, fil-kuntest tagħha, qamet tilwima bejn impriża u awtorità nazzjonali dwar il-kwistjoni jekk l-attività ta’ produzzjoni tal-kartun tal-imsemmija impriża tagħmilx parti mill-installazzjoni ta’ impriża oħra, li timmanifattura l-polpa. Għalkemm iż-żewġ attivitajiet jaqgħu taħt l-Anness I tad-Direttiva 2003/87, għad hemm inċertezza dwar il-kriterji li għandhom jiġu adottati sabiex jiġi ddeterminat dawn jagħmlux parti minn installazzjoni waħda jew le.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Direttiva 96/61

5.        Skont il-punt 3 tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 96/61/KE (4), “installazzjoni” kienet “unita teknika stazzjonarja li fiha [kienet] titwettaq attivita waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I, u kull attivita oħra direttament assoċjata li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq dak is-sit u li [kien] jista’ jkollha effett fuq emissjonijiet u tniġġis”.

B.      Id-Direttiva 2003/87

6.        Id-Direttiva 2003/87, kif emendata bir-Regolament 2024/795 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”), tistabbilixxi l-ETS fl-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 2(1) tagħha, l-imsemmija direttiva tapplika għall-attivitajiet elenkati fl-Annessi I u III tagħha, kif ukoll għall-gassijiet serra elenkati fl-Anness II tagħha.

7.        Din id-direttiva tinkludi, fl-Artikolu 3 tagħha, definizzjonijiet, fosthom, fil-punt (b) tiegħu, dik tal-kunċett ta’ “emissjonijiet”, li għandu jinftiehem bħala r-“rilaxx ta’ gassijiet serra […] minn sorsi ġewwa stallazzoni […]”.

8.        Il-punt (e) ta’ dan l-artikolu jipprovdi li “stallazzjoni” hija “unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew iktar elenkati fl-Anness I u kull attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġiż”.

9.        Il-punt (f) tal-imsemmi artikolu jiddefinixxi l-kunċett ta’ “operatur”. Dan huwa “kull persuna li tħaddem jew tikkontrolla stallazzjoni jew, meta dan huwa pprovdut fil-leġislazzjoni nazzjonali, li lilha tkun iddelegata s-saħħa ekonomika deċisiva fuq il-funzjonament tekniku ta’ l-istallazzjoni”.

10.      Skont it-tieni sentenza tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, l-installazzjonijiet li fihom, matul perijodu ta’ referenza, l-emissjonijiet mill-kombustjoni tal-bijomassa jikkontribwixxu għal iktar minn 95 % bħala medja għall-emissjonijiet totali medji ta’ gassijiet serra ma humiex koperti mill-imsemmija direttiva.

C.      Ir-Regolament Delegat 2019/331

11.      Il-punt 17 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331 (5) jipprovdi li l-kunċett ta’ “fużjoni” jirreferi għall-“fużjoni ta’ żewġ installazzjonijiet jew aktar li diġà għandhom permessi tal-gassijiet serra diment li dawn jiġu konnessi teknikament, joperaw fuq l-istess sit u l-installazzjoni li tirriżulta tkun koperta minn permess wieħed tal-gassijiet serra”.

12.      Skont il-punt 18 tal-istess artikolu, il-kunċett ta’ “qsim” jirreferi għad-“diviżjoni ta' installazzjoni f'żewġ installazzjonijiet jew aktar li huma koperti minn permessi tal-gassijiet serra separati u li jitmexxew minn operaturi differenti”.

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u t-talba għal deċiżjoni preliminari

13.      Fis‑6 ta’ Novembru 2024, in-Naturvårdsverket (l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent, l-Iżvezja) iddeċidiet li tirrtira, b’effett mill‑31 ta’ Diċembru 2025, il-permess tal-gassijiet serra li kellha l-fabbrika tal-kartun operata minn Metsä Board Sverige AB (iktar ’il quddiem “Metsä Board”) f’Husum (l-Iżvezja). Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq il-leġiżlazzjoni Żvediża li tittrasponi d-Direttiva 2003/87, b’mod partikolari l-Artikolu 3(e) u l-punt 1 tal-Anness I tagħha.

14.      B’mod partikolari, l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent qieset li l-fabbrika tal-kartun kif ukoll il-fabbrika tal-polpa, li tinsab fl-istess sit u hija operata minn Husum Pulp AB, kienu jagħmlu parti minn “installazzjoni” waħda, fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87. Għall-finijiet tal-konklużjoni tagħha, din l-aġenzija bbażat ruħha fuq il-konnessjonijiet tekniċi u ġuridiċi bejn l-impriżi. Minn naħa, iż-żewġ fabbriki huma konnessi permezz ta’ pajpijiet, li jippermettu lil Metsä Board tuża l-polpa, is-sħana u l-elettriku prodotti minn Husum Pulp. Min-naħa l-oħra, din tal-aħħar hija sussidjarja tal-ewwel impriża, li għandha sehem ta’ 70 % fiha.

15.      Konsegwentement, l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent qieset l-emissjonijiet tas-CO2 li joriġinaw miż-żewġ fabbriki b’mod konġunt. Hija għalhekk ikkonstatat li, mill‑2019 sal‑2023, iktar minn 95 % ta’ dawn l-emissjonijiet kienu ġejjin mill-kombustjoni tal-bijomassa, b’tali mod li, konformement mat-tieni sentenza tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, dik id-dispożizzjoni ma baqgħet tapplika għall-installazzjoni waħda.

16.      Adita bir-rikors kontra d-deċiżjoni tal-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent, in-Nacka tingsrätt - Mark- och miljödomstolen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Nacka, Awla għall-Kwistjonijiet Immobiljari u Ambjentali, l-Iżvezja) tistaqsi jekk il-fabbriki tal-kartun u tal-polpa effettivament humiex installazzjoni waħda. Dik il-qorti tinnota li, skont id-definizzjoni fl-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, installazzjoni hija unità teknika stazzjonarja li fiha jsiru waħda jew iktar mill-attivitajiet imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva. L-attivitajiet li ma jaqgħux taħt dan l-anness ukoll jistgħu jkunu parti minn installazzjoni, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet. Dawn tal-aħħar ġew analizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, hija qatt ma eżaminat il-kwistjoni jekk diversi attivitajiet li jaqgħu taħt l-imsemmi Anness I jagħmlux parti minn installazzjoni waħda.

17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nacka tingsrätt - Mark- och miljödomstolen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Nacka, Awla għall-Kwistjonijiet Immobiljari u Ambjentali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      […] Abbażi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, […] [i]l-kriterji li ġejjin kienu determinanti għall-interpretazzjoni ta’ meta unità (li ma hijiex inkluża fl-Anness I [tad-Direttiva 2003/87]) għandha tiġi inkluża f’installazzjoni skont it-tieni parti tal-Artikolu 3(e) [ta’ din id-direttva]:

–        l-unità twettaq il-produzzjoni b’mod indipendenti f’każ ta’ interruzzjoni tal-attivitajiet tal-installazzjoni,

–        l-unità għandha impatt fuq l-emissjonijiet totali tal-installazzjoni u għalhekk tista’, b’mod indipendenti, fir-rigward tal-installazzjoni, iżżid jew tnaqqas l-emissjonijiet tagħha; u

–        parti mill-produzzjoni tal-installazzjoni titwettaq biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-unità

Dawn il-kriterji għandhom jiġu applikati, kompletament jew parzjalment, fl-evalwazzjoni tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(e), jiġifieri jekk żewġ attivitajiet li huma t-tnejn elenkati fl-Anness I jikkostitwixxux unità teknika, jew inkella din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kriterji oħra?

2)      Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, kemm huma importanti ċ-ċirkustanzi li ġejjin sabiex jiġi evalwat jekk il-fabbrika tal-kartun u l-fabbrika tal-polpa jikkostitwixxux unità teknika?

–        Nofs il-polpa prodotta fil-fabbrika tal-polpa tiġi ppumpjata bħala polpa mxarrba direttament lejn il-fabbrika tal-kartun. Dan jirrappreżenta madwar 65 % sa 70 % tal-bżonnijiet ta’ polpa tal-kartun tal-fabbrika tal-kartun. Barra minn hekk, il-fabbrika tal-kartun tixtri polpa mnixxfa li tixxarrab fil-fabbrika tal-kartun.

–        Fwar u elettriku jiġu prodotti fil-fabbrika tal-polpa permezz tal-produzzjoni tal-polpa. Il-fabbrika tal-kartun tixtri parti mill-fwar u mill-elettriku prodott fil-fabbrika tal-polpa […]. Il-ħtiġijiet tal-fabbrika tal-kartun fir-rigward tal-fwar huma prinċipalment issodisfatti bil-fwar prodott fil-fabbrika tal-polpa. Nofs il-bżonnijiet tal-elettriku tal-fabbrika tal-kartun huma koperti mill-elettriku mixtri mill-fabbrika tal-polpa, filwaqt li l-elettriku li jifdal jinxtara fis-suq ħieles tal-elettriku.

–        Il-fabbrika tal-kartun u l-fabbrika tal-polpa jinsabu fl-istess sit u għandhom konsum komuni tal-ilma mhux ipproċessat u trattament komuni tal-ilma mormi.

–        F’każ ta’ interruzzjoni tal-funzjonament tal-fabbrika tal-polpa, il-produzzjoni tal-kartun tista’ tinżamm għal 80 % tal-kapaċità attwali permezz ta’ żieda fix-xiri ta’ polpa esterna (imnixxfa), il-kiri ta’ ġeneraturi ta’ fwar mobbli u x-xiri tal-elettriku fis-suq ħieles […].

3)      It-Taqsima 2.1 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-interpretazzjoni tal-Anness I tippreċiża li l-unitajiet li jappartjenu għal proprjetà differenti, li huma teknikament konnessi iżda li huma ġestiti minn operatur li għandu setgħa ekonomika determinanti fuq il-funzjonament tekniku tal-unitajiet jikkostitwixxu installazzjoni waħda. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, kif għandu jinftiehem il-kunċett ta’ installazzjoni meta fabbrika hija operata minn sussidjarja li 70 % tagħha tappartjeni għall-kumpannija omm li topera l-fabbrika l-oħra?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali

18.      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Settembru 2025. Skont l-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din it-talba ntbagħtet lill-Qorti Ġenerali.

19.      Metsä Board, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern Norveġiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Metsä Board, l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent, il-Gvern Norveġiż u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali li saret fit‑8 ta’ Lulju 2026.

V.      Analiżi legali

A.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

20.      Qabel ma nibda l-analiżi tiegħi, jidhirli li jkun utli li jiġi ddeterminat il-punt tat-tluq tagħha. Għalhekk nipproponi li niffokaw, l-ewwel nett, fuq in-natura unika ta’ din il-kawża, hekk li nkunu nistgħu niddefinixxu aħjar is-suġġett tat-talba ta’ Metsä Board fil-kawża prinċipali (1). It-tieni, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat l-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, għandi l-ħsieb li nfakkar il-karatteristiċi essenzjali tal-ġurisprudenza tagħha (2). Fl-aħħar nett, abbażi ta’ din l-informazzjoni, ser niddeskrivi l-problema li, fil-fehma tiegħi, tinsab fil-qofol ta’ din il-kawża kif ukoll il-parametri tal-eżami li biħsiebni nagħmel (3).

1.      In-natura unika tal-kawża

21.      L-attivitajiet tal-produzzjoni tal-polpa u tal-kartun huma msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87. Konformement mal-Artikolu 2(1) ta’ dik id-direttiva, dawn jaqgħu fl-iskop tal-ETS, sa fejn l-eżerċizzju tagħhom jiġġenera emissjonijiet ta’ gassijiet serra elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva (6). Dawn l-attivitajiet isiru f’installazzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, li jappartjenu, rispettivament, lil Husum Pulp u lil Metsä Board.

22.      Skont it-tieni sentenza tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, l-installazzjonijiet li iktar minn 95 % tal-emissjonijiet tagħhom jiġu mill-kombustjoni ta’ bijomassa ma jaqgħux fl-iskop tal-ETS (iktar ’il quddiem ir-“regola tal-95 %”). L-emissjonijiet iġġenerati mill-produzzjoni tal-polpa fl-installazzjoni ta’ Husum Pulp jaqbżu, għalkemm b’mod marġinali, dan il-limitu, b’tali mod li din l-installazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ETS. Min-naħa l-oħra, l-attività tal-produzzjoni tal-kartun li ssir fl-installazzjoni ta’ Metsä Board jonqosha ħafna biex tilħaq dan il-limitu u għalhekk taqa’, bħala prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ETS. Għall-kuntrarju, jekk il-fabbrika tal-kartun ta’ Metsä Board u l-fabbrika tal-polpa ta’ Husum Pulp jagħmlu parti minn installazzjoni waħda, kif tqis l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent, il-limitu ta’ 95 % jinqabeż. F’dak il-każ, l-attività tal-produzzjoni tal-kartun ma tibqax suġġetta għall-ETS.

23.      In-natura unika ta’ din il-kawża tinsab fix-xewqa ta’ Metsä Board li tevita li l-attività tagħha tiġi eskluża mill-ETS, minkejja l-obbligu ta’ monitoraġġ, l-obbligu li jitqiesu l-emissjonijiet tas-CO2 u l-obbligu li jiġi ċedut għadd korrispondenti ta’ kwoti tal-emissjonijiet inklużi fis-sistema (7). Fil-fatt, dawn l-obbligi huma kkumpensati mill-benefiċċji ekonomiċi li Metsä Board tista’ tistenna jekk l-installazzjoni tagħha tibqa’ inkluża fl-ETS. Ser nispjega ruħi.

24.      Minn perspettiva teknika, parti kbira tal-enerġija kkonsmata minn Metsä Board tiġi mill-fabbrika tal-polpa ta’ Husum Pulp. Din tal-aħħar tiġġenera, fil-kuntest tal-produzzjoni tagħha, iktar enerġija milli teħtieġ, b’mod partikolari fil-forma ta’ sħana mibdula fi fwar u fil-forma ta’ elettriku. Metsä Board ikkonfermat waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li l-fwar importat mill-fabbrika tal-polpa jkopri 100 % tal-ħtiġijiet tal-produzzjoni tal-kartun. L-emissjonijiet marbuta mal-ġenerazzjoni ta’ dan il-fwar jitqiesu biss fir-rigward ta’ Husum Pulp (8).

25.      Sa fejn dawn l-emissjonijiet jirriżultaw mill-kombustjoni tal-bijomassa, il-fattur tal-emissjonijiet tagħhom huwa, bħala prinċipju, żero, b’tali mod li ma hemmx bżonn li jiġi kkumpensat biċ-ċediment ta’ għadd korrispondenti ta’ kwoti tal-emissjonijiet (9). Fi kwalunkwe każ, kif diġà indikajt, l-installazzjoni li tappartjeni lil Husum Pulp ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ETS, skont ir-regola tal‑95 %. Għaldaqstant, din l-impriża ma hijiex obbligata tixtri kwoti ta’ emissjonijiet.

26.      B’mod korrispondenti, il-konsum minn Metsä Board tal-fwar prodott minn Husum Pulp ma jiġġenerax emissjonijiet min-naħa tiegħu (10). Madankollu, għall-attività tal-produzzjoni tal-kartun tagħha, Metsä Board għandha d-dritt għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet, li l-għadd tagħhom huwa ddeterminat abbażi tal-“parametri referenzjarji tal-prodotti”. Dawn il-parametri referenzjarji ġew stabbiliti abbażi ta’ valur medju ta’ emissjonijiet relatat mal-ħtiġijiet ta’ sħana tal-produzzjoni (11). L-emissjonijiet effettivi ta’ Metsä Board huma ferm inqas mill-valur użat għall-produzzjoni tal-kartun, kif hija kkonfermat f’risposta għal domanda li saritilha waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali. Minn dan jirriżulta li l-applikazzjoni tal-parametri referenzjarji tiġġenera qligħ għal din l-impriża, li tista’ terġa’ tbigħ l-eċċess tal-kwoti allokati mingħajr ħlas (12).

27.      Nixtieq infakkar f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iskema ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas kienet intiża sabiex tinkoraġġixxi l-użu ta’ tekniki effikaċi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Il-qligħ li jista’ jinkiseb mill-bejgħ ta’ kwoti li jkunu ġew allokati, iżda li ma jkollhomx għalfejn jiġu ċeduti peress li l-operatur ikkonċernat ikun naqqas l-emissjonijiet tiegħu billi jkun investa f’tekniki innovattivi, huwa parti integrali minn dan l-inċentiv (13).

28.      Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li, f’ċerti sitwazzjonijiet, iż-żamma ta’ dan l-effett inċentivanti ma kinitx tidher li għadha ġġustifikata. L-istess japplika għall-installazzjonijiet li jaħarqu kważi bijomassa biss. Fil-fatt, kif rajna fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-emissjonijiet li jirriżultaw minnhom ma għandhomx jiġu kkumpensati biċ-ċediment ta’ kwoti ta’ emissjonijiet. Għalhekk, l-installazzjonijiet li fihom dan it-tip ta’ emissjonijiet jaqbeż ċertu limitu jistgħu jagħmlu qligħ eċċezzjonali minħabba l-allokazzjoni ta’ għadd ikbar ta’ kwoti tal-emissjonijiet mill-emissjonijiet suġġetti għall-obbligu ta’ ċediment (14). Huwa minħabba f’hekk li l-leġiżlatur tal-Unjoni żied, permezz tad-Direttiva 2023/959, it-tieni sentenza mal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi r-regola tal‑95 %.

29.      Huwa f’dan il-kuntest speċifiku ħafna li Metsä Board issostni li l-fabbrika tagħha tikkostitwixxi installazzjoni indipendenti, minkejja l-konnessjonijiet tekniċi u funzjonali li jeżistu bejnha u l-fabbrika tal-polpa tal-karta li tappartjeni lil Husum Pulp.

2.      Ġurisprudenza dwar it-tieni parti tal-kunċett ta’ “installazzjoni”

30.      Insostenn tal-argumenti tagħha, Metsä Board tibbaża ruħha fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni”, li tinsab fl-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li din id-definizzjoni fiha żewġ partijiet (15). Minn naħa, installazzjoni hija kkostitwita minn unità teknika stazzjonarja fejn isiru waħda jew iktar mill-attivitajiet imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, tali installazzjoni tista’ tinkludi attivitajiet konnessi li, peress li ma jaqgħux taħt dan l-anness, ma humiex suġġetti għall-ETS bħala tali, u dan kemm‑il darba jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, l-attività konnessa għandha tkun relatata direttament ma’ attività msemmija fl-Anness I, it-tieni, għandha tkun teknikament konnessa ma’ din l-attività u, it-tielet, għandha tkun tista’ taffettwa l-emissjonijiet tagħha.

31.      Meta eżaminat dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li r-relazzjoni diretta għandha timmaterjalizza ruħha permezz tal-eżistenza ta’ konnessjoni teknika b’tali mod li l-konnessjoni bejn l-attivitajiet ikkonċernati tikkontribwixxi għall-integrità tal-proċess tekniku globali tal-attività li taqa’ taħt l-Anness I tad-Direttiva 2003/87 (16). Minn dan isegwi, essenzjalment, li l-attivitajiet konnessi għandhom jaqdu l-bżonnijiet tal-attivitajiet tal-unità teknika stazzjonarja suġġetti għall-ETS.

32.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet dwar l-interpretazzjoni tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li jitqies li diversi attivitajiet imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87, bħall-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-polpa tal-kartun, jagħmlu parti minn unità teknika stazzjonarja u, konsegwentement, minn installazzjoni waħda.

3.      Differenzi fl-interpretazzjoni tal-ewwel parti tal-kunċett ta’ “installazzjoni” 

33.      L-identifikazzjoni tal-kriterji tal-ewwel parti tal-kunċett ta’ “installazzjoni”, imsemmija fil-punt preċedenti, hija kumplessa, kif jikkonfermaw l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti Ġenerali, li ma tantx jgħinu biex tiġi ċċarata l-kwistjoni. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni jqisu li l-eżistenza ta’ konnessjonijiet tekniċi tikkostitwixxi kriterju rilevanti, b’analoġija mat-tieni parti tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87. Min-naħa l-oħra, il-pożizzjonijiet tagħhom ma jaqblux dwar l-intensità ta’ dawn il-konnessjonijiet. Il-Gvern Norveġiż, min-naħa l-oħra, isostni li ma huwiex neċessarju li żewġ attivitajiet jew iktar imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva jkunu marbuta teknikament sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li huma jappartjenu lil installazzjoni waħda. Għalkemm din iċ-ċirkustanza setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni, il-kriterju determinanti huwa, madankollu, l-operat komuni tagħhom minn operatur wieħed, fis-sens tal-Artikolu 3(f) tal-imsemmija direttiva. Il-Kummissjoni taqbel mal-evalwazzjoni li l-kontroll operattiv mill-operatur huwa deċiżiv. Dan jippermetti li jiġi ddeterminat jekk attivitajiet teknikament konnessi jkunux jagħmlu parti minn installazzjoni waħda. Il-Gvern Finlandiż iqis, għall-kuntrarju, li ma huwiex importanti min huwa l-operatur. Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent sostniet il-pożizzjoni tal-Gvern Finlandiż, filwaqt li l-Kummissjoni espressament qablet mal-Gvern Norveġiż. B’dan il-mod, din l-istituzzjoni kkwalifikat is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, billi sostniet li, sabiex jiġi konkluż li diversi attivitajiet jagħmlu parti mill-istess installazzjoni, ma hijiex essenzjali konnessjoni teknika.

34.      Fid-dawl tal-importanza tal-kunċett ta’ “installazzjoni” għall-funzjonament tal-ETS, forsi hija sorpriża l-ambigwità madwaru u l-lok li tħalla għal interpretazzjonijiet differenti. F’dan ir-rigward, minn dokument ta’ spjegazzjoni tal-Kummissjoni, kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha, jirriżulta li d-definizzjoni tal-kunċett tħalli marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ lill-Istati Membri li għalhekk jistgħu leġittimament jadottaw prattiki diverġenti f’dak li jirrigwarda r-raggruppament ta’ diversi attivitajiet fi ħdan installazzjoni waħda (17). Fil-fehma tiegħi, din l-affermazzjoni għandha tiġi kkwalifikata.

35.      Fil-fatt, id-Direttiva 2003/87 stess tiddefinixxi l-kunċett ta’ “installazzjoni” u ma tħallihiex f’idejn l-Istati Membri li jippreċiżaw il-portata tiegħu. B’mod partikolari, l-Artikolu 3(e) tagħha ma jirreferix għad-dritt tal-Istati Membri, iżda juża kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni, li għandhom jingħataw interpretazzjoni uniformi. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi suġġetti għall-ETS jipprekludi li kunċett tant ċentrali għall-funzjonament tal-ETS jew l-elementi kostitwenti tiegħu jkunu suġġetti għal interpretazzjonijiet diverġenti, kif jidhrilhom l-Istati Membri (18). Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi eskluż li l-applikazzjoni tal-kunċetti varji teħtieġ evalwazzjonijiet każ b’każ min-naħa -tal-awtoritajiet kompetenti, hekk li jingħatalhom, skont il-kumplessità tal-analiżi meħtieġa, ċertu marġni ta’ evalwazzjoni.

36.      Fil-konklużjonijiet tiegħi, huwa l-kompitu tiegħi li nippreċiża l-limiti tal-kunċett ta’ “installazzjoni”, u dan nipproponi li nagħmlu bl-użu, b’mod partikolari, tal-metodi ta’ interpretazzjoni abitwali. Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti, mingħajr ma tiġi injorata l-formulazzjoni tagħha (19).

37.      Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, nipproponi li tiġi ċċarata l-kwistjoni jekk l-ewwel parti tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 għandhiex tingħażel mit-tieni waħda. F’dan il-kuntest, ser neżamina jekk il-kundizzjonijiet li japplikaw għall-inklużjoni, fil-kunċett ta’ “installazzjoni”, ta’ attivitajiet mhux imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva, humiex rilevanti wkoll sabiex jiġi ddeterminat jekk diversi attivitajiet elenkati f’dan l-anness jikkostitwixxux installazzjoni (B). Dan l-eżami ser ikun segwit minn analiżi li tiffoka fuq l-ewwel parti tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87. Dan jimplika, minn naħa, l-eżami tal-kunċett ta’ “unità teknika stazzjonarja” bħala element ċentrali tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni” (C) kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-fatturi li jistgħu jirrestrinġu l-portata tiegħu (D).

38.      L-approċċ hekk deskritt ser jippermettili nirrispondi f’daqqa għal kull waħda mit-tliet domandi preliminari, li s-suġġett tagħhom, fil-fehma tiegħi, huwa limitat għad-determinazzjoni tal-portata tal-ewwel parti tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni” u tal-kriterji inerenti fih.

B.      L-awtonomija tal-ewwel parti tal-kunċett ta’ “installazzjoni”

39.      Kif indikajt kemm fil-punt 3 kif ukoll fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li l-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 fih żewġ partijiet distinti.

40.      B’mod partikolari, fil-fehma tiegħi, id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni” jagħmluha ċara li t-tliet kundizzjonijiet tat-tieni parti, jiġifieri r-relazzjoni diretta bejn l-attività konnessa u l-attività msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87, il-konnessjoni teknika bejniethom u l-effetti tal-attività relatata fuq l-emissjonijiet, ma humiex intiżi sabiex jirregolaw il-każ li huwa s-suġġett tal-ewwel parti (20).

41.      F’dan is-sens, l-ewwel parti tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 tiffoka fuq il-kunċett ta’ “unità teknika stazzjonarja” li fi ħdanha jsiru żewġ attivitajiet jew iktar imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva. Fi kliem ieħor, sabiex dawn l-attivitajiet ikunu jistgħu jagħmlu parti minn installazzjoni, dawn għandhom iseħħu fi ħdan tali unità.

42.      Il-kuntest leġiżlattiv li jagħmel parti minnu l-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 juri li d-distinzjoni bejn iż-żewġ partijiet tiegħu tikkorrispondi għal-loġika tal-ETS. Tabilħaqq, ir-riferiment għall-attivitajiet imsemmija fl-Anness I ta’ din id-Direttiva, għall-finijiet tal-ewwel parti tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni”, hija r-riżultat dirett tad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva permezz tal-Artikolu 2 tagħha (21). Konsegwentement, l-għan ta’ din l-ewwel parti huwa li tiddetermina l-perimetru tal-installazzjonijiet li jinkludu attivitajiet suġġetti għall-ETS bħala tali.

43.      Min-naħa l-oħra, it-tieni parti tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 tipprevedi l-estensjoni tal-ETS għall-attivitajiet mhux imsemmija fl-Anness I tagħha. Għalkemm dawn ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, huma jistgħu madankollu jikkontribwixxu għall-ġenerazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Għalhekk, fil-każ fejn ikunu konnessi ma’ unità teknika stazzjonarja li fiha jsiru l-attivitajiet inklużi fl-Anness I, l-inklużjoni tagħhom fl-ETS hija ġġustifikata (22). Din hija eċċezzjoni limitata għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/87, u dan jispjega għaliex hija teħtieġ li jiġu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet elenkati fit-tieni parti tal-Artikolu 3(e) ta’ dik id-direttiva.

44.      Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi li installazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 hija, qabel kollox, unità teknika stazzjonarja li fi ħdanha jsiru l-attivitajiet imsemmija fl-Anness I tagħha. Huwa biss b’mod inċidentali li attivitajiet oħra jistgħu jiġu inklużi wkoll f’din l-unità u, konsegwentement, fl-istess installazzjoni.

45.      L-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni tikkonferma li l-kundizzjonijiet tat-tieni parti tagħha huma estranji għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni” skont l-ewwel parti tiegħu. Fil-bidu tal-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni pproponiet li tikkunsidra sempliċement li “unitajiet tekniċi stazzjonarji fejn isiru attività waħda jew iktar elenkati fl-Anness I” (23) [traduzzjoni mhux uffiċjali] jagħmlu parti minn installazzjoni, mingħajr ma jiġu previsti kundizzjonijiet addizzjonali. Għalhekk, l-inklużjoni ta’ attivitajiet anċillari ma kinitx prevista.

46.      Il-proċess leġiżlattiv sussegwenti juri li l-qofol tad-definizzjoni ta’ “installazzjoni”, kif proposta inizjalment, ma nbidilx. Din id-definizzjoni sempliċement ġiet issupplimentata b’parti oħra distinta. Fil-fatt, abbażi tal-pożizzjoni komuni tal-Kunsill (24), żdiedet frażi mal-proposta tal-Kummissjoni, sabiex din tinkludi wkoll “kull attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġiż”. Din iż-żieda rriproduċiet kelma b’kelma l-formulazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/61. L-għan tagħha, skont il-Kummissjoni, kien li tippermetti “l-applikazzjoni tal-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-attivitajiet relatati direttament mal-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva” (25) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

47.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li, sabiex jiġi ddeterminat, skont l-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, jekk l-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-polpa u tal-kartun inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħewx fi ħdan installazzjoni waħda, għandu jiġi vverifikat, konformement mal-ewwel parti tad-definizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, jekk, flimkien, dawn jagħmlux parti minn unità teknika stazzjonarja.

C.      Portata tal-kunċett ta’ “unità teknika stazzjonarja”

48.      Id-determinazzjoni tal-portata tal-kunċett ta’ “unità teknika stazzjonarja” ma hijiex ċara minnha nnifisha. Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tiegħu, nipproponi li jiġu identifikati r-rekwiżiti li effettivament jirriżultaw minn dan il-kunċett fir-rigward tal-possibbiltà tal-eżistenza ta’ konnessjoni li tgħaqqad l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-Anness I tad-Direttiva 2003/87 (1). Imbagħad, biħsiebni nippreċiża l-portata tagħhom (2).

1.      Rekwiżit impliċitu ta’ konnessjoni teknika

49.      Kif jirriżulta mill-informazzjoni diġà esposta, b’mod partikolari fil-punti 40 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-fehma tiegħi, l-ewwel parti tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 ma tistabbilixxix l-istess kundizzjonijiet bħat-tieni parti ta’ din id-dispożizzjoni.

50.      Madankollu, jidhirli li din il-konstatazzjoni għandha titqiegħed immedjatament f’perspettiva fir-rigward tat-tielet kundizzjoni tat-tieni parti, li skontha attività mhux inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 għandu jkollha effett fuq l-emissjonijiet. Din għandha ċerta rilevanza għall-ewwel parti, sa fejn, fir-realtà, hija tirrifletti l-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif iddefinit fl-Artikolu 2 tagħha. Kif ġie indikat fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, minn dan l-artikolu jirriżulta li, fl-assenza ta’ emissjonijiet fis-sens tal-Artikolu 3(b) tal-istess direttiva, attività, anki jekk imsemmija fl-Anness I tagħha, ma tistax taqa’ fl-iskop tal-ETS.

51.      Bl-istess mod, jiena mħajjar nikkunsidra li t-tieni kundizzjoni tat-tieni parti tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, dwar l-eżistenza ta’ konnessjoni teknika bejn attività msemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva u l-attività konnessa, tirrifletti kundizzjoni usa’, inerenti fil-kunċett ta’ “unità teknika stazzjonarja”. Filwaqt li tindika l-istruttura li fiha għandhom isiru l-attivitajiet li jagħmlu parti minn installazzjoni, din fiha nnifisha timplika l-ħtieġa ta’ ċerta konnessjoni teknika bejn dawn l-attivitajiet.

52.      Fil-fehma tiegħi, din l-aħħar konklużjoni tista’ tkun ibbażata fuq l-interpretazzjoni letterali, teleoloġika u sistematika tal-kunċett ta’ “unità teknika stazzjonarja”.

53.      Fis-sens abitwali tal-lingwaġġ ta’ kuljum, “unità” tista’ tindika għadd ta’ elementi relatati, bħall-partijiet tal-ġisem tal-bniedem, element li jagħmel parti minn ħaġa sħiħa omoġenja, bħal prodott immanifatturat fi kwantitajiet kbar, jew struttura teknika li tippermetti li ssir operazzjoni, bħal unità ta’ produzzjoni (26). L-ebda waħda minn dawn id-definizzjonijiet lingwistiċi ma jidhirli li hija sodisfaċenti fil-kuntest tad-Direttiva 2003/87. Madankollu, dawn jipprovdulna indizji utli (27).

54.      Barra minn hekk, wieħed mill-aġġettivi li jakkumpanja l-kelma “unità” jidher li jiddefinixxi n-natura tal-konnessjoni meħtieġa, billi jeżiġi konnessjoni “teknika”. L-aġġettiv l-ieħor jippreċiża li l-unità għandha tkun “stazzjonarja”, probabbilment b’kuntrast ma’ attivitajiet mobbli jew ambulanti.

55.      Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li t-terminu “unità” jintuża għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni” u li l-attivitajiet ta’ installazzjoni mhux neċessarjament ikunu omoġenji. Fi kwalunkwe każ, tali rekwiżit ma jirriżultax mill-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87. Għall-kuntrarju, unità teknika stazzjonarja, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tista’ tinkludi tipi differenti ta’ attivitajiet imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva.

56.      Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-kunċett ta’ “unità teknika stazzjonarja” jirreferi għal attivitajiet imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 b’konnessjonijiet tekniċi bejniethom, mingħajr ma huwa neċessarju li jagħmlu produzzjoni komuni. Huwa ovvju li tali konnessjoni ma hijiex meħtieġa meta, fi ħdan installazzjoni, isseħħ attività waħda biss.

57.      Din l-interpretazzjoni tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 hija kkonfermata mill-punt 17 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat 2019/331, li minnu jirriżulta li l-fużjoni ta’ żewġ installazzjonijiet jew iktar hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet. Konformement ma’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, l-installazzjonijiet ikkonċernati għandhom ikunu teknikament konnessi. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament Delegat 2019/331 tippreżupponi, għalhekk, konnessjoni teknika bejn l-unitajiet tekniċi li għandu jkun hemm fużjoni tagħhom u, għaldaqstant, bejn l-attivitajiet li ser jikkostitwixxu l-installazzjoni komuni futura.

58.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, inqis li kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni parti tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni” jeżiġu l-eżistenza ta’ konnessjoni teknika bejn l-attivitajiet li jikkostitwixxu tali installazzjoni, u ftit li xejn jimporta jekk dawn ikunux biss attivitajiet li jaqgħu taħt l-Anness I tad-Direttiva 2003/87 jew jekk ikunx hemm lok li jiġu inklużi attivitajiet li ma jissemmewx fih. Fi kliem ieħor, installazzjoni tista’ tinkludi biss attivitajiet teknikament konnessi.

2.      Livell ta’ eżiġenza assoċjat mal-eżistenza ta’ konnessjoni teknika

59.      Il-livell ta’ eżiġenza meħtieġ sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li teżisti konnessjoni teknika jeħtieġ kjarifiki ulterjuri. B’mod partikolari, nipproponi li jiġi eżaminat jekk dan ir-rekwiżit, inerenti fil-kunċett ta’ “unità teknika stazzjonarja”, jikkoinċidix mal-kundizzjoni espliċita prevista għall-inklużjoni tal-attivitajiet konnessi li ma jaqgħux taħt l-Anness I tad-Direttiva 2003/87.

a)      Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-livell ta’ eżiġenza meħtieġ

60.      Inqis li, bħala prinċipju, il-kunċett ta’ “unità teknika stazzjonarja” jista’ jiġi interpretat b’mod relattivament flessibbli, sa fejn il-limiti tiegħu ma humiex iddeterminati bi kriterji preċiżi (28). Jidhirli, madankollu, li l-marġni ta’ interpretazzjoni tagħna huwa limitat mill-indizji li jirriżultaw mis-sistema inerenti fl-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87.

61.      Fil-fatt, kif stabbilixxejt fil-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-attivitajiet imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 jagħmlu parti minn “unità teknika stazzjonarja” meta jkollhom konnessjoni teknika bejniethom. Madankollu, din il-kundizzjoni tal-ewwel parti tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni” hija biss impliċita, filwaqt li tali kundizzjoni hija espressament prevista fit-tieni parti tad-definizzjoni. L-analiżi li għamilt fil-punti 39 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet tikkonferma li dawn huma kundizzjonijiet distinti, li, fil-fehma tiegħi, ma jistax ikollhom l-istess portata. Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma għandhiex tkun ta’ natura li ċċaħħad lit-tieni waħda mill-portata awtonoma tagħha.

62.      Barra minn hekk, mill-punti 43 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li, skont l-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, ir-raggruppament ta’ attività mhux imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva ma’ oħra msemmija fih jimplika li t-tnejn li huma jseħħu fi ħdan unità teknika stazzjonarja waħda. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreċiża, biż-żieda ta’ kundizzjoni espliċita, li l-inklużjoni, f’installazzjoni, ta’ attivitajiet mhux imsemmija fl-Anness I hija suġġetta għall-eżistenza ta’ konnessjoni teknika. Dan il-fatt juri, fil-fehma tiegħi, ir-rieda li tiġi imposta konnessjoni kkwalifikata taħt it-tieni parti tal-Artikolu 3(e). Il-livell ta’ eżiġenza assoċjat ma’ din il-konnessjoni kkwalifikata għandu jkun ogħla minn dak li japplika għar-rabta stabbilita biss impliċitament permezz tal-kunċett ta’ “unità teknika stazzjonarja”.

63.      Inqis, barra minn hekk, li mill-istruttura tad-Direttiva 2003/87 minnha nnifisha jirriżulta li r-rekwiżit ta’ konnessjoni bejn l-attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma jistax ikun vinkolanti daqs ir-rekwiżit simili previst għall-inklużjoni, f’installazzjoni, ta’ attivitajiet li altrimenti ma kinux jaqgħu f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni (29).

64.      Min-naħa l-oħra, ma nemminx li l-għan prinċipali tal-ETS, jiġifieri t-tnaqqis fl-emissjonijiet, jista’ jipprovdi gwida utli dwar id-determinazzjoni tal-livell ta’ eżiġenza meħtieġ mill-kunċett ta’ “unità teknika stazzjonarja”. L-obbligu li jinġabru flimkien diversi attivitajiet li jaqgħu taħt l-Anness I tad-Direttiva 2003/87 fi ħdan installazzjoni waħda ma jidhirx li għandu vantaġġi diretti għall-ETS u, b’mod iktar preċiż, għall-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2. Fil-fatt, l-obbligu li jitqiesu l-emissjonijiet iġġenerati minn tali attività jibqa’ l-istess meta din issir fi ħdan installazzjoni distinta. Il-fatt li definizzjoni wiesgħa tal-perimetru ta’ installazzjoni tista’ tissimplifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-ETS meta diversi attivitajiet ikunu konnessi teknikament, b’mod partikolari bi trasferimenti ta’ sħana, ma jidhirlix li huwa rilevanti (30).

65.      Bl-istess mod, bħall-parteċipanti kollha fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali, inqis li ma jista’ jinsilet ebda indizju mir-regola tal‑95 %, prevista fit-tieni sentenza tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87. Kif diġà ġie rrilevat preliminarjment (31), skont din ir-regola, l-installazzjonijiet li l-emissjonijiet tagħhom mill-kombustjoni tal-bijomassa jaqbżu, matul perijodu ta’ referenza, il-limitu ta’ 95 % tal-emissjonijiet totali ma jibqgħux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ETS. Din ir-regola ma tistax issostni jew topponi interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “unità teknika stazzjonarja”.

66.      Fil-fatt, ir-raggruppament ta’ żewġ attivitajiet, li waħda minnhom, meqjusa waħedha, ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87, konformement mar-regola tal‑95 %, jista’ jwassal għal riżultati dijametrikament opposti. Jew il-limitu ta’ 95 % ikompli jinqabeż, kif inhu l-każ f’din il-kawża, jew dan il-limitu ma jibqax jinqabeż. Fit-tieni każ, l-installazzjoni komuni tibqa’ suġġetta għall-ETS, hekk li jista’ jkun hemm kumpens żejjed tal-ewwel waħda miż-żewġ attivitajiet fl-allokazzjoni tal-kwoti mingħajr ħlas. F’dan il-każ, l-inċentiv għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tat-tieni attività jitnaqqas (32).

67.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, inqis li r-rekwiżit ta’ konnessjoni teknika, li jirriżulta impliċitament mill-kunċett ta’ “unità teknika stazzjonarja”, għandu jingħata interpretazzjoni iktar flessibbli mill-kundizzjoni espliċita dwar l-eżistenza ta’ konnessjoni teknika, stabbilita fit-tieni parti tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87.

b)      Konkretizzazzjoni tal-livell ta’ eżiġenza meħtieġ

68.      Sabiex jiġi ddeterminat b’mod konkret il-livell ta’ eżiġenza meħtieġ sabiex tiġi stabbilita l-konnessjoni teknika msemmija impliċitament fl-ewwel parti tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, nipproponi li tittieħed bħala punt tat-tluq il-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tat-tieni parti.

69.      Mill-punti 42 sa 48 tas-sentenza Granarolo (33) jirriżulta li l-eżistenza ta’ konnessjoni bejn attivitajiet differenti għall-finijiet tal-provvista tal-enerġija hija biżżejjed sabiex tikkostitwixxi konnessjoni teknika biss jekk ikollha forma ta’ integrazzjoni speċifika u distintiva fi ħdan il-proċess tekniku speċifiku għall-attività prinċipali. Dan huwa l-każ meta din il-konnessjoni tikkontribwixxi għall-integrità tal-proċess tekniku globali ta’ din l-aħħar attività. Huwa ċar mill-istess sentenza li tali livell ta’ integrazzjoni jintlaħaq meta l-attività konnessa tiġġenera prodott li jkun input indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività prinċipali, b’tali mod li, fil-każ ta’ interruzzjoni ta’ provvista, din tal-aħħar ma tkunx tista’ titkompla (34).

70.      Permezz tal-interpretazzjoni tat-tieni parti tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 hekk adottata, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li amalgamat żewġ kundizzjonijiet distinti ta’ din il-parti, jiġifieri, minn naħa, dik relatata mar-relazzjoni diretta tal-attività konnessa mal-attività prinċipali, u min-naħa l-oħra, dik dwar il-konnessjoni teknika bejn dawn l-attivitajiet. B’mod partikolari, in-natura indispensabbli tal-attività konnessa għall-eżerċizzju tal-attività prinċipali donnha turi relazzjoni diretta aktarx milli konnessjoni teknika, u dan kif jirriżulta, fil-fehma tiegħi, mis-sentenzi Elektriciteits Produktiemaatschappij Zuid-Nederland EPZ (35) u Granarolo (36).

71.      L-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja jispjega mhux biss l-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “konnessjoni teknika”, iżda jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, konferma addizzjonali li din l-interpretazzjoni ma tistax tkun direttament rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-kunċett ta’ “unità teknika stazzjonarja”. Fil-fatt, il-kundizzjoni dwar ir-relazzjoni diretta bejn l-attività relatata u l-attività prinċipali ma għandhiex x’taqsam mal-ewwel parti tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87. B’mod partikolari, ma jidhirlix li jista’ jiġi kkunsidrat li din tirriżulta, impliċitament, mill-kunċett ta’ “unità teknika stazzjonarja”. Barra minn hekk, din il-kundizzjoni tagħmel parti minn dawk il-kundizzjonijiet li jirregolaw speċifikament l-inklużjoni tal-attivitajiet mhux imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva. Għalhekk, hija tirrifletti livell ta’ eżiġenza ogħla minn dak meħtieġ għar-raggruppament tal-attivitajiet li jaqgħu taħt dan l-anness (37).

72.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl ukoll tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 59 sa 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li l-eżistenza ta’ unità teknika stazzjonarja kkostitwita minn żewġ attivitajiet li jaqgħu taħt l-Anness I tad-Direttiva 2003/87 tippreżupponi li waħda tikkontribwixxi għall-funzjonament tal-oħra u li din il-kontribuzzjoni timmaterjalizza ruħha bi kwalunkwe konnessjoni teknika bejniethom it-tnejn.

73.      Fir-rigward tal-għan jew tan-natura tal-kontribuzzjoni, imħajjar nikkunsidra li għandu jsir riferiment, b’analoġija, għall-ġurisprudenza dwar it-tieni kundizzjoni tat-tieni parti tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87. Fejn applikabbli, għandu jkun meħtieġ, bħala minimu, li waħda mill-attivitajiet tkun tikkontribwixxi għall-proċess tekniku ġenerali tal-oħra. Min-naħa l-oħra, il-livell ta’ intensità jew il-portata tal-kontribuzzjoni għandhom ikunu neċessarjament inqas minn dawk meħtieġa għall-inklużjoni tal-attivitajiet mhux imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87, preċiżament minħabba l-fatt li l-attivitajiet jaqgħu t-tnejn li huma taħt dan l-anness. Għaldaqstant, jidhirli li ma huwiex neċessarju li dan jiġi kkwalifikat bħala tali, jew saħansitra bħala essenzjali. F’dan is-sens, il-provvista ta’ input iġġenerat minn waħda mill-attivitajiet lill-oħra tikkostitwixxi kontribuzzjoni. Din tista’ tkun, pereżempju, il-provvista ta’ enerġija żejda jew it-trasferiment ta’ prodott ieħor, użati għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività marbuta. Min-naħa l-oħra, l-użu komuni ta’ ċerti infrastrutturi li ma jikkontribwixxux għall-proċess ta’ produzzjoni, bħal binja jew sistema ta’ dranaġġ tal-ilma tax-xita, ma għandux ikun rilevanti (38).

74.      Fir-rigward tan-natura tal-konnessjoni teknika, inqis, ukoll b’analoġija mal-ġurisprudenza, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-organizzazzjoni materjali tas-sit li fih iseħħu l-attivitajiet ikkonċernati, fosthom, b’mod partikolari, it-tqegħid ta’ katusi jew ta’ mezzi oħra li jippermettu t-trasferiment bejn l-attivitajiet ikkonċernati tal-prodotti tagħhom. It-termini kuntrattwali li jorbtu żewġ impriżi flimkien ma jidhirlix li huma determinanti f’dan ir-rigward (39).

D.      Limiti tal-kunċett ta’ “unità teknika stazzjonarja”

75.      Il-portata tal-ewwel parti tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni” li għadni kif iddeskrivejt hija wiesgħa ħafna. Din tippermetti li jinġabru flimkien attivitajiet li jaqgħu taħt l-Anness I tad-Direttiva 2003/87 minħabba s-sempliċi fatt li tkun teżisti konnessjoni teknika bejniethom, indipendentement mill-prossimità bejn il-fabbriki fejn iseħħu dawn l-attivitajiet jew l-identità tas-sidien tagħhom. Tali tifsira tista’ tqajjem diffikultajiet prattiċi, sa fejn it-trasferiment tas-sħana prodotta b’mod anċillari f’fabbrika lejn fabbrika oħra, li tużaha għall-finijiet tal-produzzjoni tagħha stess, jirriżulta li huwa strateġija importanti għat-tnaqqis fl-emissjonijiet (40).

76.      Madankollu, l-ewwel parti ta’ din id-definizzjoni hija, fil-fehma tiegħi, suġġetta għal żewġ limiti, wieħed relatat mal-post tal-fabbriki li fihom isiru attivitajiet li jaqgħu taħt l-Anness I tad-Direttiva 2003/87 (1) u l-ieħor marbut mal-identità tal-operatur (2).

1.      Limitu marbut mal-post tal-fabbriki

77.      Fil-fehma tiegħi, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li l-attivitajiet ta’ unità teknika stazzjonarja, kemm jekk jaqgħu taħt l-Anness I ta’ din id-direttiva kif ukoll jekk le, għandhom iseħħu fl-istess sit (41). Minn naħa, rekwiżit bħal dan jinstab fil-formulazzjoni tat-tieni kundizzjoni tat-tieni parti ta’ din id-dispożizzjoni, peress li jeħtieġ konnessjoni teknika bejn l-attivitajiet mhux elenkati fl-Anness I u “attivitajiet imwettqa fuq is-sit”.

78.      Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 hija kkorroborata mill-Artikolu 2(17) tar-Regolament Delegat 2019/331. Kif diġà ġie indikat, jirriżulta li l-fużjoni ta’ żewġ installazzjonijiet jew iktar hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet (42). Minbarra l-eżistenza ta’ konnessjoni teknika, dan il-punt jeħtieġ, b’mod partikolari, li l-operat tal-installazzjonijiet li għandu jkun hemm fużjoni tagħhom iseħħu fl-istess sit.

79.      Peress li l-kunċett ta’ “sit” la huwa ddefinit fid-Direttiva 2003/87 u lanqas fir-Regolament Delegat 2019/331, jeħtieġ, qabel xejn, li tiġi ddeterminata l-portata tiegħu skont is-sens abitwali ta’ dan it-terminu, billi ċerti verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 2003/87 jużaw kunċetti iktar ġeneriċi, li jirreferu għall-attivitajiet eżerċitati fl-istess post. Fil-kuntest tagħna, dawn il-kunċetti jidhru li jindikaw, bħat-terminu “sit”, jew il-post ta’ impriża, jiġifieri l-post fejn tinstab fabbrika, jew spazju ikbar, bħal park industrijali, intiż sabiex jospita fabbriki, industriji jew impriżi (43).

80.      Sakemm ma iniex sejjer żball, la d-Direttiva 2003/87 u lanqas ir-Regolament Delegat 2019/331 ma fihom preċiżazzjonijiet espliċiti li jżidu jillimitaw il-portata tal-kunċett “sit”. Madankollu, kif diġà rrilevajt (44), ma nqisx li l-użu ta’ kunċett li jeħtieġ li jiġi ddefinit għandu, fin-nuqqas ta’ riferiment għad-drittijiet nazzjonali, jagħti marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni tiegħu. Għall-kuntrarju, l-interpretazzjoni uniformi tal-kunċett hija meħtieġa, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi. Għaldaqstant, il-portata tal-kunċett ta’ “sit” għandha tiġi ddeterminata skont il-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet imfittxija mill-ETS.

81.      Għalkemm l-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ma għandux jinfluwenza l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni” (45), l-integrazzjoni tal-attivitajiet mhux imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 fl-ETS tista’, madankollu, issostni l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “sit”.

82.      Barra minn hekk, nirrileva li, f’dokument ta’ spjegazzjoni (46), il-Kummissjoni tindika li l-eżistenza ta’ konnessjoni ġeografika stretta bejn l-attivitajiet jew il-konnessjoni tagħhom vija rotot tat-trasport mhux pubbliċi hija indizju tal-operat tagħhom fl-istess sit. Tikkostitwixxi wkoll tali indizju l-eżistenza ta’ konnessjoni teknika bejn artijiet jew żoni differenti, anki jekk id-distanza bejniethom tkun kbira.

83.      Minkejja dawn l-indizji, il-limiti ġeografiċi tas-sit ta’ installazzjoni jibqgħu vagi, ħaġa li, f’dan il-każ, ma hijiex problematika, peress li l-fatt li l-fabbriki tal-produzzjoni tal-polpa u tal-kartun jinsabu fl-istess sit ma jidhirx li huwa kontenzjuż. Ċertament, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, Metsä Board indikat li ż-żewġ fabbriki jinsabu fuq artijiet ta’ sidien differenti. Madankollu, b’risposta għal domanda li saritilha, hija ċċarat li dan huwa l-istess sit. Iż-żewġ unitajiet ta’ produzzjoni li jinsabu fih jinsabu sewwasew qrib xulxin u għandhom konnessjonijiet fiżiċi, b’tali mod li, minn barra, huwa diffiċli li wieħed jagħżel bejn il-postijiet fejn isiru l-attivitajiet differenti. Għaldaqstant, għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma huwiex neċessarju li jiġu ppreċiżati iktar il-limiti ġeografiċi inerenti fil-kunċett ta’ “sit”.

84.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li l-kunċett ta’ “sit” jinftiehem fis-sens li jista’ jindika spazju, bħal park industrijali, intiż sabiex jospita fabbriki, industriji jew impriżi.

2.      Il-limitu marbut mal-operatur

85.      Inqis li, għalkemm il-kundizzjonijiet tal-ewwel parti tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni” huma ssodisfatti, jiġifieri li diversi attivitajiet imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 għandhom konnessjoni teknika u jsiru fl-istess sit, dawn l-attivitajiet mhux neċessarjament jifformaw unità teknika stazzjonarja. B’mod iktar speċifiku, inqis li hemm diversi raġunijiet legali li minnhom jirriżulta li tali attivitajiet jagħmlu parti minn tali unità u, konsegwentement, minn installazzjoni biss meta jkunu suġġetti għall-kontroll ta’ operatur wieħed, fis-sens tal-Artikolu 3(f) ta’ din id-direttiva.

a)      Identifikazzjoni tal-operatur

86.      Qabel ma neżamina r-raġunijiet li jiġġustifikaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-operatur għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-perimetru ta’ installazzjoni, jidhirli li jkun xieraq li tiġi ddeterminata l-persuna jew il-persuni li jistgħu jiġu kklassifikati bħala tali u li jiġi ddeterminat ir-rwol tagħhom fi ħdan l-ETS.

87.      Mill-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li d-definizzjoni tal-kunċett tinkludi tliet xenarji. Jiġifieri, hija kklassifikata bħala operatur persuna li topera installazzjoni jew li tikkontrollaha jew, jekk l-Istati Membri jippermettu dan, persuna li lilha tkun ġiet iddelegata s-saħħa ekonomika deċiżiva fuq il-funzjonament tekniku tal-installazzjoni. Il-leġiżlazzjoni Żvediża tidher li ttrasponiet it-tliet xenarji. Fil-fehma tiegħi, dawn huma, fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-istess peress li għandhom l-istess essenza.

88.      Il-ġurisprudenza ma tikkonfermax b’mod espliċitu din l-aħħar affermazzjoni. Madankollu, mis-sentenza Granarolo jirriżulta li persuna tista’ tkun l-operatur ta’ installazzjoni biss jekk ikollha l-kontroll effettiv fuq il-funzjonament tagħha u, għaldaqstant, fuq ir-rimi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Dan mhux neċessarjament ikun is-sid. Ċertament, il-kontroll fuq il-funzjonament ta’ installazzjoni jista’ jkun ir-riżultat tal-eżerċizzju, mis-sid tal-installazzjoni, tad-drittijiet tiegħu. Madankollu, jista’ jiġi previst, kuntrattwalment, li persuna oħra tkun responsabbli għall-operat, u tingħata b’mod partikolari d-dritt li tiddetermina l-livell ta’ produzzjoni. Tali kuntratt jista’ jiġi analizzat bħala delega tas-saħħa ekonomika deċiżiva fuq il-funzjonament tal-installazzjoni (47).

89.      Fir-rigward ta’ din il-kawża, dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkonfermaw li l-fatt li Husum Pulp hija fil-parti l-kbira proprjetà ta’ Metsä Board ma jfissirx fih innifsu li din tal-aħħar hija l-operatur tal-attività ta’ produzzjoni tal-polpa eżerċitata minn Husum Pulp.

90.      Fil-fehma tiegħi, mill-istruttura tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li r-rekwiżit ta’ kontroll effettiv fuq il-funzjonament tal-installazzjoni huwa marbut mill-qrib mal-obbligi imposti fuq l-operatur fi ħdan l-ETS. B’mod partikolari, il-leġiżlatur tal-Unjoni jidher li kkunsidra li, bħala l-persuna responsabbli għar-rimi tal-emissjonijiet mill-faċilità li huwa jiġġestixxi, l-operatur għandu jkun jista’ jimmonitorja dawn l-emissjonijiet u jiddikjarahom (48). Dan l-obbligu huwa parti integrali mill-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ permess tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra lill-operatur ta’ installazzjoni, konformement mal-Artikoli 4 sa 6 tad-Direttiva 2003/87. Fl-assenza ta’ permess, l-eżerċizzju tal-attivitajiet imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva huwa pprojbit. Huwa wkoll l-operatur tal-installazzjoni li għandu jċedi, sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Settembru ta’ kull sena, għadd ta’ kwoti li jikkorrispondi għall-emissjonijiet totali ta’ dik l-installazzjoni matul is-sena kalendarja preċedenti, konformement mal-Artikolu 12(3)(a) tal-istess direttiva. Dan l-obbligu tal-aħħar huwa wieħed mill-pilastri tal-ETS (49).

91.      Barra minn hekk, l-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2003/87 huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ operatur uniku. Jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu li installazzjoni tista’ tiġi operata biss minn persuna waħda (50). Bl-istess mod, l-Artikoli 4 u 6 ta’ din id-direttiva jirreferu, fis-singular, għall-operatur ta’ installazzjoni waħda jew iktar. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi espressament li l-istess operatur jista’ jopera diversi installazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, ma huwiex inkwistjoni l-operat ta’ installazzjoni waħda minn diversi operaturi.

92.      Jiena tal-fehma li l-prinċipju ta’ operatur wieħed huwa konformi mal-loġika tas-sistema stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Dan tal-aħħar fittex li jidentifika persuna waħda bħala responsabbli li tissodisfa l-obbligi li għalihom l-ETS tissuġġetta l-eżerċizzju tal- attivitajiet li jarmu gassijiet serra (51). Barra minn hekk, huwa l-operatur li jġarrab il-multa prevista fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87 meta ma jiżgurax l-osservanza tar-rekwiżit li jiġu ċeduti biżżejjed kwoti tal-emissjonijiet (52).

93.      Minn dan isegwi li, fl-għoti ta’ permessi ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna maħtura bħala operatur ta’ installazzjoni effettivament ikollha l-kontroll fuq il-funzjonament tagħha u tkun f’pożizzjoni li tosserva l-obbligi ta’ monitoraġġ u ta’ dikjarazzjoni tal-emissjonijiet kif ukoll ta’ ċediment tal-kwoti ta’ emissjonijiet. Filwaqt li ntenni l-argumenti ppreżentati b’mod partikolari mill-Gvern Norveġiż, nixtieq nenfasizza li huwa biss fil-limiti tal-eżami, każ b’każ, ta’ dawn il-kriterji li l-awtoritajiet nazzjonali jista’ jkollhom marġni ta’ evalwazzjoni.

b)      Distinzjoni bejn l-installazzjonijiet skont l-operatur

94.      Wara li ddeterminajt il-kriterji li jippermettu li jiġu identifikati l-operatur kif ukoll ir-responsabbiltajiet tiegħu, ser neżamina, kif diġà għidt, ir-raġunijiet għaliex żewġ attivitajiet jew iktar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 jifformaw unità teknika stazzjonarja waħda biss meta dawn ikunu suġġetti għall-kontroll tal-istess operatur.

95.      F’dan ir-rigward, għalkemm tali rekwiżit ma jirriżultax espressament mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2003/87, fid-dawl tad-definizzjoni prevista fih, imħajjar nikkunsidra li attività tista’ tagħmel parti minn installazzjoni waħda biss jekk l-operatur ikollu l-kontroll effettiv tagħha. Fi kliem ieħor, ma hijiex il-konnessjoni teknika bejn attivitajiet differenti li jaqgħu taħt l-Anness I ta’ din id-direttiva, iżda l-kontroll mogħti lill-operatur li jiddetermina, fl-aħħar mill-aħħar, jekk dawn ikunux jagħmlu parti minn installazzjoni waħda.

96.      Fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(e), moqri flimkien mal-punt (f) tal-istess artikolu, tad-Direttiva 2003/87 hija konformi mal-istruttura u mal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

97.      B’mod partikolari, minn naħa, jidhirli li l-kriterju tal-kontroll eżerċitat mill-operatur huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ għoti tal-permess prevista fl-Artikoli 4 sa 6 tad-Direttiva 2003/87. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwa l-operatur li għandu jitlob il-permess tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, filwaqt li jindika fl-applikazzjoni tiegħu l-attivitajiet li jagħmlu parti mill-installazzjoni li għaliha huwa jkun responsabbli. Sabiex jiġi ddeterminat il-perimetru ta’ din ir-responsabbiltà, l-operatur huwa neċessarjament obbligat jikkomunika lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni li tippermetti li jiġi vverifikat li huwa jissodisfa r-rekwiżiti regolatorji meħtieġa. Kif tennejt diversi drabi, l-operatur għandu jkollu kontroll effettiv fuq il-funzjonament tal-installazzjoni u għalhekk fuq l-attivitajiet li jikkostitwixxuha u għandu jkun f’pożizzjoni li jimmonitorja l-emissjonijiet u li jiddikjara l-emissjonijiet li jiġġenera l-eżerċizzju tagħhom (53).

98.      Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2003/87 ma tikkontestax l-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet. Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidher li r-raggruppament tal-attivitajiet li jaqgħu taħt l-Anness I ta’ din id-direttiva f’installazzjoni waħda ma jinvolvix vantaġġi partikolari għall-ksib ta’ dan l-għan. Għaldaqstant, għandu jkun irrilevanti għall-ksib ta’ dan l-għan jekk dawn l-attivitajiet, meta jsiru fl-istess sit u jkunu teknikament konnessi, ikunux jagħmlu wkoll parti minn installazzjoni waħda jew le.

99.      Inqis li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(e), moqri flimkien mal-punt (f) tal-istess artikolu, tad-Direttiva 2003/87, hija kkorroborata minn diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat 2019/331, li jikkompletaw ir-regoli tad-Direttiva dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet.

100. L-ewwel nett, fil-fehma tiegħi, mill-punti 17 u 18 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-identifikazzjoni ta’ installazzjoni waħda, li teżerċita attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87, teħtieġ li jiġu ssodisfatti diversi rekwiżiti, fosthom dak marbut mal-operatur komuni. Huwa ċar minn dawn il-punti li żewġ installazzjonijiet jew iktar jistgħu jkunu koperti minn permessi distinti u b’hekk jikkoeżistu b’mod indipendenti, minkejja li jkunu teknikament konnessi u operati fl-istess sit. Il-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat 2019/331 jippreċiża li tali koeżistenza teħtieġ l-operat ta’ installazzjonijiet differenti minn operaturi distinti. Minn dan isegwi li huwa l-kontroll eżerċitat mill-operatur li jippermetti li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ installazzjoni waħda jew ta’ diversi installazzjonijiet separati.

101. It-tieni, il-punt 17 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat 2019/331 jikkonferma li r-raggruppament ta’ diversi attivitajiet li jaqgħu taħt l-Anness I tad-Direttiva 2003/87 fi ħdan installazzjoni waħda effettivament jeħtieġ li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Għaldaqstant, dan jeħtieġ konnessjoni teknika bejn dawn l-attivitajiet, l-eżerċizzju tagħhom għandu jseħħ fl-istess sit u huwa neċessarju li dawn jaqgħu taħt il-kontroll ta’ operatur wieħed li jkollu permess tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra korrispondenti.

102. Fl-aħħar nett, ir-regoli speċifiċi dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-attività ta’ produzzjoni tal-polpa huma bbażati fuq il-premessa li attivitajiet teknikament konnessi, bħall-produzzjoni tal-karta u tal-kartun, jistgħu jseħħu fi ħdan installazzjonijiet distinti. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 16(6) tar-Regolament Delegat 2019/331, moqri flimkien mal-punt 2.7(k) tal-Anness IV ta’ dan ir-regolament, l-għadd ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas għandu jitnaqqas jekk il-polpa ma titqegħedx fis-suq, iżda tiġi pproċessata f’karta fl-istess installazzjoni jew f’installazzjonijiet teknikament konnessi (54).

103. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkorroboraw, barra minn hekk, l-affermazzjoni li l-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ma jinkludi ebda indizju li l-kunċett ta’ “installazzjoni” huwa bbażat esklużivament fuq l-eżistenza ta’ konnessjonijiet tekniċi bejn id-diversi attivitajiet, mingħajr ma jingħata kas tal-operatur tagħhom (55).

104. Barra minn hekk, ir-rekwiżit li l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-Anness I tad-Direttiva 2003/87, li jkunu teknikament konnessi, jiġu rraggruppati, fi ħdan installazzjoni waħda, biss meta dawn jiġu operati minn operatur komuni jissodisfa, fil-fehma tiegħi, żewġ funzjonijiet marbuta mill-qrib. Dan jiżgura, minn naħa, li l-ETS tosserva l-metodi ta’ operat tal-installazzjonijiet konformement mar-realtà ekonomika u teknika. Min-naħa l-oħra, inqis li dan ir-rekwiżit huwa ta’ natura li jipprekludi l-qsim artifiċjali tal-attivitajiet mingħajr ma jingħata kas ta’ din ir-realtà (56).

105. Tali qsim jista’ jirriżulta mis-separazzjoni ta’ attivitajiet li jaqgħu taħt l-Anness I tad-Direttiva 2003/87, li huma tant marbuta mill-qrib li l-operat awtonomu tagħhom ma jkunx, fir-realtà, possibbli. Madankollu, jidhirli li tali separazzjoni tmur kontra l-kunċett ta’ “operatur” innifsu. Jiġuni f’moħħi żewġ każijiet konkreti. Minn naħa, minħabba l-iżviluppi tekniċi, l-operatur ta’ waħda mill-entitajiet il-ġodda jkompli de facto jikkontrolla l-funzjonament tal-oħra. Huwa għalhekk iżomm il-kontroll tagħha, u dan jeskludi, fil-fehma tiegħi, l-għoti ta’ permess separat lil operatur distint. Min-naħa l-oħra, l-interdipendenza ta’ żewġ entitajiet tista’ tippermetti lill-operaturi jimblukkaw wieħed lil ieħor, b’tali mod li ebda wieħed minnhom ma jikkontrolla l-funzjonament tal-entità assenjata lilu. F’dan il-każ, dawn l-operaturi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2003/87, hekk li l-applikazzjonijiet tagħhom għal permess jiġu miċħuda.

106. Għalkemm il-Qorti Ġenerali ma għandhiex il-ġuriżdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt f’dan il-każ (57), madankollu jkun utli, fil-fehma tiegħi, li jiġi enfasizzat, b’risposta għad-domandi konkreti ħafna tal-qorti tar-rinviju, li l-provvista ta’ materji primi jew enerġija minn installazzjoni lil oħra ma tfissirx, fiha nnifisha, li ma hemmx awtonomija. B’mod partikolari, dan il-fatt ma jimplikax li l-operatur tal-installazzjoni li timporta ma huwiex f’pożizzjoni li jistabbilixxi l-parametri essenzjali tal-funzjonament tagħha, bħal-livell tal-produzzjoni (58).

107. Fl-aħħar nett, inqis li s-separazzjoni tal-attivitajiet li jaqgħu taħt l-Anness I, li jkunu teknikament konnessi, skont l-operatur, hija meħtieġa wkoll għal raġunijiet oħra, li ma għandhomx x’jaqsmu mal-ETS.

108. Kif diġà ntqal, ir-raggruppament ta’ tali attivitajiet fi ħdan installazzjoni waħda jmur id f’id mal-għoti ta’ permess tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra lil operatur wieħed (59). Fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, ir-rekwiżit li jiġu rraggruppati attivitajiet teknikament konnessi, irrispettivament mis-sidien tal-fabbriki li fihom isiru, qajla jista’ jiġi rrikonċiljat mad-dritt għal-libertà ta’ intrapriża. Fil-fatt, fid-dawl tar-rwol tal-operatur, li għandu jkollu l-kontroll effettiv tal-installazzjoni unika, tali rekwiżit jidher li huwa ta’ natura li jipprekludi l-eżerċizzju awtonomu ta’ attività imprenditorjali. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe, “[l-għan tal-ETS] ma huwiex dak li jillimita t-tranżazzjonijiet li jistgħu jitwettqu mill-impriżi li jħaddmu installazzjonijiet li jaqgħu taħt l-ETS” (60).

109. L-interpretazzjoni tal-ewwel parti tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni” li ma tqisx l-operatur tqajjem ukoll diffikultajiet fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni. Dan jista’ jkun il-każ meta, f’sit wieħed, installazzjonijiet teknikament konnessi jkunu jappartjenu lil impriżi distinti u jkunu jikkompetu ma’ xulxin. F’dan il-każ, dawn l-installazzjonijiet ma jistgħux jiġu rraggruppati u suġġetti għall-kontroll tal-istess operatur, li jikkontrolla l-funzjonament tagħhom.

110. F’ġieħ iċ-ċarezza, irrid nippreċiża wkoll li, fil-fehma tiegħi, l-operatur ma huwiex kriterju distintiv għall-identifikazzjoni tal-installazzjonijiet imsemmija fit-tieni parti tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87. Fil-fatt, sakemm il-kriterji ta’ konnessjoni previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, fosthom dak relatat mar-relazzjoni diretta bejn l-attività konnessa u l-attività msemmija fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, separazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet huwa, fil-fehma tiegħi, eskluż. B’mod partikolari, it-trasferiment tal-proprjetà ta’ attività li ma taqax taħt l-Anness I ta’ din id-direttiva lil operatur ekonomiku ieħor ma jistax iwassal sabiex din tal-aħħar tinfired mill-installazzjoni li lilha tkun tappartjeni. F’dak il-każ, iż-żewġ attivitajiet ikomplu jagħmlu parti minn installazzjoni waħda suġġetta għall-kontroll tal-istess operatur. Huwa biss meta l-kriterji ta’ konnessjoni ma jibqgħux issodisfatti li l-installazzjoni komuni ma tibqax teżisti. L-interpretazzjoni kuntrarja tidher li hija inkompatibbli mal-kunċett ta’ “installazzjoni” u mal-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet, sa fejn tippermetti li attività titneħħa artifiċjalment mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ETS (61).

111. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-attivitajiet imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 jagħmlu parti minn unitajiet tekniċi stazzjonarji distinti u għalhekk minn installazzjonijiet separati meta kull waħda tkun suġġetta għal permess speċifiku għaliha, li jkun ifisser li huma suġġetti għall-kontroll ta’ operaturi distinti.

112. Fid-dawl tal-analiżi esposta f’dawn il-konklużjonijiet, inqis li l-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li żewġ attivitajiet jew iktar imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva jagħmlu parti minn installazzjoni waħda, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kemm‑il darba jkollhom konnessjoni teknika bejniethom, iseħħu fl-istess sit u jiġu operati mill-istess operatur, b’tali mod li jappartjenu lil unità teknika stazzjonarja waħda.

VI.    Konklużjoni

113. Fid-dawl tal-premess, nipproponi li n-Nacka tingsrätt - Mark- och miljödomstolen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Nacka, Awla għall-Kwistjonijiet Immobiljari u Ambjentali) tingħata risposta kif ġej:

L-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa [l-Unjoni] u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, kif emendata bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ Frar 2024,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

żewġ attivitajiet jew iktar imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva jagħmlu parti minn installazzjoni waħda, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kemm‑il darba jkollhom konnessjoni teknika bejniethom, iseħħu fl-istess sit u jiġu operati mill-istess operatur, b’tali mod li jappartjenu lil unità teknika stazzjonarja waħda.

José Martín y Pérez de Nanclares

Ippreżentati f’seduta bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑9 ta’ Settembru 2026.

Firem


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Hart, H. L. A., The Concept of Law, it-tieni edizzjoni, Clarendon Press, Oxford, 1994 (l-ewwel edizzjoni ppubblikata fl‑1961), p. 124 sa 154. Ara p. 128: “uncertainty at the borderline is the price to be paid for the use of general classifying terms […] If the world in which we live were characterized only by a finite number of features, and these together with all the modes in which they could combine were known to us, then provision could be made in advance for every possibility”. Ara wkoll Hart, H. L. A., El concepto del Derecho, Abeledo Perrot, Buenos Aires, 2011, kif ukoll Hart, H. L. A., Le concept de droit, it-tieni edizzjoni, Presses universitaires Saint-Louis Bruxelles, Brussell, 2022.


3      Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa [l-Unjoni] u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ Frar 2024 (ĠU L, 2024/795).


4      Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal‑24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80).


5      Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 tad‑19 ta’ Diċembru 2018 li jiddetermina regoli tranżizzjonali għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva [2003/87] (ĠU 2019, L 59, p. 8, u rettifika fil-ĠU 2020, L 296, p. 8)


6      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Trinseo Deutschland (C‑577/16, EU:C:2018:127, punti 45, 46 u 51).


7      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Vattenfall Europe Generation (C‑457/15, EU:C:2016:613, punti 30 u 31).


8      Skont il-punt 1(A) u l-punt 14 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad‑19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva [2003/87] (ĠU 2018, L 334, p. 1), l-emissjonijiet mill-kombustjoni ta’ karburanti fi ħdan installazzjoni huma attribwiti lilha, irrispettivament mill-esportazzjoni tas-sħana jew tal-elettriku lejn installazzjonijiet oħra.


9      Mill-punti 21, 21a, 23c u 23d tal-Artikolu 3, kif ukoll mill-Artikoli 24, 30, 38 u 43 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/2066,, jirriżulta li l-operatur jista’ jnaqqas mill-emissjonijiet totali tas-sors l-emissjonijiet li jiġu mill-bijomassa li l-fattur tal-emissjonijiet tagħhom huwa meqjus żero. Ara wkoll “MRR Guidance document no 1” tal-Kummissjoni, intitolat “The Monitoring and Reporting Regulation – General guidance for installations”, verżjoni aġġornata tal‑14 ta’ Jannar 2025. Ara, dwar il-valur legali ta’ tali dokumenti, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2018, INEOS (C‑58/17, EU:C:2018:19, punt 41).


10      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Trinseo Deutschland (C‑577/16, EU:C:2018:127, punt 58).


11      Ara l-Artikolu 10a(1) u (2) u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87, u l-Anness I tar-Regolament Delegat 2019/331.


12      B’risposta għal domanda li saret waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, l-Aġenzija għall-Protezzjoni Ambjentali qalet li, fl‑2024, ġew allokati iktar minn 93 000 kwota ta’ emissjonijiet lil Metsä Board għall-installazzjoni tal-produzzjoni tal-kartun, li remiet madwar 11 000 tunnellata ta’ CO2. Konformement mal-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2003/87, kwota tippermetti emissjoni ta’ tunnellata ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju. Għall-informazzjoni, minn komunikazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, ippubblikata fis‑17 ta’ Diċembru 2025 fis-sit internet tagħha, jirriżulta li l-prezz medju annwali ta’ kwota kien laħaq il-EUR 65 fl‑2024.


13      Sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, Aurubis (C‑271/20, EU:C:2021:959, punt 70).


14      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 70 tad-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva [2003/87/KE] u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU 2023, L 130, p. 134).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Elektriciteits Produktiemaatschappij Zuid-Nederland EPZ (C‑158/15, EU:C:2016:422, punti 27 u 28) u tal‑11 ta’ Novembru 2021, Energieversorgungscenter Dresden-Wilschdorf (C‑938/19, EU:C:2021:908, punti 50 u 53).


16      Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Energieversorgungscenter Dresden-Wilschdorf (C‑938/19, EU:C:2021:908, punt 50).


17      Ara “EU ETS Guidance Document no 0” tal-Kummissjoni, intitolat “Guidance on Interpretation of Annex I of the EU ETS Directive (excl. aviation and maritime activities)”, verżjoni aġġornata tal‑4 ta’ Diċembru 2024 (iktar ’il quddiem id-“Dokument ta’ Spjegazzjoni Nru 0”), Taqsima 1.2.


18      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, EU:C:2011:669, punti 25 sa 27 u 31).


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland (C‑682/17, EU:C:2019:518, punt 71), tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Entoma (C‑526/19, EU:C:2020:769, punti 42 u 43) u tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND (C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 39).


20      Ara, pereżempju, il-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża, bil-lingwa Daniża, bil-lingwa Spanjola, bil-lingwa Franċiża, bil-lingwa Taljana, bil-lingwa Olandiża, bil-lingwa Portugiża, bir-lingwa Rumena, bil-lingwa Żvediża u bil-lingwa Ċeka.


21      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Trinseo Deutschland (C‑577/16, EU:C:2018:127, punti 42 u 45). Skont l-Artikolu 2 tagħha, id-Direttiva 2003/87 tapplika wkoll għall-attivitajiet elenkati fl-Anness III tagħha. Dawn ma jissemmewx fil-kuntest ta’ din il-kawża, peress li l-Artikolu 3(ae) ta’ din id-direttiva jipprovdi li dawn ma jsirux fi ħdan installazzjonijiet, iżda minn entitajiet irregolati.


22      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Energieversorgungscenter Dresden-Wilschdorf (C‑938/19, EU:C:2021:908, punt 53) kif ukoll il-premessa 16 tad-Direttiva 2003/87, li tiddistingwi l-attivitajiet li huma elenkati fl-Anness I minn dawk “inklużi fl-iskema Komunitarja”.


23      Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, COM(2001) 581 final, tat‑23 ta’ Ottubru 2001.


24      Pożizzjoni komuni (KE) Nru 28/2003 tat‑18 ta’ Marzu 2003, adottata mill-Kunsill, konformement mal-proċedura taħt l-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb li tiġi adottata d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU 2003, C 125 E, p. 72).


25      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE dwar il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-għan li tiġi adottata d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, SEC(2003) 364 final.


26      Ara Le Petit Robert de la langue française, Le Robert, 2026 (disponibbli online), kif ukoll Diccionario de la Lengua Española, Real Academia Española, 2026 (verżjoni 23.8.1, disponibbli online).


27      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 1988, Id‑Danimarka vs Il‑Kummissjoni (349/85, EU:C:1988:34, punt 9) u tal‑14 ta’ Lulju 2026, NADA Austria et (C‑474/24, EU:C:2026:579, punt 125).


28      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Elektriciteits Produktiemaatschappij Zuid-Nederland EPZ (C‑158/15, EU:C:2016:139, punt 27). Ara wkoll l-osservazzjonijiet tiegħi fil-punti 32 sa 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      Ara l-punti 42 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30      Din il-possibbiltà ssemmiet fit-Taqsima 2.1 tad-Dokument ta’ Spjegazzjoni Nru 0.


31      Ara l-punti 22, 25 u 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32      Kuntrarjament għall-mira stabbilita bir-regola tal‑95 % (ara l-premessa 70 tad-Direttiva 2023/959).


33      Sentenza tad‑29 ta’ April 2021 (C‑617/19, EU:C:2021:338).


34      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Granarolo (C‑617/19, EU:C:2021:338, punti 47 u 48).


35      Sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016 (C‑158/15, EU:C:2016:422, punt 30).


36      Sentenza tad‑29 ta’ April 2021 (C‑617/19, EU:C:2021:338, punt 42). L-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe ppropona din l-amalgamazzjoni fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Granarolo (C‑617/19, EU:C:2020:1016).


37      Ara, f’dan is-sens, il-punti 62 u 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Granarolo (C‑617/19, EU:C:2021:338, punti 45 sa 48).


39      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Elektriciteits Produktiemaatschappij Zuid-Nederland EPZ (C‑158/15, EU:C:2016:422, punt 31), u tad‑29 ta’ April 2021, Granarolo (C‑617/19, EU:C:2021:338, punt 40).


40      Chinese, D., Meneghetti, A., Cortella, G., Giordano, L., Tomasinsig, E., u Benedetti, M., “Environmental and economic assessment of industrial excess heat recovery collaborations through 4th generation district heating systems”, Energy, 2024, 307.


41      Dan ir-rekwiżit jissemma fit-Taqsima 2.1 tad-Dokument ta’ Spjegazzjoni Nru 0.


42      Ara l-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Ara Le Petit Robert de la langue française, Le Robert, 2026 (disponibbli online), kif ukoll Diccionario de la Lengua Española, Real Academia Española, 2026 (verżjoni 23.8.1, disponibbli online). Ara wkoll il-ġurisprudenza stabbilita msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44      Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Ara l-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      “Guidance Document no 10 on the harmonised free allocation methodology for the EU ETS post 2020”, tal-Kummissjoni, intitolat “Guidance on allocation for mergers and splits”, verżjoni tal‑21 ta’ Ġunju 2019, Anness.


47      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021 (C‑617/19, EU:C:2021:338, punti 51 sa 56). Ara wkoll it-Taqsima 2.1 tad-Dokument ta’ Spjegazzjoni Nru 0, li minnha jirriżulta li d-dritt għall-proprjetà ma huwiex determinanti fih innifsu u li għandha tiġi identifikata l-persuna li effettivament topera l-attivitajiet ikkonċernati.


48      Jidhirli li dan jista’ jiġi dedott mill-punti 85, 88 u 93 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Granarolo (C‑617/19, EU:C:2020:1016).


49      Sentenza tad‑29 ta’ April 2015, Nordzucker (C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 29).


50      Mit-Taqsima 2.1. tad-Dokument ta’ Spjegazzjoni Nru 0 jirriżulta li l-Kummissjoni titlaq mill-istess prinċipju, kif ikkonfermat waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali.


51      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Granarolo (C‑617/19, EU:C:2020:1016, punt 85, nota ta’ qiegħ il-paġna 26), li ssemmi l-ħtieġa li l-permess tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ikun jista’ jintrabat mal-persuna li tkun tista’ timmonitorja u tiddikjara l-emissjonijiet.


52      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka (C‑203/12, EU:C:2013:664, punt 28).


53      Ara l-punti 88, 90, 93 u 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


54      Ara, f’dan is-sens: “Guidance Document No 6 on the harmonised free allocation methodology for the EUETS”, tal-Kummissjoni, intitolat “Cross-Boundary Heat Flows”, verżjoni aġġornata tat‑28 ta’ Marzu 2024.


55      Ara wkoll il-punti 64 u 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


56      Dan l-għan jidher li jikkorrispondi għall-projbizzjoni ta’ abbużi ta’ dritt, jiġifieri arranġamenti purament artifiċjali maqtugħin mir-realtà ekonomika ((ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Granarolo (C‑617/19, EU:C:2021:338, punti 63 u 64)).


57      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Digipolis Antwerpen u District09 (T‑575/24, EU:T:2025:973, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


58      Ara, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-kontroll effettiv tal-installazzjoni mill-operatur fil-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


59      Ara l-punti 91, 92, 100 u 101 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jirrigwardaw il-prinċipju ta’ operatur wieħed.


60      Konklużjonijiet fil-kawża Granarolo (C‑617/19, EU:C:2020:1016, punti 82). Għal eżempju ta’ regoli tal-ETS li ma jfixklux dik il-libertà, ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2014, DK Recycling und Roheisen vs Il‑Kummissjoni (T‑630/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:833, punt 58).


61      Fis-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Granarolo (C‑617/19, EU:C:2021:338, punti 48, 57 u 60), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat il-konformità tat-trasferiment ta’ attività mhux imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87, minħabba li ma kellhiex konnessjoni diretta mal-attività li taqa’ taħt dan l-anness.